Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Summit UE-Ċina permezz ta' vidjokonferenza, 22 ta' Ġunju 2020

Riżultati ewlenin

Fl-okkażjoni tat-22 summit UE-Ċina li sar permezz ta' vidjokonferenza, il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, akkumpanjati mir-Rappreżentant Għoli Josep Borrell, iltaqgħu mal-Prim Ministru Ċiniż Li Keqiang u komplew bi skambji mal-President Ċiniż Xi Jinping.

Fl-aħħar tal-laqgħa, il-President Michel u l-President von der Leyen ħarġu stqarrija għall-istampa konġunta li tistabbilixxi d-direzzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina f'għadd ta' oqsma:

L-impenn u l-kooperazzjoni maċ-Ċina huma kemm opportunità kif ukoll ħtieġa. Iżda, fl-istess ħin, irridu nirrikonoxxu li ma nikkondividux l-istess valuri, sistemi politiċi, jew approċċ għall-multilateraliżmu. Ser nimpenjaw ruħna b'mod ċar u kunfidenti, billi niddefendu l-interessi tal-UE b'mod robust u nżommu sodi fuq il-valuri tagħna. Kummenti mill-President Charles Michel wara s-summit bejn l-UE u ċ-Ċina

Relazzjonijiet bilaterali

L-UE enfasizzat il-ħtieġa għal progress fl-implimentazzjoni tal-impenji li saru fis-Summit bejn l-UE u ċ-Ċina fl-2019, inkluż li jsir progress fin-negozjati għal Ftehim ta' Investiment Komprensiv bejn l-UE u ċ-Ċina li jiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u jindirizza l-assimetriji fl-aċċess għas-suq

L-UE esprimiet ukoll ir-rieda tagħha li tiffirma l-Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi fil-ġimgħat li ġejjin u li tara d-dħul fis-seħħ tiegħu fil-futur qarib.

Sfidi globali

Il-mexxejja kellhom diskussjoni sostantiva dwar it-tibdil fil-klima. Iċ-Ċina hija s-sieħba tal-UE skont il-Ftehim ta' Pariġi, iżda jeħtieġ li timpenja ruħha għal azzjoni domestika deċiżiva u ambizzjuża biex tnaqqas l-emissjonijiet fuq perjodu qasir u biex tistabbilixxi mira għan-newtralità klimatika kemm jista' jkun malajr.

L-UE enfasizzat li l-iżvilupp ta' teknoloġiji diġitali ġodda għandu jimxi id f'id mar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data. L-UE qajmet ukoll kwistjonijiet pendenti dwar iċ-ċibersigurtà u d-diżinformazzjoni.

L-UE appellat liċ-Ċina biex terfa' responsabbiltà akbar fit-trattament ta' sfidi globali permezz tas-sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli, il-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u r-rispett ta' standards internazzjonali fl-appoġġ tal-iżvilupp sostenibbli, speċjalment fl-Afrika.

Il-pandemija tal-COVID-19

L-UE ssottolinjat ir-responsabbiltà kondiviża ta':

  • parteċipazzjoni fi sforzi globali biex jitwaqqaf it-tixrid tal-virus
  • xprunar tar-riċerka għat-trattamenti u l-vaċċini
  • appoġġ għal irkupru globali ekoloġiku u inklużiv
  • solidarjetà fl-indirizzar tal-konsegwenzi f'pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp
  • parteċipazzjoni fil-valutazzjoni indipendenti tat-tagħlimiet miksuba mir-rispons internazzjonali tas-saħħa għall-COVID-19
  • faċilitazzjoni tar-ritorn tar-residenti tal-UE fiċ-Ċina.

Kwistjonijiet reġjonali u internazzjonali

L-UE u ċ-Ċina ddiskutew kwistjonijiet internazzjonali bħall-Afganistan, is-sitwazzjoni fil-Peniżola Koreana u l-Iran u l-implimentazzjoni tal-patt nukleari (PAKK).

Il-mexxejja tal-UE esprimew ukoll it-tħassib tagħhom dwar il-passi meħuda miċ-Ċina biex timponi leġislazzjoni nazzjonali ta' sigurtà f'Hong Kong, kif ukoll dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż it-trattament tal-minoranzi f'Xinjiang u t-Tibet, u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll ir-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali

Fl-aħħar nett, l-UE ssottolinjat ukoll l-aspettattiva tagħha li d-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ser isir fiċ-Ċina aktar tard fis-sena ladarba jittaffew ir-restrizzjonijiet tal-COVID-19.

Summits preċedenti UE-Ċina

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025