Il-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut tal-UE
L-istati membri tal-UE ddefinixxew regoli komuni, permezz tal-politika komuni tas-sajd, għall-ġestjoni tar-riżorsi tal-ħut u biex jiżguraw li dawn jistgħu jintużaw b'mod sostenibbli filwaqt li jipprovdu ikel tajjeb għas-saħħa bi prezzijiet raġonevoli.
Għaliex l-UE għandha bżonn tiġġestixxi l-istokkijiet tal-ħut?
Il-ħut, kif ukoll il-prodotti tal-akkwakultura, huma komponent importanti ta' dieta tajba għas-saħħa. L-UE hija l-akbar suq tal-frott tal-baħar fid-dinja. Bħala medja, 24.4 kg ta' ħut jew frott tal-baħar għal kull ċittadin jiġu kkunsmati kull sena fl-UE. 75% tal-ħut u tal-frott tal-baħar ikkunsmat jiġi minn sajd selvaġġ.
Ir-riżorsi tal-ħut mhumiex bla limitu u s-sajd żejjed jista' jkollu impatt fuq il-kapaċità riproduttiva tal-istokkijiet. Mingħajr xi kontroll fuq min jistad għal xiex, xi stokkijiet ta' ħut jistgħu jinqerdu jew ma jibqgħux ekonomikament vijabbli li jinqabdu.
Parti mill-politika komuni tas-sajd tal-UE, is-sistema ta' ġestjoni tas-sajd tal-UE:
- tgħin biex titħares ir-riproduzzjoni tal-istokkijiet tal-ħut
- tħejji l-kondizzjonijiet għal industrija tas-sajd li tħalli l-qligħ
- tqassam l-opportunitajiet tas-sajd
- għandha rwol ewlieni fil-preservazzjoni tal-ekosistema tal-baħar
L-iffissar ta' kwoti u limiti tal-qbid (Infografika)
Is-sistema ta' ġestjoni tas-sajd tal-UE
L-istokkijiet tal-ħut u s-sajd l-aktar importanti tal-UE huma ġestiti fil-livell tal-UE, permezz ta':
- pjanijiet ta' ġestjoni pluriennali
- limiti tal-qabdiet annwali (magħrufa bħala TACs)
Kull pjan ta' ġestjoni pluriennali fih għanijiet għall-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut u jista' jinkludi wkoll regoli speċifiċi oħra ta' konservazzjoni. Barra minn hekk, il-pjanijiet pluriennali jinkludu mira tar-rendiment massimu sostenibbli u skadenza biex tintlaħaq din il-mira.
L-UE tistabbilixxi l-limiti ta' qbid annwali għall-parti l-kbira tal-istokkijiet tal-ħut kummerċjali. Dawn jissejħu wkoll qabdiet totali permissibbli (TACs) jew opportunitajiet tas-sajd. Kull TAC titqassam fost l-istati membri tal-UE permezz ta' kwoti nazzjonali. L-istati membri individwali huma responsabbli biex jiżguraw li l-kwoti tagħhom ma jinqabżux.
Il-kwoti u l-limiti ta' qbid jikkonċernaw l-istokkijiet tal-ħut li jinsabu fl-ilmijiet tal-UE jew li jiġu mistada minn bastimenti tas-sajd tal-UE f'ċerti ilmijiet mhux tal-UE.
Termini ewlenin
Stokk tal-ħut - ir-riżorsi ħajjin f'komunità tal-baħar li minnha jittieħdu l-qabdiet. Dan jista' jinkludi l-popolazzjoni ta' speċi waħda jew aktar ta' ħut, invertebrati u pjanti
Qabdiet totali permissibbli (TACs), magħrufa wkoll bħala opportunitajiet tas-sajd - il-kwantitajiet massimi ta' ħut minn stokkijiet speċifiċi li jistgħu jinqabdu (espressi bħala tunnellati jew unitajiet)
Kwoti (nazzjonali) - is-sehem tal-qabda totali permissibbli li hija permessa għal kull stat membru
Rendiment massimu sostenibbli - l-ikbar qabda li tista' tittieħed mill-istokk ta' speċi mingħajr ma jitnaqqas id-daqs tal-popolazzjoni
Fejn jinsabu l-ilmijiet tal-UE?
Din il-mappa turi ż-żoni ekonomiċi esklużivi (ŻEE) tal-istati membri tal-UE. Kull pajjiż għandu d-drittijiet li jisfrutta r-riżorsi tal-baħar fiż-żona tiegħu. L-istati membri tal-UE jiġġestixxu l-biċċa l-kbira tar-riżorsi b'mod konġunt abbażi tar-regoli maqbula mal-politika komuni tas-sajd tal-UE.
Kosta: © EuroGeographics, © FAO (NU). ŻEE: © VLIZ, Sors: Kummissjoni Ewropea – Eurostat/GISCO
Ftehimiet internazzjonali: koġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut
Għall-istokkijiet tal-ħut kondiviżi u ġestiti flimkien ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE, l-opportunitajiet tas-sajd miftiehma fil-livell tal-UE jridu jkunu konformi mar-riżultati ta' konsultazzjonijiet rikorrenti ma' dawk il-pajjiżi li mhumiex fl-UE. Dawn il-konsultazzjonijiet huma bbażati fuq ftehimiet internazzjonali dwar il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tas-sajd.
Il-ftehimiet internazzjonali huma parti importanti mill-ġestjoni tas-sajd fl-UE. Żewġ tipi prinċipali ta' ftehimiet tas-sajd internazzjonali huma l-ftehimiet bilaterali u l-ftehimiet pluriennali.
Kwoti tas-sajd wara l-Brexit (Infografika)
Bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, l-opportunitajiet tas-sajd għal stokkijiet kondiviżi bejn l-UE u r-Renju Unit huma definiti skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Skont il-ftehim, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2021, l-UE u r-Renju Unit għandu jkollhom konsultazzjonijiet annwali biex jiddeterminaw l-opportunitajiet tas-sajd għal stokkijiet kondiviżi għas-sena ta' wara.
X'inhu r-rwol tal-Kunsill fil-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut?
Il-Kunsill għandu rwol ewlieni fil-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut tal-UE u fid-determinazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd għall-operaturi fl-istati membri, kif stabbilit fl-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.
Ir-responsabbiltajiet tal-Kunsill jinkludu:
- l-iffissar tal-qabdiet totali permissibbli (TACs)
- l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd lill-istati membri
F'termini prattiċi, dan ifisser li kull sena l-Kunsill, abbażi ta' proposti mill-Kummissjoni Ewropea li huma bbażati fuq parir xjentifiku, jadotta l-limiti tal-qbid u l-kwoti annwali għal kull stokk ta' ħut taħt il-ġestjoni tiegħu. Dan jieħu l-forma ta' regolament li jista' jiġi aġġornat kif meħtieġ matul is-sena.
Fir-rigward tal-ftehimiet internazzjonali dwar is-sajd, il-Kunsill huwa responsabbli li:
- jagħti l-mandat għal negozjati
- jiffirma l-ftehimiet f'isem l-UE
- jadotta d-deċiżjoni finali li timplimenta l-ftehimiet fid-dritt tal-UE
Il-Kunsill jagħti wkoll il-mandat ta' negozjar lill-Kummissjoni meta din tirrappreżenta lill-UE fid-diversi organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd li l-UE hija membru tagħhom.
L-UE għandha kompetenza esklużiva dwar "il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar skont il-politika komuni tas-sajd", skont it-trattati tal-UE. Oqsma oħra tal-politika tas-sajd (il-politika tas-suq, il-kontroll u l-akkwakultura) huma kompetenza kondiviża. Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja tapplika għal kważi d-deċiżjonijiet kollha dwar is-sajd, bl-eċċezzjoni notevoli tal-iffissar tal-limiti ta' kwoti u ta' qbid li huwa prerogattiva tal-Kunsill.