Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 28 ta' Jannar 2025

Riżultati Ewlenin

Il-presidenza ppreżentat il-prijoritajiet tagħha fil-qasam tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u l-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Ungerija, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja.

<p>Adam Szłapka, Ministru tal-Polonja għall-Unjoni Ewropea</p>

Il-presidenza Pollakka nzertat fi żminijiet ta' taqlib. Ir-riskji huma reali, għalhekk ir-responsabbiltajiet tagħna huma serji. Ser naħdmu qatigħ ma' ministri oħra tal-UE f'dan il-Kunsill dwar it-tkabbir, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit u ser inniedu t-taħditiet dwar il-baġit pluriennali tal-UE. It-tkabbir tal-UE huwa kruċjali u ninsabu ħerqana li naċċelleraw dan il-proċess, kemm fid-direzzjoni tal-Lvant – l-Ukrajna, il-Moldova – kif ukoll fil-Balkani tal-Punent.

<p>Adam Szłapka, Ministru tal-Polonja għall-Unjoni Ewropea</p>

Adam Szłapka, Ministru tal-Polonja għall-Unjoni Ewropea

Prijoritajiet tal-presidenza

Il-presidenza Pollakka ppreżentat il-prijoritajiet għall-mandat tagħha. Il-prijorità ewlenija hija s-sigurtà fis-7 dimensjonijiet tagħha: dik esterna, interna, tal-informazzjoni, ekonomika, tal-enerġija, tal-ikel u tas-saħħa. F'dan il-kuntest, il-presidenza Pollakka stabbiliet il-prijoritajiet ġenerali li ġejjin għas-semestru tagħha:

  • id-difiża u s-sigurtà
  • il-protezzjoni tan-nies u tal-fruntieri
  • ir-reżistenza għall-interferenza barranija u d-diżinformazzjoni
  • l-iżgurar tas-sigurtà u l-libertà tan-negozju
  • it-tranżizzjoni tal-enerġija
  • agrikoltura kompetittiva u reżiljenti
  • is-sigurtà tas-saħħa

Fir-rigward tal-konfigurazzjoni tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali, il-ħidma ser tiffoka fuq is-salvagwardja tal-istat tad-dritt, it-tkabbir tal-UE u r-riformi interni, il-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza minn barranin, it-tisħiħ tar-reżiljenza demokratika fl-UE u fil-viċinat tagħha, l-iżvilupp tal-kooperazzjoni mar-Renju Unit, u l-istabbiliment ta' bażi għan-negozjati tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) il-ġdid.

Djalogu annwali dwar l-istat tad-dritt

Bħala parti mid-djalogu annwali dwar l-istat tad-dritt, il-ministri kellhom skambju estensiv ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Ungerija, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja.

Dan kien il-ħdax-il ċiklu ta' diskussjonijiet speċifiċi għall-pajjiż wara dawk li saru f'Novembru 2020, April u Novembru 2021, April u Diċembru 2022, Marzu u Ottubru 2023, u Jannar, Mejju, u Novembru 2024.

Matul id-dibattitu u għal kull stat membru, il-Kummissjoni ppreżentat is-sejbiet ewlenin tal-kapitolu speċifiku għall-pajjiż rispettiv fir-rapport tagħha tal-2024 dwar l-istat tad-dritt. L-istat membru kkonċernat imbagħad ippreżenta żviluppi nazzjonali ewlenin u aspetti partikolari tal-qafas nazzjonali tal-istat tad-dritt tiegħu. Dan kien segwit minn sensiela ta' kummenti u mistoqsijiet li fihom delegazzjonijiet oħra kellhom l-opportunità li jaqsmu l-esperjenzi u l-aħjar prattiki tagħhom fir-rigward tal-iżviluppi msemmija.

Diskussjoni oħra speċifika għall-pajjiż hija mistennija li ssir fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-27 ta' Mejju 2025 li tiffoka fuq is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja u l-Belġju.

Affarijiet oħra

Id-delegazzjoni Franċiża qajmet il-kwistjoni tal-integrità tal-proċessi elettorali fl-Ewropa, b'mod partikolari fil-kuntest ta' theddida dejjem akbar ta' interferenza barranija.

Id-delegazzjoni Ċeka ppreżentat dokument informali li jissottolinja l-importanza li tkompli tavvanza l-integrazzjoni gradwali tal-Ukrajna u tal-Moldova fis-suq uniku tal-UE.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 29 ta' Jannar 2025