- Summit Internazzjonali
Vidjokonferenza tal-laqgħa tal-mexxejja tal-UE u tar-Repubblika tal-Korea, 30 ta' Ġunju 2020
Riżultati ewlenin
Il-vidjokonferenza tal-mexxejja tal-UE u tar-Repubblika tal-Korea laqqgħet flimkien il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u l-President tar-Repubblika tal-Korea, Moon Jae-in.
Il-mexxejja tal-UE u tar-Repubblika tal-Korea ddiskutew kif jistgħu jrawmu l-kooperazzjoni globali fil-fażi ta' rkupru ta' wara l-Covid u affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jegħlbu din l-isfida billi jaħdmu flimkien inkluż fil-G20 u fis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.
Il-laqgħa tal-lum tal-mexxejja tal-UE u r-Repubblika tal-Korea għamlet enfasi fuq il-valuri komuni li jirfdu r-relazzjoni tagħna. Is-Sħubija Strateġika tagħna ilha sejra tajjeb 10 snin u qed tkompli tissaħħaħ biex jingħeleb il-COVID-19. Kummenti mill-President Michel fi tmiem il-laqgħa
Fl-okkażjoni tal-10 anniversarju tas-sħubija strateġika bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea, il-mexxejja esploraw aktar oqsma ta' kooperazzjoni u jistennew bil-ħerqa li jorganizzaw Laqgħa tas-Summit f'Seoul fil-futur qrib ladarba il-kundizzjonijiet ikunu jippermettu. Il-President Michel indika li l-UE trid issir attur aktar b'saħħtu fl-Asja.
Il-mexxejja ħarġu stqarrija għall-istampa konġunta:
Il-pandemija tal-COVID-19
Il-mexxejja qasmu l-esperjenza rispettiva tagħhom fl-indirizzar tal-pandemija tal-COVID-19.
Huma enfasizzaw ukoll l-importanza ta':
- kapaċitajiet ta' rispons imsaħħa u kondiviżjoni tal-informazzjoni mtejba permezz tal-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-saħħa rispettivi u ċ-ċentri għall-kontroll tal-mard
- appoġġ reċiproku biex jiġi żgurat aċċess għal prodotti mediċi kif ukoll kooperazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp ta' vaċċini u mediċini. Huma appellaw biex il-vaċċin tal-COVID-19 futur isir ġid komuni globali
- titjib tar-reazzjoni internazzjonali anke permezz ta' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti filwaqt li jiġi affermat mill-ġdid ir-rwol tal-WHO fil-koordinazzjoni tal-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19
- assistenza lill-pajjiż li qegħdin jiżviluppaw, inkluż fl-Afrika u f'reġjuni vulnerabbli oħra, biex jiffaċċaw l-impatt tal-kriżi u jsaħħu s-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom
Il-mexxejja impenjaw ruħhom li jirrestawraw tkabbir ekonomiku b'saħħtu u jibnu ekonomiji u soċjetajiet aktar reżiljenti, sostenibbli u inklużivi wkoll permezz ta' transizzjoni ekoloġika u trasformazzjoni diġitali.
Kummerċ u ekonomija
Iż-żewġ naħat irrikonoxxew l-impenn tagħhom li jkomplu jtejbu l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea, il-ħtieġa urġenti li jkomplu jitneħħew aktar ostakli mhux tariffarji u li jitjieb l-aċċess għall-prodotti agroalimentari għas-swieq ta' xulxin.
Il-mexxejja tal-UE ħeġġew lir-Repubblika tal-Korea biex tagħmel sforzi kontinwi biex tieħu miżuri rilevanti dwar kwistjonijiet ta' xogħol, inkluż ir-ratifika tal-Konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.
Huma esprimew l-impenn konġunt tagħhom li jappoġġaw is-sistema ta' kummerċ multilaterali bl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fil-qalba tagħha, fejn iż-żewġ naħat kienu impenjati bis-sħiħ li għar-riforma tal-istituzzjoni. Huma qablu dwar l-importanza li tiġi esplorata inizjattiva possibbli mill-membri tad-WTO biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ fi provvisti mediċi sabiex jissaħħaħ l-istat ta' tħejjija globali għall-emerġenzi tas-saħħa.
Waqt li ddiskutew il-kummerċ, il-mexxejja tennew l-għan tagħhom li jżommu s-swieq u s-sistema ta' negozjar miftuħa. Miżuri ta' emerġenza mmirati lejn il-protezzjoni tas-saħħa għandhom ikunu mmirati, proporzjonati, trasparenti u temporanji sabiex tiġi evitata interferenza bla bżonn mat-traffiku u l-kummerċ internazzjonali.
Barra minn hekk iż-żewġ naħat iddiskutew kwistjonijiet relatati mal-innovazzjoni u l-kooperazzjoni fis-settur tat-teknoloġiji diġitali, inkluż l-implimentazzjoni etika tal-intelliġenza artifiċjali u flussi ta' data transkonfinali siguri.
Il-mexxejja qablu li jsaħħu l-isforzi konġunti biex jippromwovu l-konnettività abbażi tal-prinċipji tas-sostenibbiltà, tal-ftuħ, tal-inklużività u tat-trasparenza, filwaqt li jiġu rispettati kundizzjonijiet ekwi. Huma laqgħu l-firma reċenti tal-Ftehim orizzontali dwar l-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Korea
Kwistjonijiet globali
L-UE u r-Repubblika tal-Korea enfasizzaw l-urġenza li tiġi intensifikata r-reazzjoni globali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, inkluż l-impenn tagħhom li jimplimentaw il-Ftehim ta' Pariġi u s-Summit dwar Sħubija għal Tkabbir Ekoloġiku u Għanijiet Globali 2030 li huwa previst li jsir fil-Korea fl-2021.
Il-mexxejja ddiskutew ukoll is-sitwazzjoni ġeopolitika fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19. Huma qablu li jintensifikaw il-kooperazzjoni prattika f'oqsma bħaċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u theddid ibridu ieħor.
Iż-żewġ naħat appoġġaw it-talba tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal waqfien mill-ġlied globali immedjat biex jiġi indirizzat l-impatt potenzjali tat-tixrid tal-virus fiż-żoni ta' konflitt.
Il-mexxejja indirizzaw kwistjonijiet reġjonali u internazzjonali urġenti oħra, bħas-sitwazzjoni fil-Peniżola Koreana, u f'Hong Kong, il-ftehim mal-Iran dwar il-qasam nukleari (PAKK) u l-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna.
Stqarrijiet għall-istampa
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Ester Arauzo-Azofra Uffiċjal tal-istampa
- +32 2 281 53 61
- +32 473 63 07 23
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali
Laqgħat li seħħew
L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025