"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Telekomunikazzjoni), 21 ta' Mejju 2024

Riżultati ewlenin

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar approċċ kollaborattiv għall-implimentazzjoni koerenti tal-leġiżlazzjoni adottata reċentement fil-qasam diġitali u dak ċibernetiku. Il-Kunsill approva żewġ settijiet ta' konklużjonijiet dwar il-futur tal-politika diġitali tal-UE u l-futur taċ-ċibersigurtà. Waqt ikla informali, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar kif jistgħu jiġu promossi l-ħiliet diġitali u trasformazzjoni diġitali inklużiva.

Illum kien fil-fatt – mingħajr esaġerazzjoni – jum storiku. Adottajna l-att dwar l-intelliġenza artifiċjali, l-ewwel liġi ta' dan it-tip fid-dinja li tiżgura intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-bniedem, innovattiva u sikura għaċ-ċittadini u n-negozji tagħna. Iżda x-xogħol ma jieqafx hemm. Kellna skambju ta' fehmiet dwar kif l-aħjar jiġu implimentati l-liġijiet adottati reċentement fil-qasam diġitali u dak ċibernetiku u approvajna konklużjonijiet dwar il-futur tal-politika diġitali tal-UE u ċ-ċibersigurtà li jidentifikaw il-prijoritajiet ewlenin għaċ-ċiklu leġiżlattiv li jmiss.

Petra De Sutter, viċi prim ministru u ministru għat-telekomunikazzjoni tal-Belġju 

Kellna laqgħa kostruttiva li tħares 'il quddiem. Mhux biss evalwajna l-ħidma leġiżlattiva importanti tagħna fil-qasam diġitali u dak ċibernetiku f'dawn l-aħħar snin, iżda pprovdejna wkoll gwida politika għall-futur. Ejjew naħdmu flimkien biex inlestu t-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa malajr kemm jista' jkun għall-benefiċċju taċ-ċittadini, in-negozji u s-soċjetajiet tagħna b'mod ġenerali.

Mathieu Michel, Segretarju tal-Istat għad-diġitalizzazzjoni tal-Belġju

Approċċ kollaborattiv għall-implimentazzjoni koerenti tal-leġiżlazzjoni

Fuq l-inizjattiva tal-presidenza, il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar approċċ kollaborattiv għal implimentazzjoni koerenti tal-leġiżlazzjoni adottata reċentement fil-qasam diġitali u dak ċibernetiku. Il-ministri qablu li l-ġabra tar-regoli diġitali tal-UE għandha rwol importanti fit-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa, it-tisħiħ tas-suq uniku diġitali u l-istabbiliment tar-regoli internazzjonali. Huma kellhom skambju ta' fehmiet dwar kif tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjonijiet il-ġodda b'enfasi fuq azzjonijiet li jistgħu jistimulaw l-implimentazzjoni u l-infurzar konsistenti u interoperabbli tagħhom, u esploraw miżuri possibbli li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ulterjuri tal-kooperazzjoni meħtieġa mas-settur privat u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra sabiex jissaħħu l-kompetittività u s-sigurtà Ewropea. Il-ministri qablu li l-iżviluppi ġeopolitiċi reċenti għandhom jitqiesu fl-implimentazzjoni tal-ġabra tar-regoli diġitali tal-UE b'enfasi fuq il-modi possibbli biex dan jissarraf fl-ambizzjoni ta' awtonomija strateġika Ewropea li tippreserva l-ekonomija miftuħa.

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-futur tal-politika diġitali tal-UE

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-futur tal-politika diġitali tal-UE li jidentifikaw il-prijoritajiet ewlenin għall-politika diġitali tal-UE li l-istati membri jixtiequ li jiġu indirizzati fiċ-ċiklu leġiżlattiv li jmiss. Is-sett ta' konklużjonijiet ikopri suġġetti bħar-regoli u l-governanza diġitali, l-effetti soċjetali tad-diġitalizzazzjoni, it-teknoloġiji diġitali u avvanzati, l-infrastruttura sigura u reżiljenti madwar l-UE, l-istrateġija għad-data, il-ħiliet diġitali, it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, il-gvern diġitali, u d-dimensjoni internazzjonali tal-politika diġitali tal-UE.

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-futur taċ-ċibersigurtà

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-futur taċ-ċibersigurtà tal-UE li jiffukaw fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà adottata reċentement, l-armonizzazzjoni, reviżjoni xierqa tal-qafas għall-iskemi ta' ċertifikazzjoni li jevitaw il-frammentazzjoni fil-leġiżlazzjoni, u l-ħtieġa li tissaħħaħ il-koordinazzjoni hekk kif jiżdied l-għadd ta' strumenti u atturi. Il-ministri qablu li t-triq 'il quddiem għandha tkun ibbażata fuq protezzjoni ċibernetika attiva, li tindirizza d-distakk fil-finanzjament u fil-ħiliet, b'mod partikolari fil-kuntest tal-inizjattiva l-ġdida dwar l-identità diġitali. Huma qablu li ħarsa ġenerali konkreta lejn ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-entitajiet relatati maċ-ċibersigurtà tkun ta' importanza kruċjali. Il-ministri ssottolinjaw ukoll li tkun meħtieġa politika internazzjonali attiva biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi.

 

Affarijiet oħra

Il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali ta' diversi inizjattivi internazzjonali li għaddejjin fil-qasam diġitali. Hija aġġornat ukoll lill-ministri dwar il-finalizzazzjoni tan-negozjati tal-konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-intelliġenza artifiċjali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt. 

Il-presidenza ppreżentat rapport dwar il-punti ewlenin li ħarġu mill-konferenza ta' livell għoli dwar il-ħtieġa għal direttiva ġdida dwar is-servizzi postali li saret fil-11 ta' April 2024 fi Brussell u pprovdiet ħarsa ġenerali lejn l-avvenimenti diġitali, tat-telekomunikazzjoni u postali li saru fl-ewwel nofs tal-2024.

Id-delegazzjoni Daniża, Ċeka u dik Pollakka infurmaw lill-Kunsill dwar kif jistgħu jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini u lin-negozji fit-trasformazzjoni diġitali permezz ta' użu simplifikat u ambizzjuż tal-kartiera Ewropea tal-identità diġitali.

Fl-aħħar nett, il-presidenza Ungeriża li jmiss ippreżentat il-prijoritajiet u l-programm ta' ħidma tagħha għat-tieni nofs tal-2024.

Ikla informali ta' nofsinhar 

Waqt ikla informali, il-ministri ddiskutew is-suġġett tal-promozzjoni tal-ħiliet diġitali u trasformazzjoni diġitali inklużiva. Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar kif tista' tiġi żgurata l-affordabbiltà fit-tul tal-internet għaċ-ċittadini kollha. Huma rriflettew ukoll dwar kif l-UE tista' żżid l-isforzi biex tindirizza d-distakk fil-ħiliet diġitali, inkluż id-distakk diġitali bejn il-ġeneri, kif ukoll in-nuqqas ta' speċjalisti tal-ICT, sabiex jitrawwem it-tkabbir ekonomiku inklużiv, tiġi promossa l-koeżjoni soċjali u tiġi żgurata l-kompetittività fl-era diġitali. B'mod partikolari, huma qasmu fehmiet dwar il-passi possibbli biex jiġi implimentat approċċ Ewropew għar-rikonoxximent tal-mikrokredenzjali u ċ-ċertifikazzjoni fis-suq tax-xogħol. Fl-aħħar nett, il-ministri ttrattaw azzjonijiet ewlenin li huma meħtieġa biex jintlaħqu 20 miljun speċjalista tal-ICT fl-UE u konverġenza aħjar bejn il-ġeneri sal-2030.

Adozzjoni ta' punti "A" 

Bħala punti mingħajr diskussjoni, il-Kunsill adotta l-att dwar l-intelliġenza artifiċjali (IA), kif ukoll ir-regolament u d-direttiva tal-UE dwar id-disinn tas-suq tal-elettriku, u l-"pakkett" tal-gass u l-idroġenu.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Jannar 2025