"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Laqgħa tal-mexxejja tal-UE u ċ-Ċina b'vidjokonferenza, 14 ta' Settembru 2020
Riżultati ewlenin
Il-laqgħa hija segwitu għat-22 summit bejn l-UE u ċ-Ċina li sar fit-22 ta' Ġunju u kienet ippreseduta mill-President Michel min-naħa tal-UE u l-President Xi min-naħa taċ-Ċina.
Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea, u, għall-presidenza tal-Kunsill, il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel ipparteċipaw ukoll.
Nistinkaw għal relazzjoni li twettaq l-impenji reċiproċi tagħna. Li tiġġenera riżultati konkreti għaż-żewġ naħat. Riżultati li huma tajbin ukoll għad-dinja. F'xi oqsma, ninsabu fit-triq it-tajba. F'oħrajn, jeħtieġ isir aktar xogħol.
Kummenti mill-President Michel wara l-vidjokonferenza
Fi tmiem il-laqgħa, il-President Michel flimkien mal-President von der Leyen u l-Kanċillier Merkel ħarġu stqarrija konġunta għall-istampa li tistabbilixxi l-ambizzjoni tal-UE fir-relazzjonijiet bilaterali tagħha maċ-Ċina f'għadd ta' oqsma.
Il-mexxejja laqgħu l-progress fin-negozjati li għaddejjin bħalissa għall-Ftehim Komprensiv bejn l-UE u ċ-Ċina speċjalment dwar ir-regoli li jirregolaw l-imġiba tal-intrapriżi tal-istat, dwar it-trasferiment furzat tat-teknoloġija u dwar it-trasparenza tas-sussidji. Fl-istess ħin l-UE enfasizzat li kienet meħtieġa b'mod urġenti aktar ħidma dwar il-kwistjonijiet tal-ibbilanċjar mill-ġdid tal-aċċess għas-suq u dwar l-iżvilupp sostenibbli.
Dwar kwistjonijiet kummerċjali u ekonomiċi oħra, l-UE enfasizzat li jeħtieġ li jsir aktar biex jitjieb l-aċċess għas-suq f'oqsma bħas-settur agroalimentari, is-servizzi finanzjarji u s-settur diġitali.
Iż-żewġ naħat laqgħu l-firma tal-Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi li ser itejjeb l-aċċess għas-suq Ċiniż speċjalment għal prodotti agrikoli Ewropej ta' kwalità għolja.
Il-mexxejja enfasizzaw l-importanza ta' kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni anke fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija, filwaqt li appellaw għal standards etiċi għoljin fl-oqsma tal-iżviluppi teknoloġiċi, is-sigurtà tal-prodotti u l-innovazzjoni.
Tibdil fil-klima u bijodiversità
Iċ-Ċina hija sieħeb globali ewlieni fit-tnaqqis tal-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra, fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima u fil-preservazzjoni tal-bijodiversità. Fl-istess ħin, jeħtieġ li ċ-Ċina timpenja ruħha li tistabbilixxi mira ta' newtralità klimatika u li tniedi dalwaqt is-sistema nazzjonali tagħha għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet.
Rispons għall-COVID-19
L-UE ssottolinjat ir-responsabbiltà kondiviża għat-tmexxija tal-isforzi globali għall-iżvilupp u d-distribuzzjoni tal-vaċċin kontra l-COVID-19 u għall-parteċipazzjoni fir-rieżami indipendenti tat-tagħlimiet meħuda mir-rispons internazzjonali tas-saħħa għall-COVID-19.
Affarijiet internazzjonali u kwistjonijiet oħra
L-UE appellat liċ-Ċina biex tassumi responsabbiltà akbar biex tirrispetta s-sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli. Il-mexxejja tal-UE esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-passi meħuda miċ-Ċina biex timponi leġiżlazzjoni tas-sigurtà nazzjonali f'Hong Kong, kif ukoll id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż it-trattament tal-minoranzi f'Xinjiang u fit-Tibet.
Il-mexxejja qablu li jiddiskutu dawn il-kwistjonijiet fid-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem f'Beijing aktar tard din is-sena.
L-UE enfasizzat il-ħtieġa li ċ-Ċina żżomm lura minn azzjonijiet unilaterali fil-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina, li tippromwovi l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u li taderixxi mal-istandards internazzjonali biex tappoġġa l-iżvilupp sostenibbli, speċjalment fl-Afrika.
Segwitu
L-UE esprimiet ukoll ir-rieda li tkompli tiddiskuti l-Aġenda Strateġika għall-Kooperazzjoni 2025, li tista' tiġi konkluża biss ladarba jkun sar progress sinifikanti fin-negozjati dwar il-Ftehim ta' Investiment Komprensiv.
Laqgħa tal-Mexxejja tal-UE u ċ-Ċina bil-parteċipazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-istati membri tal-UE u l-President Xi hija prevista li ssir fl-2021.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.