Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Summit bejn l-UE u l-Ukrajna, 6 ta' Ottubru 2020

Riżultati ewlenin

Punti ewlenin tas-summit bejn l-UE u l-Ukrajna

It-22 summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna kien l-ewwel summit bilaterali li sar fiżikament fi Brussell minn mindu faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19.

Kien ukoll l-ewwel summit bilaterali bejn l-UE u l-Ukrajna bil-parteċipazzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel u tar-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Josep Borrell, li rrappreżenta lill-Kummissjoni Ewropea. L-Ukrajna kienet irrappreżentata mill-President Volodymyr Zelenskyy.

Il-mexxejja affermaw mill-ġdid l-impenn kontinwu tagħhom għat-tisħiħ tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika tal-Ukrajna mal-Unjoni Ewropea.

Il-laqgħa fiżika tal-lum hija simbolu qawwi – turi l-impenn sod tagħna li nsaħħu fil-fond ir-relazzjonijiet tagħna mal-Ukrajna. Kummenti mill-President Michel wara s-summit

Huma adottaw ukoll dikjarazzjoni konġunta fi tmiem is-summit:

COVID-19

Bil-ħsieb li jittaffa l-impatt soċjoekonomiku sinifikanti tal-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa, l-UE kienet l-akbar sostenitur tal-Ukrajna billi mmobilizzat €190 miljun bħala pakkett ta' appoġġ u €1.2 biljun fil-forma ta' assistenza makrofinanzjarja.

Matul il-laqgħa, il-mexxejja għarfu li s-solidarjetà globali, il-kooperazzjoni u multilateraliżmu effettiv huma meħtieġa aktar minn qatt qabel biex jingħeleb il-virus kif ukoll biex jiġi żgurat l-irkupru ekonomiku. Ser jappellaw ukoll biex il-vaċċin futur kontra l-COVID-19 isir ġid komuni globali bi prezzijiet li jintlaħqu.

Ftehim ta' assoċjazzjoni u aġenda ta' riforma

L-UE u l-Ukrajna laqgħu r-riżultati miksuba fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva tiegħu.

Il-mexxejja ssottolinjaw is-suċċess tal-ftehim, li ta spinta lill-kummerċ bilaterali b'madwar 65% minn wara Jannar 2016.

Huma ddiskutew ukoll il-passi li jmiss fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

L-UE enfasizzat l-importanza li l-Ukrajna timplimenta l-politiki kollha maqbula fi ħdan il-programm ta' assistenza makrofinanzjarja tal-UE u l-Fond Monetarju Internazzjonali.

Il-mexxejja rrikonoxxew il-progress sostanzjali li sar mill-Ukrajna fil-proċess ta' riforma tagħha u qablu dwar l-importanza li jitħaffu l-isforzi, speċjalment fl-oqsma tas-sistema ġudizzjarja, l-istat tad-dritt, it-tisħiħ tal-pluraliżmu tal-media u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

L-UE u l-Ukrajna jikkondividu l-valuri tad-demokrazija, li qed jissarrfu f'riformi strutturali konkreti. Id-deċentralizzazzjoni tal-Ukrajna, ir-riforma elettorali, u r-riformi bankarji u fil-qasam agrikolu jirrappreżentaw kisbiet reċenti importanti Kummenti mill-President Michel wara s-summit

L-UE ser tkompli tappoġġa lill-Ukrajna fil-ġlieda tagħha kontra t-theddid ċibernetiku u d-diżinformazzjoni.

Il-mexxejja laqgħu t-tkomplija tal-implimentazzjoni b'suċċess tas-sistema ta' vvjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini Ukreni.

Kwistjonijiet ta' politika barranija u ta' sigurtà

Waqt is-summit, l-UE affermat mill-ġdid l-appoġġ sod tagħha għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u kkundannat l-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol mir-Russja, il-militarizzazzjoni tal-peniżola u d-deterjorament serju tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'żoni li mhumiex taħt il-kontroll tal-gvern tal-Ukrajna.

L-UE fakkret li ż-żewġ naħat għandhom jimplimentaw il-ftehimiet ta' Minsk.

Il-mexxejja appellaw għall-ħelsien taċ-ċittadini Ukreni kollha detenuti u li ntbagħtu l-ħabs illegalment fil-Krimea u r-Russja, inklużi attivisti Tatari tal-Krimea.

L-UE kompliet tappella lir-Russja biex tiżgura passaġġ mingħajr xkiel u liberu lejn u mill-Baħar ta' Azov, f'konformità mad-dritt internazzjonali.

L-UE kkundannat il-proċeduri ta' votazzjoni dwar l-emendi kostituzzjonali tal-Federazzjoni Russa konklużi fl-1 ta' Lulju 2020 li saru fil-peniżola tal-Krimea, kif ukoll l-elezzjoni tal-hekk imsejjaħ "gvernatur ta' Sevastopol" fit-13 ta' Settembru 2020, bi ksur tad-dritt internazzjonali.

L-UE u l-Ukrajna kkundannaw ukoll il-miżuri tar-Russja li jagħtu dritt liċ-ċittadini Ukreni taż-żoni li bħalissa mhumiex taħt il-kontroll tal-gvern li japplikaw għaċ-ċittadinanza Russa b'mod simplifikat.

F'dan il-kuntest, f'Settembru 2020 l-UE estendiet is-sanzjonijiet immirati lejn persuni u entitajiet li jkomplu jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna sal-15 ta' Marzu 2021.

Barra minn hekk, fl-1 ta' Ottubru, il-Kunsill żied żewġ individwi u erba' entitajiet mal-lista ta' individwi u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, biex b'hekk il-lista twalet għal total ta' 177 individwu u 48 entità.

Il-mexxejja fakkru fl-appoġġ sħiħ tagħhom għall-isforzi diplomatiċi mwettqa fi ħdan il-qafas tal-Format tan-Normandija, il-Grupp ta' Kuntatt Tripartitiku u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) immirati lejn riżoluzzjoni sostenibbli u paċifika tal-konflitt.

Huma qablu wkoll li jikkooperaw biex jindirizzaw il-konsegwenzi soċjoekonomiċi u umanitarji tal-konflitt.

Matul is-summit, il-mexxejja ddiskutew dwar l-aħħar żviluppi fil-Belarussja u kwistjonijiet oħra ta' politika reġjonali u barranija, inkluż in-Nagorno-Karabakh.

Il-mexxejja laqgħu b'sodisfazzjon il-vidjokonferenza tal-Mexxejja tas-Sħubija tal-Lvant tat-18 ta' Ġunju 2020 u affermaw mill-ġdid l-importanza strateġika tas-sħubija.

Is-sitt Summit tas-Sħubija tal-Lvant ser isir fl-2021 u huwa mistenni li japprova l-objettivi ta' politika fit-tul u l-ġenerazzjoni li jmiss ta' riżultati tanġibbli għal wara l-2020.

Is-summit kien ukoll il-forum għall-iffirmar ta' tliet programmi ta’ appoġġ:

  • L-UE għal Reġjuni Reżiljenti
  • Faċilità għas-Soċjetà Ċivili tal-Ukrajna
  • Pakkett dwar il-klima għal ekonomija sostenibbli

Mill-2014 'l hawn, l-UE imponiet tipi differenti ta' sanzjonijiet kontra r-Russja b'rispons għall-annessjoni illegali tal-Krimea.
Sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja b'rabta mal-Ukrajna (mill-2014) (Infografika)

Sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja b'rabta mal-Ukrajna (mill-2014) (Infografika)

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025