Skip to content
  • Kunsill Agrikoltura u Sajd

Kunsill Agrikoltura u Sajd, 19 ta' Mejju 2014

Il-Kunsill jiddiskuti kwistjonijiet agrikoli

Imlaqqgħin fi Brussell fid-19 ta' Mejju, il-ministri tal-agrikoltura ddiskutew rapport dwar l-użi minuri tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Huma taw ħarsa wkoll lejn soluzzjonijiet potenzjali għall-problema tal-ħela tal-ikel.

Użi minuri ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

Il-ministri tal-Kunsill Agrikoltura kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-użi minuri tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. It-terminu 'użi minuri' jkopri oqsma fejn hemm ftit inċentiv finanzjarju biex l-industrija tiżviluppa u/jew tapplika għal awtorizzazzjoni għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Dan normalment ifisser jew problema ta' organiżmi ta' ħsara għal għelejjel żgħar, jew problema minuri ta' organiżmi ta' ħsara għal għelejjel kbar. Il-ministri appoġġaw il-ħolqien ta' fond Ewropew sabiex tiġi trattata l-problema ta' użi minuri. Il-fond, issuġġerit f'rapport reċenti tal-Kummissjoni dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, ikun jgħin biex jiġu żviluppati għodod addizzjonali għall-kontroll tal-mard għall-għelejjel żgħar.

Ħela tal-ikel

Il-ministri taw ħarsa lejn il-kwistjoni ta' telf u ħela tal-ikel, u ddiskutew xi soluzzjonijiet potenzjali għall-problema. Wieħed mis-suġġerimenti diskussi kien li jiġu eżentati aktar prodotti mir-rekwiżit li titqiegħed data tal-'uża qabel'. Xi prodotti b'data ta' skadenza twila u li jżommu l-kwalità tagħhom għal żmien itwal huma spiss xorta waħda sikuri biex jittieklu wara d-data indikata tal-'uża qabel'. Ċerti prodotti tal-ikel bħall-inbid, melħ tat-tisjir, zokkor solidu u xi prodotti tal-ħelu huma diġà eżentati mir-regoli.

Suġġetti oħra fuq l-aġenda

Matul il-laqgħa, il-ministri taw ħarsa wkoll lejn:

  • jekk hemmx il-ħtieġa li jiġu riveduti r-regoli attwali dwar it-trattament xieraq tal-annimali waqt it-trasport
  • talba lill-ministri tal-agrikoltura biex ikunu involuti wkoll fid-diskussjonijiet tal-Kunsill dwar il-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030
  • talba għal miżuri rinfurzati dwar l-importazzjoni tal-frott taċ-ċitru mill-Afrika t'Isfel, sabiex il-marda 'black spot' ma titħalliex tidħol fl-UE
  • diffikultajiet relatati mal-abbozz ta' linji gwida 2014-2020 għall-għajnuna mill-istat fis-settur tal-agrikoltura u l-forestrija u f'żoni rurali

Il-Kunsill adotta wkoll il-konklużjonijiet li jilqgħu l-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-foresti.

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Agrikoltura u Sajd

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2025