"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Il-Kunsill beda billi fakkar it-tielet anniversarju tal-invażjoni u l-gwerra ta' aggressjoni fuq skala kbira tar-Russja kontra l-Ukrajna b'minuta silenzju. Wara, il-ministri ddiskutew it-tħejjijiet għall-Kunsill Ewropew ta' Marzu u kellhom skambju ta' fehmiet, ibbażat fuq il-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2025, dwar il-programmazzjoni leġiżlattiva annwali u pluriennali.
Il-presidenza Pollakka hija determinata li tagħmel lill-UE aktar sigura u aktar kompetittiva fil-kuntest ġeopolitiku attwali estremament diffiċli. Ma jistax jibqa' "kollox bħas-soltu". Irridu nimxu ‘l quddiem u dan huwa eżattament dak li qed nagħmlu.
Adam Szłapka, Ministru tal-Polonja għall-Unjoni Ewropea
Tħejjija għall-Kunsill Ewropew ta' Marzu
Il-Kunsill beda t-tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-20 u l-21 ta' Marzu 2025 billi ddiskuta abbozz ta' aġenda annotata. Il-mexxejja tal-UE mistennija jiddiskutu:
il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani
il-kompetittività tal-UE
il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss u riżorsi proprji ġodda
il-migrazzjoni,
l-oċeani, u
kwistjonijiet speċifiċi oħra relatati mal-politika barranija
Il-ħidma preparatorja ser tkompli fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali li jmiss fit-18 ta' Marzu 2025.
Programmazzjoni leġiżlattiva: il-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2025 u l-programmazzjoni annwali u pluriennali
F'seduta pubblika, il-Kummissjoni ppreżentat il-programm ta' ħidma tagħha għall-2025 bit-titlu "Nimxu 'l quddiem flimkien: Unjoni aktar kuraġġuża, sempliċi u rapida". Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar dan il-programm u, b'mod aktar ġenerali, dwar il-programmazzjoni annwali għall-2025 u l-programmazzjoni pluriennali għall-2025-2029.
Id-diskussjoni ministerjali pprovdiet opportunità biex jiġu identifikati oqsma ta' politika u temi li, mill-perspettiva tal-Kunsill, għandhom jiġu inklużi fil-konklużjonijiet konġunti dwar l-objettivi u l-prijoritajiet ta' politika għall-2025-2029 u fid-dikjarazzjoni konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi għall-2025 li għandha tiġi approvata mill-Kunsill (Affarijiet Ġenerali) tat-18 ta' Marzu u ffirmata fil-marġini tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2025.
Waqt ikla informali u bil-ħsieb li jiġi ppreżentat ir-rapport ta' progress dwar il-futur tal-Ewropa f'Ġunju, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-valuri fundamentali li matulu ffukaw fuq riformi futuri possibbli għall-għodod u l-proċessi biex jiġi żgurat u promoss ir-rispett tagħhom fl-UE u fil-viċinat tagħha.
Il-presidenza ppreżentat sommarju preliminari tad-diskussjonijiet li saru fil-laqgħa informali tal-ministri tal-UE għall-affarijiet Ewropej fis-17 u t-18 ta' Frar f'Varsavja u ġibdet l-attenzjoni tal-Kunsill għal passi ulterjuri possibbli fl-oqsma rispettivi.
Id-delegazzjoni Ungeriża qajmet ukoll il-kwistjoni tat-trasparenza fil-finanzjament tal-UE lill-NGOs.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.