Skip to content
  • Kunsill Agrikoltura u Sajd

Kunsill Agrikoltura u Sajd, 24 ta' Marzu 2014

Il-Kunsill jiddiskuti miżuri mġedda għall-promozzjoni ta' prodotti agrikoli tal-UE

Meta ltaqa' fl-24 ta' Marzu, il-Kunsill Agrikoltura u Sajd iddiskuta l-promozzjoni ta' prodotti agrikoli u t-tikkettar ta' oriġini għall-prodotti tal-laħam

Promozzjoni ta' prodotti agrikoli

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar regolament propost dwar miżuri ta' għoti ta' informazzjoni u ta' promozzjoni għal prodotti agrikoli. Il-proposta, li ġiet diskussa wkoll waqt l-aħħar laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd fi Frar, għandha l-għan li ġġedded il-politika ta' promozzjoni tal-UE f'konformità mal-Politika Agrikola Komuni riformata (PAK).

Matul id-diskussjonijiet, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taw l-appoġġ tagħhom għall-proposta ta' kompromess tal-Presidenza, u anke għaż-żieda tar-rata ta' finanzjament tal-UE. Il-Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura issa ser jeżamina l-emendi proposti mill-Parlament Ewropew. Imbagħad ser jagħti mandat lill-Presidenza biex tinnegozja mal-Parlament, bil-għan li tiġi adottata l-proposta finali qabel tmiem il-mandat tal-Parlament.

Tikkettar ta' oriġini għal laħam użat bħala ingredjent

Il-Kummissjoni ppreżentat rapport, ippubblikat f'Diċembru 2013, dwar l-estensjoni possibbli ta' tikkettar ta' oriġini obbligatorju għal-laħam kollu użat bħala ingredjent. Ir-rapport jeżamina l-ħtieġa li l-konsumaturi jiġu infurmati u l-fattibbiltà ta' tikkettar ta' oriġini obbligatorju. Janalizza wkoll l-impatt potenzjali fuq is-suq uniku u fuq il-kummerċ internazzjonali.

Id-diskussjonijiet fil-Kunsill urew li għad hemm fehmiet differenti dwar it-tliet xenarji ta' tikkettar ta' oriġini ppreżentati fir-rapport. Ħafna delegazzjonijiet huma favur l-introduzzjoni ta' tikkettar obbligatorju, iżda xi wħud jixtiequ indikazzjoni tal-pajjiż speċifiku tal-UE jew mhux tal-UE, filwaqt li xi wħud jippreferu indikazzjoni ġenerali ta' oriġini tal-UE/mhux tal-UE. Xi oħrajn iridu jżommu l-affarijiet kif inhuma - jiġifieri t-tikkettar ta' oriġini jibqa' fuq bażi volontarja.

Ir-rapport issa ser ikompli jiġi eżaminat fil-korpi ta' tħejjija tal-Kunsill.

Proposta dwar biedja organika

Il-ministri ngħataw tagħrif mill-Kummissjoni dwar proposta biex jerġa' jiġi eżaminat il-qafas legali tal-produzzjoni u l-biedja organiċi fl-Ewropa. Il-proposta l-ġdida tinkludi:

  • regoli armonizzati dwar il-produzzjoni
  • ir-rekwiżit li l-ingredjenti agrikoli fi prodotti proċessati organiċi jkunu esklużivament organiċi
  • rekwiżit li operaturi organiċi li mhumiex bdiewa jiżviluppaw sistema biex itejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom
  • test leġislattiv waħdieni li jiddeskrivi fid-dettall is-sistema ta' kontroll
  • sistema ta' ċertifikazzjoni bħala gruppi għal bdiewa fuq skala żgħira fl-UE
  • dispożizzjonijiet speċifiċi għal traċċabbiltà msaħħa u l-prevenzjoni ta' frodi

 

Suġġetti oħrajn fuq l-aġenda

Sajd

Il-ministri ħadu nota tal-konsultazzjonijiet tal-Istati Kostali dwar il-kavalli u l-konsultazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u n-Norveġja. Il-Kummissjoni rrapportat lill-Kunsill dwar l-arranġament ta' ħames snin għall-kavalli fil-Grigal tal-Atlantiku, li ntlaħaq fit-12 ta' Marzu bejn l-UE, il-Gżejjer Faeroe u n-Norveġja. Il-Kunsill laħaq qbil ukoll dwar il-qabda totali permissibbli (TAC) tal-2014 għaċ-ċiċċirell.

Agrikoltura

Il-ministri kellhom dibattitu dwar il-ġejjieni tas-settur tal-ħalib fil-kuntest tat-tmiem tas-sistema ta' kwoti tal-ħalib fl-2015. Il-Kunsill ikkunsidra wkoll rapport dwar is-settur tal-frott u l-ħxejjex mir-riforma tal-2007 'l hawn.

Il-ministri ddiskutew ukoll:

  • inizjattiva biex jiġi promoss l-għasel bħala parti mill-kolazzjon tat-tfal tal-iskola
  • l-eżitu tal-Forum Globali dwar il-Biedja mill-Familji, f'Budapest mill-4 sas-6 ta' Marzu
  • id-diffikultajiet li qed iħabbat wiċċu magħhom is-settur tar-ross tal-UE minħabba importazzjonijiet li qed jiżdiedu ta' ross mitħun
  • miżuri kummerċjali għall-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat

Dokumenti tal-laqgħat

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Agrikoltura u Sajd

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2025