"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Kunsill Agrikoltura u Sajd, 10 u 11 ta' Diċembru 2023
Riżultati prinċipali
Sajd
Opportunitajiet tas-sajd għall-2024
Il-ministri għas-sajd qablu dwar l-opportunitajiet tas-sajd fl-Atlantiku, fil-Baħar tat-Tramuntana, u fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għall-2024.
Għall-Atlantiku u għall-Baħar tat-Tramuntana, fil-każ ta' tmien stokkijiet, id-deċiżjoni tikkonċerna wkoll il-limiti tal-qbid għall-2025 u f'żewġ każijiet ukoll għall-2026. Dawn huma magħrufa bħala "qabdiet totali permissibbli pluriennali (TACs)".
Skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-UE u r-Renju Unit ikollhom taħditiet annwali biex jaqblu dwar stokkijiet kondiviżi. Dawn ġew konklużi b'suċċess qabel il-laqgħa tal-Kunsill ta' Diċembru, u l-eżitu tal-ftehim ġie adottat permezz ta' proċedura bil-miktub.
Il-ftehim politiku milħuq matul il-Kunsill Agrikoltura u Sajd jintegra ċ-ċifri tar-Renju Unit fid-deċiżjoni prinċipali.
Wara jumejn u lejl twil ta' negozjati intensi lħaqna ftehim politiku li ser jgħin biex l-istokkijiet tal-ħut jinżammu f'livelli sostenibbli, filwaqt li jiġi protett ukoll l-għajxien tal-flotot tas-sajd Ewropej.
Luis Planas Puchades, Ministru ta' Spanja għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Ikel
L-iffissar ta' kwoti u limiti tal-qbid (Infografika)
Agrikoltura
Tekniki ġenomiċi ġodda
Il-Kunsill ħa nota tal-progress tajjeb li sar matul il-presidenza Spanjola dwar ir-regolament propost dwar pjanti miksuba minn ċerti tekniki ġenomiċi ġodda u l-ikel u l-għalf tagħhom.
Ir-regolament propost għandu l-għan li jippermetti lis-settur agroalimentari tal-UE jikkontribwixxi għall-għanijiet ta' innovazzjoni u sostenibbiltà tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-istrateġiji "Mill-Għalqa sal-Platt" u għall-bijodiversità, filwaqt li jsaħħaħ il-kompetittività tas-settur. Barra minn hekk, ir-regoli proposti jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-ambjent.
Hekk kif qed toqrob tmiem l-ewwel sena ta' implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni (PAK) il-ġdida, il-ministri evalwaw il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK.
Il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK jikkostitwixxu l-għodda ewlenija biex jintlaħqu l-objettivi tal-PAK bejn l-2023 u l-2027. Dawn ġew abbozzati mill-istati membri u approvati mill-Kummissjoni.
Il-pjanijiet jappoġġaw il-biedja u ż-żoni rurali b'total ta' €307 biljun f'nefqa pubblika permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (inkluż il-kofinanzjament nazzjonali).
Barra minn hekk, il-pjanijiet strateġiċi jikkontribwixxu għall-impenji ambjentali u klimatiċi tal-UE, u għandhom rwol importanti fil-kisba tal-għanijiet tal-istrateġiji mill-għalqa sal-platt u tal-bijodiversità.
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-pjanijiet strateġiċi u ddiskutew l-isfidi rigward l-implimentazzjoni tagħhom. B'mod partikolari, huma enfasizzaw il-ħtieġa għal stabbiltà u prevedibbiltà għall-bdiewa, filwaqt li enfasizzaw l-importanza tas-simplifikazzjoni u tal-iffaċilitar tal-proċess biex isiru emendi għall-pjanijiet strateġiċi.
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni u l-istati membri, il-Kunsill kellu diskussjoni politika ffukata fuq il-fatturi ewlenin li jaffettwaw il-profittabbiltà tal-biedja fl-UE u l-introjtu tal-bdiewa Ewropej.
Il-ministri kellhom id-diskussjoni tagħhom b'kont meħud tal-iżviluppi ġeopolitiċi attwali, inkluż il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja li għaddejja kontra l-Ukrajna, u s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani.
B'riżultat ta' dan, il-Kunsill ipprovda gwida politika dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi li s-settur agrikolu tal-UE qed jiffaċċa bħalissa b'mod f'waqtu u effettiv permezz tal-PAK.
Il-Presidenza ppreżentat rapport ta' progress li jiffoka fuq il-ħidma mwettqa fil-Kunsill dwar il-proposta ta' hawn fuq.
Il-proposta tal-Kummissjoni, adottata fit-22 ta' Ġunju 2022, hija parti minn pakkett ta' miżuri biex titnaqqas l-impronta ambjentali tas-sistemi tal-ikel tal-UE.
Il-miżuri ewlenin proposti jinkludu: miri legalment vinkolanti fil-livell tal-UE biex jitnaqqas b'50% l-użu tal-pestiċidi kimiċi u r-riskju minnhom kif ukoll l-użu ta' pestiċidi aktar perikolużi sal-2030, miżuri ġodda ta' kontroll tal-pesti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u projbizzjoni fuq il-pestiċidi f'żoni sensittivi.
Matul il-presidenza Spanjola, saret ħidma teknika dwar il-proposta fil-livell ta' grupp ta' ħidma.
Il-presidenza pprovdiet ħarsa ġenerali lill-Kunsill lejn din il-ħidma, b'enfasi fuq il-progress li sar f'diversi aspetti, inkluż l-"oqsma sensittivi", il-miri obbligatorji ta' tnaqqis fil-livell tal-UE u l-miżuri nazzjonali, u l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali.
Il-presidenza pprovdiet rapporti ta' progress lill-Kunsill dwar il-ħidma mwettqa fuq il-proposti ta' materjal riproduttiv tal-pjanti u tal-foresti, li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni fil-5 ta' Lulju 2023.
Parti mil-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tal-materjal riproduttiv tal-pjanti (PRM) u tal-materjal riproduttiv tal-foresti (FRM) tmur lura għas-snin sittin. Il-proposti tal-Kummissjoni għandhom l-għan li jaġġornawha, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi madwar l-UE u biex jiġu appoġġati l-innovazzjoni, l-iżviluppi teknoloġiċi u l-kompetittività, filwaqt li jgħinu wkoll biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mas-sostenibbiltà, il-bijodiversità u l-klima. Iż-żewġ proposti huma konformi mal-istrateġija mill-għalqa sal-platt u l-istrateġija għall-bijodiversità.
Il-Kunsill laqa' l-ħidma mwettqa fil-livell tekniku matul il-presidenza Spanjola.
Il-ministri qablu mal-għan li l-bdiewa Ewropej ikollhom aċċess għal speċijiet ta' pjanti u foresti aktar diversi u robusti, li huma reżiljenti għall-pesti u l-avvenimenti estremi tat-temp.
Barra minn hekk, il-Kunsill irrikonoxxa l-kontribut pożittiv li l-proposti jistgħu jagħtu għat-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel sostenibbli u l-ħolqien ta' foresti aktar reżiljenti.
Il-ministri enfasizzaw ukoll li kien meħtieġ li jiġi evitat il-ħolqien ta' piżijiet amministrattivi u finanzjarji mhux raġonevoli u talbu li d-dispożizzjonijiet il-ġodda jieħdu kont debitu tal-ispeċifiċitajiet nazzjonali.
Għadd ta' punti "affarijiet oħra" kienu wkoll fuq l-aġenda. Il-ministri rċevew informazzjoni:
mill-presidenza dwar is-sitwazzjoni attwali tar-reviżjoni tad-direttivi dwar il-kolazzjon
mill-Kummissjoni dwar il-pakkett dwar il-benessri tal-annimali
mid-delegazzjoni Slovakka dwar il-futur tal-ikel u l-agrikoltura (konverġenza esterna)
mid-delegazzjoni Rumena dwar deroga mill-istandards 7 u 8 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT) fl-2024
mid-delegazzjoni Pollakka dwar it-tħejjija tal-agrikoltura Ewropea għall-adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE
mid-delegazzjoni Netherlandiża u dik Franċiża dwar il-Greater North Sea Basin Initiative
mid-delegazzjoni Netherlandiża dwar ix-xogħol furzat fuq bastimenti tas-sajd Ċiniżi
mid-delegazzjoni Portugiża dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u appoġġ (kumpens f'każ ta' avvenimenti eċċezzjonali)
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.