"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Vidjokonferenza bejn il-mexxejja tal-UE u tal-Kanada, 29 ta' Ottubru 2020, 29 ta' Ottubru 2020
Riżultati ewlenin
Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew, u Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea, kellhom vidjokonferenza fid-29 ta' Ottubru 2020 ma' Justin Trudeau, Prim Ministru tal-Kanada. Din kienet l-ewwel laqgħa konġunta li tinvolvi t-tmexxija l-ġdida tal-UE u l-PM Trudeau minn meta ġie elett mill-ġdid u s-summit bilaterali li sar f'Lulju 2019.
"L-UE u l-Kanada qed jikkooperaw fuq il-vaċċini, it-trattamenti u t-testijiet tal-COVID – biex jiżguraw li n-nies kollha jkollhom aċċess ġust u affordabbli"
Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
Waqt konferenza stampa konġunta wara l-laqgħa virtwali tagħhom, it-tliet mexxejja esprimew is-solidarjetà tagħhom ma' Franza wara l-attakki terroristiċi aktar kmieni dakinhar.
Il-mexxejja enfasizzaw id-determinazzjoni tagħhom li jiġġieldu l-pandemija tal-COVID-19 flimkien, f'konformità mal-valuri kondiviżi tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.
Huma ssottolinjaw l-għan doppju tal-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini u l-iżgurar ta' rkupru ekonomiku innovattiv, sostenibbli u inklużiv.
Huma enfasizzaw il-ħtieġa li jinkiseb dan l-għan permezz tas-solidarjetà, il-kooperazzjoni u l-multilateraliżmu, u rrikonoxxew ir-rwol kruċjali tal-G7, il-G20 u n-Nazzjonijiet Uniti f'dan ir-rigward. Huma impenjaw ruħhom li jkomplu l-kooperazzjoni mill-qrib tagħhom f'dawn il-fora.
Il-mexxejja enfasizzaw il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kanada dwar il-vaċċini, it-trattamenti u t-testijiet tal-COVID-19. Huma esprimew l-għan komuni li jiġi żgurat li n-nies kollha jkollhom aċċess ġust u affordabbli għalihom. Huma ddiskutew ukoll modi biex jissaħħu l-istat ta' tħejjija u r-rispons għall-pandemiji, u biex tissaħħaħ u tiġi riformata d-WHO.
Il-mexxejja enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li l-ktajjen tal-provvista globali jsiru aktar reżiljenti u li jittejbu l-kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni globali filwaqt li jinżammu miftuħa l-ekonomiji. Huma qablu li japprofondixxu l-ħidma lejn sħubija strateġika dwar il-materja prima kritika biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.
Il-mexxejja laqgħu l-isforzi tal-G20 biex jappoġġa lill-pajjiżi b'introjti baxxi l-aktar affettwati,speċjalment fl-Afrika, bħall-estensjoni tal-Inizjattiva tal-G20 u tal-Klabb ta' Pariġi dwar is-Sospensjoni tas-Servizz tad-Dejn (DSSI). Huma rrikonoxxew li ser ikun meħtieġ trattament ulterjuri tad-dejn skont il-każ u appellaw lill-membri tal-G20 biex japprovaw il-"Qafas Komuni għat-Trattament tad-Dejn lil hinn mid-DSSI" maqbul mill-Klabb ta' Pariġi.
Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kanada
Il-mexxejja ċċelebraw it-tielet anniversarju tad-dħul fis-seħħ proviżorju tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Kanada u l-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA). Huma laqgħu r-riżultati pożittivi tas-CETA, filwaqt li nnutaw li l-kummerċ bilaterali bejn l-UE u l-Kanada kiber b'24% għall-merkanzija u b'25% għas-servizzi wara l-applikazzjoni proviżorja tiegħu.
Il-mexxejja qablu li jkomplu jaħdmu flimkien, fil-Grupp ta' Ottawa u lil hinn minnu, biex jirriformaw l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) sabiex jipproteġu u jsaħħu s-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli fi żmien ta' kriżi bla preċedent, u jippermettulha tittratta b'mod effettiv ir-realtajiet ekonomiċi globali ġodda, inkluż dawk relatati mal-pandemija tal-COVID-19.
Il-mexxejja affermaw mill-ġdid ukoll l-impenn tagħhom li jilħqu soluzzjoni globali u bbażata fuq il-kunsens dwar sistema tat-taxxa internazzjonali ġusta, sostenibbli u moderna li tindirizza l-isfidi tat-taxxa li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija. Huma ħeġġew lill-Ministri għall-Finanzi tal-G20 biex jilħqu qbil dwar il-kwistjonijiet pendenti sa nofs l-2021.
Minħabba l-ħtieġa urġenti li tiżdied l-azzjoni globali biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, il-mexxejja affermaw mill-ġdid l-għan kondiviż tagħhom li jiksbu n-newtralità karbonika sal-2050, filwaqt li enfasizzaw li l-irkupru tal-COVID joffri opportunità unika għal "risettjar ekoloġiku" tal-ekonomija. L-UE u l-Kanada ser juru ambizzjoni akbar fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra meta jaġġornaw il-kontributi nazzjonali qabel il-COP26.
Huma enfasizzaw ukoll il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Kanada dwar it-trasformazzjoni diġitali, u dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali u t-teknoloġiji diġitali biex jiġi appoġġat l-irkupru tal-COVID-19.
Kummerċ bejn l-UE u l-Kanada: fatti u ċifri (Infografika)
Kwistjonijiet internazzjonali
Il-mexxejja ssottolinjaw il-fehmiet tagħhom tassew konverġenti dwar firxa ta' kwistjonijiet ta' politika barranija u ta' sigurtà, inkluż iċ-Ċina, il-Belarussja, Nagorno-Karabakh, is-Saħel, il-Mediterran tal-Lvant, u l-Venezwela. Huma esprimew tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-detenzjoni arbitrarja ta' ċittadini tal-UE u Kanadiżi fiċ-Ċina.
Il-mexxejja enfasizzaw l-importanza ta' relazzjonijiet transatlantiċi b'saħħithom u l-ħtieġa li s-sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli tiġi rispettata. Huma qablu wkoll li jikkooperaw dwar il-protezzjoni tas-sistemi demokratiċi tal-UE u tal-Kanada kontra l-attakki ċibernetiċi u d-diżinformazzjoni.
Segwitu
Il-mexxejja qablu li jorganizzaw is-summit li jmiss bejn l-UE u l-Kanada meta l-kundizzjonijiet jippermettu, biex ikomplu jmexxu 'l quddiem il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kanada.
Informazzjoni ġenerali
L-aħħar summit bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada sar fis-17 u t-18 ta' Lulju 2019 f'Montreal, il-Kanada.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.