Skip to content
  • Kunsill Agrikoltura u Sajd

Kunsill Agrikoltura u Sajd, 20 ta' Novembru 2023

Riżultati prinċipali

Agrikoltura

Konklużjonijiet dwar viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE (LTVRA)

Illum il-Kunsill approva l-konklużjonijiet dwar viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE.

Il-konklużjonijiet ġew approvati unanimament mill-ministri għall-agrikoltura tal-UE. Dawn jipprovdu gwida politika lill-Kummissjoni u lill-istati membri dwar l-azzjonijiet futuri tagħhom b'appoġġ għal dawn iż-żoni, li jkopru aktar minn 80% tat-territorju tal-UE.

It-test jirrikonoxxi r-rwol ewlieni li ż-żoni rurali għandhom fil-kontribut għas-saħħa ekonomika tal-UE, it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, l-azzjoni klimatika, u fil-preservazzjoni tal-wirt kulturali tal-komunitajiet lokali.

Il-konklużjonijiet jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħtieġa li tissaħħaħ in-nisġa soċjali u ekonomika taż-żoni rurali bl-użu ta' strumenti rilevanti fil-politiki kollha. Il-Kunsill enfasizza wkoll diversi kwistjonijiet rilevanti bħall-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tal-atturi lokali rilevanti, it-titjib tal-konnettività u l-iżvilupp tal-kompetenzi diġitali fiż-żoni rurali, u l-appoġġ għall-investimenti.

F'dan il-kuntest, għandhom ikunu involuti l-politiki u l-istrumenti rilevanti kollha tal-UE filwaqt li jikkontribwixxu bir-riżorsi xierqa biex jappoġġaw iż-żoni rurali. Il-koerenza u s-sinerġiji tal-politiki u l-istrumenti għandhom jissaħħu f'dan is-sens.

It-test jenfasizza wkoll ir-rwol taż-żgħażagħ u n-nisa. Barra minn hekk, il-ministri rrikonoxxew il-ħtieġa li jiġu ssimplifikati l-proċeduri sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi, u b'hekk l-atturi rurali jiġu mħeġġa jiżviluppaw u jimplimentaw proġetti ġodda għall-iżvilupp taż-żoni rurali.

Fil-konklużjonijiet, il-Kunsill iħeġġeġ lill-istati membri biex ikomplu jiżviluppaw strateġiji għall-benefiċċju taż-żoni u l-komunitajiet rurali.

Il-konklużjonijiet huma bbażati fuq komunikazzjoni ppubblikata mill-Kummissjoni f'Ġunju 2021, bl-isem "Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE", li għandha l-għan li toħloq komunitajiet rurali aktar b'saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperużi sal-2040. Il-komunikazzjoni ddeskriviet l-isfidi li jiffaċċaw iż-żoni rurali u enfasizzat xi wħud mill-opportunitajiet disponibbli għalihom.

L-approvazzjoni tal-konklużjonijiet mill-ministri għall-agrikoltura tal-UE ġiet wara proċess twil ta' konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati kollha, li fih kellhom l-opportunità li jesprimu l-prijoritajiet u t-tħassib tagħhom dwar l-iżvilupp futur taż-żoni rurali tal-UE.

Il-proċess beda fl-2021 bl-ewwel diskussjoni politika dwar il-viżjoni rurali, li saret mill-presidenza Slovena. Sussegwentement, f'April 2023 il-presidenza Żvediża organizzat konferenza dwar il-patt rurali, u saret diskussjoni ministerjali matul il-laqgħa tal-Kunsill Agrifish ta' Settembru 2023. Fl-aħħar nett, il-presidenza Spanjola organizzat forum ta' livell għoli dwar il-politika rurali f'Sigüenza dwar it-tiswir tal-futur taż-żoni rurali fi tmiem l-istess xahar.

Sajd

Opportunitajiet tas-sajd għall-Atlantiku u l-Baħar tat-Tramuntana, u għall-Mediterran u l-Baħar l-Iswed

Il-ministri għas-sajd kellhom l-ewwel skambju ta' fehmiet dwar żewġ proposti mill-Kummissjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd, jiġifieri l-proposta għall-opportunitajiet tas-sajd fl-Atlantiku u l-Baħar tat-Tramuntana għall-2024 u, fil-każ ta' xi stokkijiet, anke għall-2025 u l-2026, kif ukoll il-proposta dwar l-opportunitajiet tas-sajd fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed għall-2024.

L-istokkijiet ikkonċernati miż-żewġ proposti huma dawk li l-UE timmaniġġa jew waħedha, b'mod konġunt ma' pajjiżi ġirien li mhumiex fl-UE, jew permezz ta' ftehimiet milħuqa taħt l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs).

Id-diskussjoni tal-ministri għenet biex titwitta t-triq għal-laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd ta' Diċembru, meta l-ministri huma mistennija jilħqu qbil politiku dwar iż-żewġ proposti.

L-għan tad-deċiżjoni ta' Diċembru huwa li jiġu stabbiliti l-limiti tal-qbid u tal-isforz tas-sena d-dieħla għall-biċċa l-kbira tal-istokkijiet tal-ħut kummerċjali, flimkien ma' kwoti nazzjonali għal kull speċi.

Għall-ewwel darba, fil-każ ta' disa' stokkijiet, il-Kummissjoni qed tipproponi li tistabbilixxi limiti tal-qbid għal sentejn sa tliet snin, magħrufa bħala "qabdiet totali permissibbli (TACs) pluriennali", minflok ma tevalwahom mill-ġdid kull sena. Dan huwa bbażat fuq parir pluriennali mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES). L-għan tal-approċċ pluriennali huwa li jgħin biex jiġu żgurati ċ-ċertezza u l-istabbiltà għall-industrija, u biex tittejjeb l-effiċjenza tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet.

Fil-laqgħa tal-lum, il-ministri laqgħu bi pjaċir l-opportunità li jinbdew id-diskussjonijiet dwar l-opportunitajiet tas-sajd matul il-laqgħa ta' Novembru tal-Kunsill.

Matul id-diskussjoni, il-ministri enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu bbilanċjati t-tliet pilastri tal-politika komuni tas-sajd, jiġifieri s-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali tas-settur tas-sajd.

Suġġetti oħra li tqajmu fil-laqgħa kienu l-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi mal-flotot tas-sajd minn pajjiżi terzi, u li jinkisbu riżultati pożittivi u sodisfaċenti fil-konsultazzjonijiet tal-UE ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari r-Renju Unit u n-Norveġja.

Infografika - l-iffissar ta' kwoti u limiti tal-qbid
L-iffissar ta' kwoti u limiti tal-qbid (Infografika)

L-iffissar ta' kwoti u limiti tal-qbid (Infografika)

Affarijiet oħra

Matul il-jum, il-ministri rċevew informazzjoni dwar diversi suġġetti differenti.

Il-presidenza infurmat lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni attwali tal-ħidma li għaddejja fuq il-proposta għal tekniki ġenomiċi ġodda. B'mod partikolari, il-ministri ġew aġġornati dwar il-ħidma teknika mwettqa s'issa fil-Grupp ta' Ħidma dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi u Innovazzjoni fl-Agrikoltura (Innovazzjoni fl-Agrikoltura). Il-progress tajjeb li sar s'issa fl-eżami tal-proposta fil-livell tekniku ġie enfasizzat, u l-ministri ġew infurmati li l-ħidma ser tkompli bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar pożizzjoni tal-Kunsill. Id-delegazzjoni Kroata pprovdiet ukoll informazzjoni lill-Kunsill dwar dan is-suġġett.

Il-Kummissjoni pprovdiet ukoll lill-Kunsill informazzjoni aġġornata dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-foresti għall-2030.

Sussegwentement, id-delegazzjoni Awstrijaka pprovdiet informazzjoni dwar il-grupp "For Forest", filwaqt li d-delegazzjoni Ġermaniża infurmat lill-ministri dwar il-miżuri ta' appoġġ għall-pajjiżi sħab fir-rigward tad-deforestazzjoni.

Fl-aħħar nett, id-delegazzjoni Taljana pprovdiet informazzjoni lill-Kunsill dwar ir-rwol tal-bdiewa fis-sostenibbiltà taż-żoni rurali, u d-delegazzjoni Franċiża infurmat lill-ministri dwar applikazzjoni parzjali tal-istandard 8 tal-Kundizzjoni Agrikola u Ambjentali Tajba (KAAT) għall-kampanja tal-2024.

Punti A

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti "A" leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

B'mod partikolari, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiffirma d-Dikjarazzjoni tal-COP28 dwar "Agrikoltura Sostenibbli, Sistemi tal-Ikel Reżiljenti u Azzjoni Klimatika" f'isem l-UE matul is-Summit Dinji dwar l-Azzjoni Klimatika tal-COP28.

Id-dikjarazzjoni tappella lill-kapijiet ta' stat u ta' gvern biex jieħdu azzjoni f'diversi oqsma relatati mal-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, tikkonferma mill-ġdid l-impenn sod tagħhom għall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta' Pariġi. Din id-dikjarazzjoni politika titlob l-integrazzjoni tal-agrikoltura u tas-sistemi tal-ikel fl-azzjoni klimatika tagħna, u l-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel.

Barra minn hekk, il-Kunsill approva t-test konġunt dwar il-baġit ġenerali tal-UE għall-2024. Il-baġit għall-2024 jipprevedi €40 517.3 miljun f'impenji u €40 505.5 miljun f'pagamenti għall-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG), u €13 155.8 miljun f'impenji u €11 991.9 miljun f'pagamenti għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

Il-Kunsill adotta wkoll formalment ir-regolament dwar l-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku għall-2024.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Agrikoltura u Sajd

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2025