Skip to content
  • Kunsill Agrikoltura u Sajd

Kunsill Agrikoltura u Sajd, 26 ta' Frar 2024

Riżultati ewlenin

Agrikoltura

Reazzjonijiet rapidi u strutturali għas-sitwazzjoni ta' kriżi li qed jiffaċċa s-settur agrikolu

Fl-isfond tal-protesti tal-bdiewa li għaddejjin bħalissa u abbażi ta' informazzjoni mill-presidenza Belġjana u dokument informali dwar is-simplifikazzjoni mħejji mill-Kummissjoni Ewropea, il-ministri għall-agrikoltura ddiskutew il-kriżi u l-isfidi attwali fis-settur.

Il-Kunsill ikkonferma r-rieda politika tiegħu li jwieġeb b'mod effettiv għat-tħassib tal-bdiewa u, bħala l-ewwel pass, qabel dwar sett ta' miżuri konkreti li għandhom ikunu prijorità għar-rispons fuq perjodu qasir għall-kriżi attwali, u offra gwida politika għat-triq 'il quddiem u għal approċċ strutturali fil-perjodu medju u fit-tul.

L-eżitu tal-laqgħa tagħna juri li qed nisimgħu dak li qed jgħidu l-bdiewa u li qed nisimgħuhom tajjeb ħafna. Aħna impenjati li ngħinu biex jittaffew il-pressjonijiet li qed jiffaċċjaw u li noffrulhom soluzzjonijiet konkreti. Il-prijoritajiet għall-miżuri ta' simplifikazzjoni li qbilna dwarhom ser inaqqsu l-piż amministrattiv fuq il-bdiewa u jagħtuhom il-flessibbiltà li jeħtieġu. Qed inħarsu 'l quddiem ukoll lejn il-futur, biex intejbu l-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel, filwaqt li niżguraw li nirrispettaw l-impenji tagħna dwar is-sostenibbiltà ambjentali. David Clarinval, Viċi Prim Ministru u Ministru għal dawk li Jaħdmu għal Rashom, l-SMEs u l-Agrikoltura, ir-Riforma Istituzzjonali u t-Tiġdid Demokratiku tal-Belġju

Il-ministri ħadu nota li l-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-1 ta' Frar 2024, fakkar fir-rwol essenzjali tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) fl-indirizzar tat-tħassib espress mill-bdiewa, u inkariga lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex imexxu l-ħidma 'l quddiem.

Matul il-laqgħa tiegħu, il-Kunsill laqa' d-deċiżjonijiet reċenti mħabbra mill-Kummissjoni f'dan il-kuntest, bħall-eżenzjoni parzjali mir-regoli dwar ir-raba' mistrieħ, l-hekk imsejjaħ standard 8 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba(KAAT 8), l-irtirar tal-proposta għal regolament dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi (SUR), u s-salvagwardji addizzjonali fit-tiġdid propost tal-miżuri kummerċjali awtonomi għall-importazzjonijiet mill-Ukrajna.

Bħala parti mill-iskambju ta' fehmiet tiegħu, il-Kunsill iddiskuta l-miżuri fuq terminu qasir li l-għan tagħhom huwa s-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv li qed jiffaċċjaw il-bdiewa u enfasizza li l-UE għandha tirreaġixxi għat-tħassib tal-bdiewa.

Il-Kunsill ibbaża din id-diskussjoni fuq suġġerimenti li saru mill-istati membri qabel il-laqgħa tal-lum, kif ukoll fuq dokument li fih miżuri ta' simplifikazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni.

L-azzjonijiet fuq terminu qasir proposti mill-Kummissjoni u approvati mill-Kunsill illum iqisu l-kontributi li saru mill-organizzazzjonijiet tal-biedja tal-UE, kif ukoll il-kontribut mill-kumitat agrikolu tal-Parlament Ewropew.

Huma jiffukaw fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u l-burokrazija kemm għall-bdiewa kif ukoll għall-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Skont il-KAAT 1, dawk li qabel kienu bdiewa li jrabbu l-bhejjem b'żoni kbar ta' art bil-ħaxix li minħabba disturbi fis-suq fis-settur tal-laħam u tal-ħalib kellhom jaqilbu għall-produzzjoni tal-għelejjel li jinħadem jistgħu jintalbu jikkonvertu lura l-art li tinħadem tagħhom f'art bil-ħaxix permanenti. Dan jista' jwassal għal telf ta' introjtu għal dawk il-bdiewa. Għalhekk, il-Kunsill laqa' l-proposta mill-Kummissjoni biex sa nofs Marzu jiġu emendati r-regoli tal-KAAT 1 biex jiġi żgurat li jitqiesu l-bidliet strutturali kkawżati minn tnaqqis fil-bhejjem u li l-bdiewa mingħajr bhejjem ma jkunux obbligati jerġgħu jikkonvertu lura l-art li tinħarat f'mergħa jew f'art bil-ħaxix.

Fir-rigward tal-KAAT 6, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tirrieżamina l-prattiki li huma possibbli biex tiġi koperta l-ħamrija, sabiex jittieħed kont tal-karatteristiċi reġjonali, sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu jibbenefikaw minn flessibbiltà akbar. Il-Kummissjoni ser tirrieżamina din il-possibbiltà u tippreżenta linji gwida f'April.

Miżura oħra milqugħa mill-ministri hija r-rieżami li jmiss mill-Kummissjoni tal-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-kwalità tas-Sistema ta' Monitoraġġ tal-Erja (AMS). L-AMS hija sistema bbażata fuq l-analiżi awtomatizzata ta' immaġnijiet bis-satellita minn Copernicus. Din ir-reviżjoni, mistennija f'Marzu 2024, ser tgħin b'mod sinifikanti biex jitnaqqas l-għadd ta' żjarat fl-azjendi agrikoli mill-amministrazzjonijiet nazzjonali, f'xi każijiet b'50 % jew aktar.

Barra minn hekk, il-Kunsill laqa' l-fatt li l-Kummissjoni ser tippubblika nota ta' spjegazzjoni biex tispjega u tiċċara l-użu tal-hekk imsejjaħ kunċett ta' force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali.

Dan il-kunċett jiżgura li l-bdiewa li ma jistgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tagħhom tal-PAK minħabba avvenimenti eċċezzjonali u imprevedibbli mhux fil-kontroll tagħhom (bħal f'każijiet ta' nixfa severa jew għargħar) ma jiġux imposti penali. Il-pubblikazzjoni ta' din in-nota ntlaqgħet tajjeb mill-ministri għall-agrikoltura, li qabel kienu enfasizzaw l-importanza li tittejjeb il-komunikazzjoni mal-bdiewa u li jiġi żgurat li jkollhom informazzjoni adegwata dwar l-appoġġ mill-PAK.

Kif mitlub mill-istati membri, il-Kummissjoni impenjat ruħha li taħdem flimkien magħhom sabiex tiddetermina modi possibbli ta' razzjonalizzazzjoni tal-kontrolli, bl-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-bdiewa.

Il-Kunsill laqa' wkoll l-istħarriġ li jmiss indirizzat lill-bdiewa li l-Kummissjoni ser tniedi f'Marzu, sabiex jiġi żgurat li jinstemgħu l-ilħna tal-bdiewa. Il-ministri għall-agrikoltura enfasizzaw l-importanza ta' dan il-proċess, bl-għan li jiġu identifikati s-sorsi ewlenin ta' tħassib għall-bdiewa u jiġi mifhum liema elementi li jirriżultaw mir-regoli tal-PAK iwasslu għal piż amministrattiv akbar. Ir-riżultati tal-istħarriġ, flimkien ma' analiżi dettaljata, mistennija jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni fil-ħarifa tal-2024.

Barra minn hekk, il-Kunsill qabel li l-proċess tal-emendar tal-pjanijiet strateġiċi tal-PAK għandu jiġi ssimplifikat. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni impenjat ruħha li taħdem flimkien mal-istati membri biex tgħinhom jissimplifikaw l-interventi tagħhom u jiffaċilitaw l-emendi għall-pjanijiet strateġiċi.

Minbarra dawn l-azzjonijiet fuq perjodu qasir immirati lejn is-simplifikazzjoni tal-ħajja ta' kuljum tal-bdiewa u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv kemm għall-bdiewa kif ukoll għall-amministrazzjonijiet nazzjonali, il-ministri enfasizzaw li huwa meħtieġ ukoll approċċ fit-tul. Għalhekk, il-Kunsill insista li jiġu eżaminati modi kif tittejjeb is-sitwazzjoni tal-bdiewa fuq perjodu ta' żmien medju sa twil, inkluż il-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-provvista tal-ikel.

Il-Kunsill insista wkoll li huwa meħtieġ rieżami tal-atti bażiċi tal-Politika Agrikola Komuni. Dan ir-rieżami għandu jinbeda malajr kemm jista' jkun.

F'dan ir-rigward, il-Kunsill enfasizza d-determinazzjoni u r-rieda politika tiegħu li jagħti rispons effettiv għat-tħassib imqajjem mill-bdiewa.

Bil-ħsieb ta' dan l-għan ġenerali, il-ministri għall-agrikoltura pprovdew gwida politika dwar it-titjib tar-rwol tal-bdiewa bħala garanti tas-sigurtà tal-ikel tagħna, filwaqt li żguraw li l-impenji tagħna għas-sostenibbiltà ambjentali jiġu rispettati. Dan ikun jeħtieġ modifiki mmirati tal-atti bażiċi tal-PAK, li jiżguraw bilanċ fl-effetti tal-ftehimiet kummerċjali u jgħinu l-esportazzjonijiet agrikoli Ukreni biex jilħqu s-swieq tradizzjonali tagħhom.

Il-Kunsill stieden lill-Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura biex ikompli jeżamina s-suġġerimenti u l-proposti diskussi mill-ministri, f'konformità mal-gwida politika pprovduta mill-ministri, u biex jirrapporta lura lill-Kunsill.

B'mod parallel, id-djalogu strateġiku dwar il-futur tal-agrikoltura mniedi mill-Kummissjoni ser ikompli għaddej, biex jiġu identifikati modi kif tittejjeb il-PAK fuq terminu twil. Il-presidenza enfasizzat l-importanza li jiġi żgurat li f'dan il-proċess jinstemgħu l-ilħna tal-istati membri.

Fl-aħħar nett, il-presidenza kkonkludiet li ser tirrapporta lura lill-Kunsill Ewropew l-eżitu tal-laqgħa tal-Kunsill.

Illustrazzjoni li turi trakk qed iġorr prodotti agrikoli
Politika agrikola aktar ġusta, aktar ekoloġika u bbażata aktar fuq ir-rendiment (Infografika)

Politika agrikola aktar ġusta, aktar ekoloġika u bbażata aktar fuq ir-rendiment (Infografika)

Affarijiet oħra

Diversi punti taħt "affarijiet oħra" kienu wkoll fuq l-aġenda.

Fil-preżenza ta' Hilde Crevits, il-Ministru Fjamming għall-Benesseri, is-Saħħa Pubblika u l-Familja, u responsabbli għas-Sajd tal-Belġju, il-Kunsill irċieva informazzjoni dwar żewġ punti taħt “affarijiet oħra” relatati mas-sajd.

Id-delegazzjoni Daniża u dik Żvediża infurmaw lill-ministri dwar miżuri ta' ġestjoni unilaterali għas-sajd introdotti mir-Renju Unit rigward iċ-ċiċċirell. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni lill-ministri dwar l-użu tas-sistema diġitali “CATCH” għall-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

Barra minn hekk, il-presidenza Belġjana pprovdiet informazzjoni lill-Kunsill dwar ir-riżultati tal-konferenza ministerjali dwar il-bijosigurtà u t-tilqim, li saret fl-24 ta' Jannar 2024. Id-delegazzjonijiet enfasizzaw l-importanza tat-tilqim mhux biss bħala għodda ta' prevenzjoni iżda wkoll bħala miżura komplementari għall-ġlieda kontra l-mard bħall-HPAI u l-ASF.

Fl-aħħar nett, il-Kunsill irċieva informazzjoni mid-delegazzjoni Rumena u dik Pollakka dwar il-KAAT 7 u 8, mid-delegazzjoni Taljana dwar l-agrikoltura, il-PAK u s-sovranità tal-ikel, mid-delegazzjoni Slovakka dwar l-appelli tal-bdiewa għal settur agrikolu kompetittiv u reżiljenti, u mid-delegazzjoni Pollakka dwar il-mira ta' tnaqqis tal-UE għall-2040.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Agrikoltura u Sajd

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2025