"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin (Difiża), 6 ta' Mejju 2021

Riżultati ewlenin

Ġrajjiet Kurrenti

Il-ministri għad-difiża tal-UE ġew infurmati mir-Rappreżentant Għoli, Josep Borrell, dwar il-ġrajjiet kurrenti fejn eżaminaw għadd ta' żviluppi reċenti u attivitajiet li ġejjin.

Il-Kunsill ġie infurmat dwar il-vjaġġ reċenti tar-Rappreżentant Għoli fis-Saħel, fejn żar il-Mauritania, il-Mali u ċ-Chad. Il-ministri enfasizzaw li l-istabbiltà fir-reġjun tibqa' kruċjali għas-sigurtà tal-Ewropa.

Il-ministri mbagħad iddiskutew iż-żieda reċenti fil-preżenza militari tar-Russja fil-Krimea, li ġiet annessa illegalment, u fuq il-fruntiera mal-Ukrajna. Id-dibattitu afferma mill-ġdid il-pożizzjoni tal-UE li r-Russja għandha tnaqqas it-tensjoni, u li l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta' Minsk hija kruċjali għal soluzzjoni politika dejjiema.

Ir-Rappreżentant Għoli aġġorna lill-ministri dwar ir-rispons tal-UE għat-talba tal-Mozambique għal assistenza mill-UE biex tgħin tindirizza l-kriżi tas-sigurtà u t-theddida terroristika f'Cabo Delgado.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Qed nikkunsidraw Missjoni ta' Taħriġ tal-UE potenzjali. Għad għandna ftit passi quddiemna, iżda nittama li din titnieda malajr kemm jista' jkun. Tajt struzzjonijiet ċari lis-servizzi biex jitħaffef ix-xogħol għax jeħtieġ li nirrispondu għat-talba tal-Mozambique b'ċertu sens ta' urġenza.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Boxxla Strateġika

Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar il-boxxla strateġika, b'enfasi fuq l-immaniġġar ta' kriżijiet.

Wara diskussjoni dwar l-analiżi tat-theddid f'Novembru 2020, li enfasizzat il-ħtieġa li l-UE tkun ippreparata għal sfidi u kriżijiet futuri, il-Kunsill iddiskuta sett ta' ideat u proposti konkreti dwar kif l-UE tkun lesta biex tirreaġixxi għar-riskji.

"Jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tkun aktar effettiva u tieħu d-deċiżjonijiet aktar malajr. Iddiskutejna b'mod partikolari kif inniedu l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tagħna aktar malajr, kif ukoll kif nistgħu noħolqu aktar inċentivi biex intejbu l-għadd tal-membri tal-persunal u l-assi mibgħuta għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK tal-UE. Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Id-diskussjoni tal-Kunsill ibbażata fuq il-proposta tar-Rappreżentant Għoli enfasizzat il-ħtieġa għal aktar flessibbiltà biex il-missjonijiet ċivili u militari tal-UE jiġu adattati aħjar għall-ħtiġijiet f'kull kriżi, inkluż permezz ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni msaħħa ma' operazzjonijiet militari oħra mwettqa f'koalizzjonijiet ad hoc minn stati membri jew sħab oħra.

Il-ministri semmew ukoll il-ħtieġa li l-UE jkollha persunal mgħammar u ppreparat bis-sħiħ biex jirreaġixxi malajr għall-kriżijiet. F'dan il-kuntest, ġiet diskussa l-idea ta' forza ta' dħul inizjali li tista' tiġi skjerata bħala "l-ewwel intervent" fi kriżi urġenti.

Il-Boxxla Strateġika finali hija skedata għall-adozzjoni mill-Kunsill f'Marzu 2022.

PESCO

Wara t-talbiet tal-Kanada, in-Norveġja u l-Istati Uniti tal-Amerka biex jipparteċipaw fil-proġett PESCO Mobbiltà Militari, il-Kunsill adotta deċiżjonijiet pożittivi li jawtorizzaw lill-koordinatur ta' dan il-proġett – in-Netherlands – jistieden lit-tliet pajjiżi.

Il-Kanada, in-Norveġja u l-Istati Uniti tal-Amerka ser ikunu l-ewwel stati terzi li jiġu mistiedna jipparteċipaw fi proġett tal-PESCO.

NATO

Matul ikla ta' ħidma informali, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet mas-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg. dwar l-involviment operazzjonali f'postijiet ta' interess komuni, mill-Mediterran sal-Afganistan.

Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża

Il-bord ta' tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża ltaqa' fil-marġni tal-laqgħa tal-Kunsill biex jeżamina s-sitwazzjoni attwali fl-implimentazzjoni ta-rakkomandazzjonijiet tar-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD), bl-opportunitajiet kollaborattivi fl-iżvilupp tal-kapaċità, ir-riċerka u t-teknoloġija mqiegħda taħt il-lenti.

Bord taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea

Ir-Rappreżentant Għoli ppresieda għall-ewwel darba l-laqgħa tal-bord taċ-Ċentru Satellitari tal-UE (SatCen) fil-livell ministerjali. Il-bord iddiskuta r-rwol tas-SatCen fil-PESK u lil hinn minnha, b'enfasi fuq il-kompiti u l-funzjonijiet futuri tiegħu, u l-livell xieraq ta' ambizzjoni.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 23 ta' Jannar 2025