Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 17 ta' Diċembru 2024

Riżultati ewlenin

Il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru

Il-Kunsill kompla t-tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2024 billi ddiskuta l-abbozz ta' konklużjonijiet.

Fil-laqgħa tagħhom li jmiss, il-mexxejja tal-UE ser jindirizzaw:

  • l-Ukrajna
  • il-Lvant Nofsani
  • l-UE fid-dinja
  • ir-reżiljenza, it-tħejjija, il-prevenzjoni tal-kriżijiet u r-rispons għalihom
  • il-migrazzjoni
  • punti oħra

It-tkabbir tal-UE

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-proċess tat-tkabbir tal-UE u approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tkabbir.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill ikopru s-sitt sħab tal-Balkani tal-Punent, it-Turkija, l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova, u l-Georgia. Huma jivvalutaw is-sitwazzjoni f'kull wieħed mis-sħab tal-UE u jistabbilixxu linji gwida dwar il-prijoritajiet ta' riforma.

<p>János Bóka, Ministru għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea tal-Ungerija</p>

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tkabbir jibagħtu messaġġ qawwi tal-appoġġ tagħna għall-isforzi tas-sħab tagħna biex javvanzaw fit-triq tal-adeżjoni, abbażi tal-prinċipju tal-merti proprji. Tkabbir ibbilanċjat u kredibbli kien prijorità ewlenija tal-presidenza Ungeriża, u nilqgħu b'sodisfazzjon il-momentum imġedded fil-proċess, kif ukoll il-progress sinifikanti miksub matul il-mandat tagħna. Dawn il-konklużjonijiet ser jagħtu spinta qawwija lit-tkabbir fil-Balkani tal-Punent u lil hinn għas-snin li ġejjin.

<p>János Bóka, Ministru għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea tal-Ungerija</p>

János Bóka, Ministru għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea tal-Ungerija

Relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit. Id-diskussjoni saret fid-dawl tal-ħidma preparatorja fil-livell tekniku biex jiġu eżaminati l-possibbiltajiet għall-approfondiment tar-relazzjonijiet mar-Renju Unit filwaqt li jitqiesu wkoll il-limiti assoluti tar-Renju Unit.

Matul id-diskussjoni, il-ministri laqgħu x-xewqa tar-Renju Unit li jsaħħaħ il-kooperazzjoni strateġika mal-UE u ssottolinjaw l-importanza li ssir ħidma mar-Renju Unit bħala sieħeb tal-istess fehma u alleat, b'mod partikolari fil-kuntest ġeopolitiku attwali. Huma esprimew ir-rieda tagħhom li jikkunsidraw ideat konkreti mir-Renju Unit biex jibnu fuq il-kooperazzjoni eżistenti, filwaqt li jaħdmu f'approċċ fil-forma ta' pakkett fi spirtu prammatiku u ggwidati mill-prinċipji ewlenin stabbiliti mill-Kunsill Ewropew fl-2017.

F'dan il-kuntest, huma enfasizzaw b'mod partikolari l-ħtieġa li jiġi żgurat bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi u l-koerenza mar-relazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi oħra, kif ukoll l-indiviżibbiltà tal-erba' libertajiet u l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. Huma fakkru wkoll fil-ħtieġa tal-implimentazzjoni sħiħa u leali ta' ftehimiet eżistenti bħala li jipprovdu l-bażi solida meħtieġa għall-aġenda futura, u l-ħtieġa li tiġi żgurata tmexxija politika mill-Kunsill f'dan il-proċess.

Il-ministri qiesu li s-sitwazzjoni ġeopolitika attwali tappella għal kooperazzjoni mill-qrib mar-Renju Unit fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà bħala qasam ta' prijorità. Issemmew diversi oqsma ta' prijorità oħra fid-diskussjoni, bħall-iskambji taż-żgħażagħ, is-sajd u l-enerġija, li huma meqjusa bħala kruċjali biex is-sħubija mar-Renju Unit tavvanza.

Oqsma oħra, bħall-konnessjoni tas-Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet, kif ukoll miżuri sanitarji u fitosanitarji, jistgħu jiġu diskussi wkoll soġġett għall-prinċipji approvati mill-Kunsill Ewropew fl-2017.

Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iżvizzera

Il-Kummissjoni aġġornat lill-ministri dwar in-negozjati dwar pakkett wiesa' ta' miżuri mmirati lejn l-immodernizzar u l-approfondiment tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Iżvizzera.

L-elementi ewlenin tal-pakkett li qed jiġi nnegozjat jinkludu:

  • dispożizzjonijiet istituzzjonali u dwar l-għajnuna mill-istat li għandhom jiġu inklużi fi ftehimiet eżistenti u futuri mal-Iżvizzera b'rabta mas-suq intern
  • ftehim li jippermetti l-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-programmi tal-UE, inkluż Orizzont Ewropa
  • ftehim dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja permanenti tal-Iżvizzera għall-koeżjoni soċjali u ekonomika fl-UE
  • ftehimiet dwar l-elettriku, is-sikurezza tal-ikel u s-saħħa

Matul id-diskussjoni, il-ministri laqgħu l-progress miksub fin-negozjati u stiednulill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tikkonkludihom b'suċċess sa tmien l-2024.

Il-Futur tal-Ewropa

Il-ministri kellhom ukoll skambju ta' fehmiet dwar il-Futur tal-Ewropa, filwaqt li ffokaw fuq il-kapitolu dwar it-Tisħiħ tal-Governanza ("Strengthening governance") tar-rapport ta' Mario Draghi dwar il-Futur tal-Kompetittività Ewropea ("The Future of European Competitiveness"). Dan il-kapitolu jippreżenta diversi kunsiderazzjonijiet u proposti speċifiċi relatati mal-istruttura u l-funzjonament istituzzjonali tal-UE, bl-għan li l-ħidma tiġi ffukata mill-ġdid fuq oqsma fejn l-azzjoni tal-UE għandha l-akbar valur miżjud, li l-ħidma tiġi aċċellerata fl-oqsma ta' prijorità, u li r-regoli jiġu ssimplifikati.

Matul id-diskussjoni, il-ministri enfasizzaw il-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni tal-UE u jitnaqqas il-piż regolatorju fuq in-negozji, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Huma appoġġaw ukoll l-integrazzjoni u l-koordinazzjoni aħjar tal-proċessi tal-UE biex jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-kompetittività tagħha.

Filwaqt li kien hemm appoġġ biex jiġu esplorati l-għażliet kollha skont it-Trattati biex l-UE ssir aktar aġli, u diversi ministri appoġġaw l-estensjoni tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata f'xi oqsma, ministri oħra esprimew riżervi, filwaqt li ssottolinjaw l-importanza li tinżamm l-għaqda tal-UE u li jitqies it-tħassib tal-istati membri f'oqsma sensittivi.

Il-Presidenza pprovdiet ukoll ħarsa ġenerali tad-dibattiti li saru fil-formazzjonijiet differenti tal-Kunsill b'rabta mal-futur ta' xi politiki tal-UE.

Il-programm ta' 18-il xahar tal-Kunsill

Il-Kunsill approva l-programm tiegħu ta' 18-il xahar, li jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2025 sat-30 ta' Ġunju 2026.

Il-programm tħejja mill-Polonja, id-Danimarka u Ċipru bħala l-Presidenzi li jmiss, u mir-Rappreżentant Għoli fir-rigward tal-Kunsill Affarijiet Barranin, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

Programmazzjoni leġiżlattiva

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-prijoritajiet għall-ħidma leġiżlattiva li jmiss taħt il-Kummissjoni l-ġdida.

L-għan tad-diskussjoni kien li tipprovdi kontribut għat-tħejjija tal-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2025 u għall-ippjanar pluriennali.

Semestru Ewropew

Il-presidenza Ungeriża u l-presidenza Pollakka li jmiss ippreżentaw il-pjan direzzjonali għas-Semestru Ewropew 2025.

Affarijiet oħra

Taħt "Affarijiet oħra", il-Presidenza infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-istabbiliment tal-korp interistituzzjonali tal-etika u dwar id-diskussjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rapport minn Sauli Niinistö dwar it-tisħiħ tal-istat ta' tħejjija u l-preparazzjoni ċivili u militari tal-Ewropa.

Il-Kummissjoni aġġornat lill-Kunsill fir-rigward tan-negozjati dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim Qafas tal-2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 22 ta' Jannar 2025