Skip to content

Il-kooperazzjoni tal-UE man-Nazzjonijiet Uniti

L-UE u n-NU jikkommettu ruħhom li jiddefendu s-sistema multilaterali li tirregola r-relazzjonijiet globali b'mod li jkun ta' benefiċċju għal kulħadd. L-UE u l-istati membri tagħha flimkien huma l-akbar kontributur finanzjarju għas-sistema tan-NU.

L-UE u n-NU

In-Nazzjonijiet Uniti (NU) tinsab fil-qalba tas-sistema multilaterali tad-dinja, u sservi bħala pjattaforma għad-djalogu, il-kooperazzjoni u l-azzjoni kollettiva.

L-UE u n-NU jikkommettu ruħhom li jiddefendu s-sistema multilaterali li tirregola r-relazzjonijiet globali b'mod li jkun ta' benefiċċju għal kulħadd. Dan l-impenn għandu l-għeruq tiegħu fil-konvinzjoni li biex twieġeb għall-kriżijiet, l-isfidi u t-theddid globali, il-komunità internazzjonali teħtieġ sistema multilaterali effiċjenti, mibnija fuq regoli u valuri universali.

Tul is-snin, l-UE bniet relazzjoni b'saħħitha man-NU. L-UE tieħu sehem fl-Assemblea Ġenerali annwali tan-NU (AĠNU) u għandha delegazzjonijiet akkreditati għan-NU f'Ġinevra, New York, Pariġi, Ruma u Vjenna.

Il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NU tkopri diversi oqsma u kwistjonijiet, fosthom id-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli, it-tibdil fil-klima u l-protezzjoni ambjentali, kwistjonijiet diġitali, it-tiswir tal-paċi, id-diżarm u n-nonproliferazzjoni, l-għajnuna umanitarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità, il-promozzjoni tas-sigurtà tas-saħħa globali, il-ġestjoni tal-flussi migratorji u l-kwistjonijiet tax-xogħol.

Fi żmien ta' sfidi ġeopolitiċi globali, fosthom il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-UE tibqa' impenjata għall-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-prinċipji tagħha.

Bnadar tal-UE u tan-NU u fergħa taż-żebbuġ li tirrappreżenta l-paċi.

Appoġġ finanzjarju tal-UE lin-NU

L-UE u l-istati membri tagħha flimkien huma l-akbar kontributur finanzjarju għas-sistema tan-NU.

L-istati membri tal-UE jiffinanzjaw b'mod konġunt kwart tal-baġit regolari tan-NU u, flimkien, l-UE u l-istati membri tagħha jipprovduterz tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kollha lill-aġenziji, il-fondi u l-programmi tan-NU.

Bejn l-2013 u l-2024, l-UE impenjat total ta' aktar minn €33 biljun lill-aġenziji, il-fondi u l-programmi tan-NU, li minnhom 18% marru għall-Programm Dinji tal-Ikel (WFP), 14% għall-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF), 13% għall-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP), 10% lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) u 45% lil aġenziji, fondi u programmi oħra.

Fl-2024, l-UE pprovdiet madwar €3.9 biljun f'kontribuzzjonijiet volontarji lin-NU. Dan huwa l-akbar kontribut multilaterali għan-NU.

L-istati membri tal-UE kkontribwew kważi €12.7 biljun.

Parteċipazzjoni fil-korpi tan-NU

Assemblea Ġenerali tan-NU

L-Assemblea Ġenerali tan-NU hija l-korp ewlieni deliberattiv, tat-tfassil tal-politika u rappreżentattiv tan-NU. Il-193 stat membru tan-NU huma kollha membri tal-Assemblea Ġenerali u għandhom vot indaqs. L-UE għandha status ta' osservatur privileġġat.

Dan jippermetti lill-UE tissieħeb f'dibattiti, tippreżenta proposti, tieħu sehem f'negozjati, u tipparteċipa fid-dibattitu ġenerali kull Settembru. L-istatus speċjali tal-UE ma jinkludix id-dritt tal-vot, iżda l-UE tikkoordina fost is-27 stat membru tagħha biex jiġu ppreżentati pożizzjonijiet unifikati.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-Kummissjoni Ewropea u d-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għan-Nazzjonijiet Uniti fi New York jistgħu għalhekk jippreżentaw il-pożizzjonijiet tal-UE u l-istati membri tagħha fl-Assemblea Ġenerali tan-NU.

Barra minn hekk, l-UE kisbet id-dritt li twieġeb darba għal diskors dwar il-pożizzjonijiet tal-UE u li tippreżenta proposti u emendi bil-fomm, opportunità li ma ngħatat lill-ebda osservatur ieħor.

Meta l-UE kisbet l-istatus privileġġat tagħha ta' osservatur fl-2011, ġie maqbul li l-President tal-Kunsill Ewropew jindirizza l-Assemblea Ġenerali f'isem l-UE.

Kunsill tas-Sigurtà tan-NU

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU huwa l-korp globali ewlieni responsabbli għall-iżgurar tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Huwa magħmul minn ħames membri permanenti u għaxar membri mhux permanenti eletti għal mandat ta' sentejn mill-Assemblea Ġenerali.

Bħalissa, hemm erba' stati membri tal-UE fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Franza bħala membru permanenti, u d-Danimarka, il-Greċja u l-Latvja bħala membri mhux permanenti. Minn Jannar 2027, l-Awstrija u l-Portugall ser jingħaqdu mal-Kunsill tas-Sigurtà bħala membri mhux permanenti għall-mandat 2027-2028.

Skont id-dritt tal-UE, il-membri tal-UE fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għandhom jaġixxu flimkien u jrawmu l-pożizzjonijiet u l-interessi tal-UE.

Il-prijoritajiet tal-UE fin-NU

Kull sena, il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar il-prijoritajiet tal-UE fl-Assemblea Ġenerali tan-NU u fil-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Il-prijoritajiet għall-Assemblea Ġenerali

Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-prijoritajiet għall-81 Assemblea Ġenerali tan-NU (Settembru 2026 – Settembru 2027), adottati f'Lulju 2026, il-Kunsill jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE għal sistema multilaterali effettiva, inklużiva u bbażata fuq ir-regoli, ankrata sew fil-Karta tan-NU u fid-dritt internazzjonali.

Il-Kunsill jenfasizza li huwa fl-interess kollettiv u individwali ta' kulħadd li jiġi żgurat ir-rispett għad-dritt internazzjonali u l-ugwaljanza sovrana u l-integrità territorjali tal-istati kollha, li jittieħed impenn għas-soluzzjoni paċifika tat-tilwim u li jsir investiment fil-kooperazzjoni internazzjonali.

L-UE ser tibqa' sieħeb prevedibbli, affidabbli u kredibbli u ser tkompli taħdem ma' sħab marbuta li jiddefendu u jħarsu d-dritt internazzjonali u li jsibu soluzzjonijiet globali għal sfidi komuni.

Filwaqt li tirrikonoxxi l-ħtieġa li s-sistema multilaterali tevolvi, l-UE tinsab lesta li tmexxi 'l quddiem ir-riformi li jagħmlu lin-NU aktar effettiva, kosteffiċjenti u reattiva. L-UE u l-istati membri tagħha jibqgħu kollettivament l-akbar kontributuri politiċi u finanzjarji tan-NU u dawk l-aktar affidabbli.

L-azzjoni tal-UE fin-NU s-sena d-dieħla ser tkun iggwidata mill-prijoritajiet ġenerali li ġejjin:

  • id-difiża u l-iżvilupp ta' sistema multilaterali effiċjenti, effettiva u inklużiva ankrata sew fil-Karta tan-NU u fid-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem
  • l-avvanz fir-riformi lejn NU aktar effettiva, kosteffiċjenti u reattiva fit-tliet pilastri kollha permezz ta' sħubijiet u koalizzjonijiet
  • it-tisħiħ tal-arkitettura tal-paċi u s-sigurtà tan-NU bbażata fuq il-prevenzjoni u ż-żamma tal-paċi
  • l-avvanz tal-prosperità u l-iżvilupp sostenibbli lejn l-2030 u lil hinn

Prijoritajiet fil-fora dwar id-drittijiet tal-bniedem

Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-2026, il-Kunsill saħaq fuq l-impenn sod tal-UE għar-rispett, il-ħarsien u t-twettiq universali tad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd, kullimkien.

Il-Kunsill enfasizza li fiċ-ċirkostanzi kollha, id-dritt internazzjonali, inkluż il-Karta tan-NU, irid jiġi rrispettat u li l-UE ser tuża kull opportunità f'fora multilaterali biex tiġġieled il-push-back kontra d-drittijiet tal-bniedem.

Il-prijoritajiet tal-UE jinkludu:

  • il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-abbuż tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u fil-Belarussja
  • il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fit-Territorji Palestinjani Okkupati u fl-Iran
  • it-tranżizzjoni demokratika paċifika u inklużiva fil-Venezwela
  • il-mekkaniżmu tal-obbligu ta' rendikont għall-Afganistan

L-UE ser tiffoka wkoll fuq it-tmiem tal-impunità u li tiżgura l-irfigħ tar-responsabbiltà, kif ukoll fuq l-ispazju ċiviku.

Il-Kunsill enfasizza li istituzzjonijiet multilaterali effettivi u inklużivi, bin-Nazzjonijiet Uniti fil-qalba tagħhom, huma l-aħjar mezzi biex jiġu żgurati l-paċi, is-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem, il-prosperità u l-iżvilupp sostenibbli għal kulħadd.

Oqsma ta' kooperazzjoni bejn l-UE u n-NU

Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli

L-Aġenda 2030 tan-NU, adottata fl-2015, tinforma ħafna mit-tfassil tal-politika interna u esterna tal-UE. Diversi inizjattivi ta' politika ewlenin tal-UE, bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Global Gateway, huma ggwidati mis-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli li jinsabu fl-aġenda.

L-UE u l-istati membri tagħha huma marbuta li jżommu l-pożizzjoni tal-UE bħala l-akbar fornitur globali ta' assistenza uffiċjali għall-iżvilupp, li taqdi rwol kruċjali fit-twettiq tal-Aġenda 2030.

Operazzjonijiet ta' paċi u mmaniġġar ta' kriżijiet

L-UE u n-NU huma sħab fil-promozzjoni ta' ordni dinji bbażat fuq ir-regoli u soluzzjonijiet multilaterali għal sfidi globali urġenti. Il-kooperazzjoni mill-qrib ibbażata fuq il-benefiċċju reċiproku, ir-reċiproċità u s-sjieda kondiviża żżid il-koerenza bejn il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE u tan-NU, u l-effettività tagħhom, li spiss joperaw fl-istess pajjiż fl-istess ħin.

Fl-2003, l-UE u n-NU ħarġu dikjarazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NU fl-immaniġġar tal-kriżijiet. Minn dak iż-żmien 'l hawn, huma komplew isaħħu s-sħubija strateġika tagħhom dwar l-operazzjonijiet ta' paċi u l-immaniġġar tal-kriżijiet. Fl-20 ta' Ottubru 2025, il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar it-titjib tas-sħubija strateġika UE-NU dwar il-paċi u s-sigurtà.

Drittijiet tal-bniedem

Billi jappoġġaw il-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni u jsaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi, l-UE u n-NU jikkooperaw biex jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem globalment.

L-UE hija marbuta li tħares l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u tappoġġa b'mod sod is-sistema tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU.

Għajnuna umanitarja

L-UE tikkoopera mill-qrib man-NU biex twassal għajnuna ta' emerġenza, tibni mill-ġdid l-infrastruttura li saritilha l-ħsara u tappoġġa lill-popolazzjonijiet vulnerabbli milquta minn diżastri kkawżati mill-bniedem u dawk naturali.

L-UE tat għajnuna umanitarja lil aktar minn 110 pajjiżi, u laħqet miljuni ta' nies kull sena. L-UE u l-istati membri tagħha huma d-donaturi ewlenin tal-għajnuna umanitarja fid-dinja.

Tibdil fil-klima u monitoraġġ tal-ambjent

L-UE u n-NU jaħdmu flimkien mill-qrib biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima u l-bijodiversità. Huma jikkollaboraw fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, fl-avvanz tal-ġestjoni sostenibbli tal-art u tal-oċeani, u fl-implimentazzjoni tal-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta' Kunming-Montreal (GBF).

Bil-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, l-UE tenfasizza wkoll l-allinjament bejn l-Aġenda 2030 u l-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Saħħa u governanza globali

L-UE u n-NU jaħdmu flimkien fuq diversi kwistjonijiet relatati mas-saħħa, filwaqt li jfittxu li jindirizzaw l-isfidi globali tas-saħħa, jippromwovu s-saħħa pubblika u jtejbu s-sigurtà tas-saħħa globali. Dawn l-objettivi kollha jiffurmaw parti mill-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa Globali.

L-UE u l-istati membri tagħha huma l-akbar donaturi għall-aġenzija tas-saħħa tan-NU, id-WHO.

L-aħħar reviżjoni: 31 ta' Lulju 2026