Skip to content
  • Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Enerġija), 30 ta' Mejju 2024

Riżultati ewlenin

Grilji tal-elettriku sostenibbli

Il-ministri għall-enerġija approvaw konklużjonijiet dwar infrastruttura għall-grilji tal-elettriku sostenibbli. Dan is-sett ta' konklużjonijiet huwa segwitu għad-diskussjonijiet tal-ministri għall-Enerġija matul il-laqgħa ministerjali informali dwar l-enerġija li saret f'April 2024.

Il-konklużjonijiet jibnu wkoll fuq id-Dikjarazzjoni ta' Versailles tal-10 u l-11 ta' Marzu 2022 u l-objettiv li titneħħa gradwalment id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi malajr kemm jista' jkun. It-tlestija u t-titjib tal-interkonnessjoni tan-networks tal-elettriku Ewropej u l-integrazzjoni sħiħa tal-grilji tal-enerġija madwar l-UE kollha huma kruċjali biex jintlaħaq dan l-objettiv.

Barra minn hekk, f'April 2024 il-Kunsill Ewropew issottolinja l-importanza li tinkiseb Unjoni tal-Enerġija ġenwina, li teħtieġ fost l-oħrajn l-użu sostanzjali ta' grilji, ħżin u interkonnessjonijiet u investiment fihom.

Il-ministri rrikonoxxew l-importanza ta' network Ewropew tal-elettriku interkonness, integrat u sinkronizzat biex jiġu żgurati s-sigurtà tal-enerġija, ir-reżiljenza tas-sistema tal-elettriku, u l-kompetittività u d-dekarbonizzazzjoni tal-UE.

Mill-2004 'l hawn, is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku żdied b'aktar mid-doppju u laħaq kważi 40%. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill jallinjaw ma' dan l-iżvilupp u jirriflettu l-ambizzjoni tal-Unjoni Ewropea li ssir aktar ekoloġika, kompetittiva u reżiljenti fis-settur tal-enerġija, filwaqt li jenfasizzaw il-ħtieġa li tiġi introdotta Supergrid tal-UE biex tinkorpora aktar sorsi ta' enerġija rinnovabbli, tappoġġa l-elettrifikazzjoni, tistabbilizza l-prezzijiet u żżid is-sigurtà tal-enerġija.

Tinne Van der Straeten, Ministru għall-Enerġija tal-Belġju

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill jappellaw lill-istati membri u lill-Kummissjoni biex jibqgħu għaddejjin b'azzjonijiet u miżuri biex jinkiseb dan, bħat-tħaffif tal-introduzzjoni tal-grilji (standardizzazzjoni tal-komponenti, dimensjonijiet differenti tal-permessi, disinn li jinkludi n-natura), l-implimentazzjoni rapida tal-partijiet rilevanti tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Grilji, it-tisħiħ tal-approċċi Ewropej u reġjonali għall-ippjanar tal-grilji, il-finanzjament ta' proġetti tal-grilji fuq l-art u lil hinn mill-kosta u l-investiment f'dawn il-proġetti, kif ukoll il-protezzjoni tal-grilji tal-elettriku kontra theddid ċibernetiku u ibridu.

REPowerEU: quo vadis?

Wara l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-mexxejja tal-UE adottaw id-dikjarazzjoni ta' Versailles fil-11 ta' Marzu 2022, bl-objettiv li titneħħa gradwalment id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni tal-gass, taż-żejt u tal-faħam Russi malajr kemm jista' jkun.

Fil-kuntest ta' kriżi tal-enerġija bla preċedent, il-mexxejja tal-UE stiednu lill-Kummissjoni tipproponi pjan REPowerEU biex taċċellera t-tnaqqis tad-dipendenza ġenerali tal-UE fuq il-fjuwils fossili, filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-għażliet tal-istati membri tat-taħlita tal-enerġija tagħhom, u biex tiddiversifika l-provvisti u r-rotot tagħna. Il-Kummissjoni Ewropea adottat il-pjan REPowerEU f'Mejju 2022.

Bis-saħħa tal-miżuri rilevanti meħuda u maqbula mill-istati membri u l-Kummissjoni, l-UE rnexxielha tiffranka 125.2 biljun metru kubu (bcm) ta' gass, filwaqt li aċċertat biżżejjed riżervi tal-gass u naqqset l-importazzjoni tal-gass minn 45% għal 15% f'sentejn biss. Barra minn hekk, il-kapaċità installata tar-riħ u tax-xemx żdiedet b'aktar minn terz bejn l-2021 u l-2023.

Abbażi tat-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-enerġija, u b'kont meħud tal-effetti negattivi u xi drabi xekkiela li l-kriżi tal-enerġija kellha fuq iċ-ċittadini u l-industriji Ewropej, ser ikunu meħtieġa aktar sforzi fis-snin li ġejjin biex tiżdied ir-reżiljenza tal-UE u tal-istati membri għall-użu tal-enerġija bħala arma minn reġimi barranin, il-preservazzjoni u t-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija u l-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet.

Abbażi ta' nota tal-Presidenza, il-ministri kkondividew l-ostakli ffaċċjati fit-tneħħija gradwali tal-importazzjoni tal-enerġija mir-Russja. Huma ppreżentaw ukoll inizjattivi li għandhom jitnedew sabiex jappoġġaw lill-UE u lill-istati membri tagħha fl-isforzi tagħhom biex jeliminaw gradwalment id-dipendenza.

Il-ministri qablu li l-unità tal-UE s'issa kienet l-aktar assi b'saħħitha tagħha. Filwaqt li jibnu fuq dan l-assi, żiedu li huma meħtieġa sforzi akbar, inkluż it-tfassil ta' pjan ta' azzjoni, pjan direzzjonali u skedi ta' żmien. Ħafna ministri stiednu lill-Kummissjoni Ewropea biex toħroġ b'aktar gwida dwar koordinazzjoni aħjar u biex teżamina s-suġġerimenti li saru matul id-diskussjoni biex effettivament jiġu eliminati gradwalment il-fjuwils fossili Russi.

B'mod partikolari, żewġ delegazzjonijiet issuġġerew l-istabbiliment ta' grupp ta' ħidma ta' livell għoli biex jiffoka fuq din il-kwistjoni, li kien appoġġat minn ħafna ministri u ser jiġi diskuss aktar fil-korpi preparatorji tal-Kunsill.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew għal UE kompetittiva

Il-ministri kellhom ukoll skambju ta' fehmiet dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew u kif dan jista' jgħin biex l-UE tittrasforma ruħha f'ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva.

Il-ministri għall-enerġija evalwaw il-kisbiet leġiżlattivi li saru taħt il-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%", li issa dieħel fil-fażi ta' implimentazzjoni tiegħu. Fuq dan l-isfond, kellhom skambju ta' fehmiet dwar kif nistgħu nibqgħu fit-triq it-tajba għall-miri tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli tal-UE għall-2030, biex b'hekk tingħata spinta lill-kompetittività tal-Unjoni, filwaqt li tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta lejn id-dekarbonizzazzjoni.

Flimkien mal-avvanz tal-grilji tal-elettriku, huma ddiskutew passi addizzjonali lejn Unjoni tal-Enerġija ġenwina, kif mitlub fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta' April 2024, sabiex jintlaħqu s-sovranità tal-enerġija Ewropea u n-newtralità klimatika.

Komunitajiet tal-enerġija

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-komunitajiet tal-enerġija u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. Huma rrikonoxxew li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli li huma proprjetà tal-komunità għandhom potenzjal sinifikanti li jaċċelleraw it-tranżizzjoni tal-enerġija u jnaqqsu d-dipendenza tal-Ewropa fuq l-importazzjoni tal-enerġija.

Madankollu, il-ministri spjegaw ukoll li, minħabba diversi ostakli, l-iżvilupp ta' dawn l-inizjattivi lokali mhuwiex popolari u mxerred daqs kemm jista' jkun. Wieħed mill-ostakli ċentrali li ġie kkwotat ħafna drabi kien l-iżgurar tal-aċċess għall-grilji għall-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli.

Il-ministri ssottolinjaw il-ħtieġa li tittieħed azzjoni biex tgħin fil-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u l-integrazzjoni tal-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli fis-swieq tal-enerġija eżistenti.

Ġie spjegat li xi elementi jistgħu jiġu adottati fil-livell nazzjonali, iżda ħafna ministri insistew li hemm elementi differenti fejn għandha ssir aktar ħidma fil-livell Ewropew.

Għalhekk, il-ministri stiednu lill-Kummissjoni biex toħroġ bi pjan ta' azzjoni għall-komunità tal-enerġija. Tali pjan għandu jipproponi soluzzjonijiet biex jiġu solvuti ostakli mhux mixtieqa jew mhux ġustifikati għall-komunitajiet tal-enerġija.

Trattat tal-Karta tal-Enerġija

Permezz tad-deċiżjonijiet adottati formalment illum, l-Unjoni Ewropea u l-Euratom ser jitilqu mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, filwaqt li l-istati membri ser jitħallew jappoġġaw il-modernizzazzjoni tiegħu matul il-Konferenza tat-Trattat. Id-deċiżjonijiet huma marbuta ma' xulxin peress li jiffurmaw iż-żewġ pilastri ta' kompromess magħruf bħala l-pjan direzzjonali Belġjan dwar it-Trattat tal-Karta tal-Enerġija.

L-adozzjoni formali tal-lum mill-Kunsill tagħti l-approvazzjoni finali lill-UE u lill-Euratom biex joħorġu mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija wara li l-Parlament Ewropew approva l-ħruġ matul l-aħħar sessjoni plenarja tiegħu f'April 2024.

L-istati membri li jixtiequ jibqgħu partijiet kontraenti wara l-ħruġ tal-UE u tal-Euratom ser ikunu jistgħu jivvutaw matul il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija li jmiss – li mistennija ssir sa tmiem l-2024 – billi japprovaw jew ma jopponux l-adozzjoni ta' ftehim modernizzat.

B'dan il-mod, filwaqt li elimina l-impass fl-UE, il-pjan direzzjonali Belġjan fetaħ ukoll il-proċess ta' modernizzazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija għall-partijiet kontraenti tiegħu li mhumiex fl-UE.

L-adozzjoni tal-lum tirrappreżenta l-aħħar pass importanti fil-pjan direzzjonali Belġjan li fassalna għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija. Filwaqt li bniet fuq il-bażi stabbilita mill-predeċessuri Żvediżi tagħna, il-presidenza Belġjana ħadmet bla heda biex tkisser dan l-imblokk kumpless u sabet bilanċ aċċettabbli u utli għal kulħadd.

Tinne Van der Straeten, Ministru għall-Enerġija tal- Belġju

Affarijiet oħra

Taħt affarijiet oħra, il-Kummissjoni informat lill-ministri dwar il-pjanijiet nazzjonali finali u aġġornati dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati mill-istati membri,li huma strumentali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u l-miri maqbula għall-UE kollha.

Il-Kummissjoni ppreżentat informazzjoni dwar it-tħejjija għax-xitwa 2024-2025. Il-ministri ġew infurmati dwar is-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-Kummissjoni għall-adozzjoni ta' mekkaniżmi ta' kapaċità bħala segwitu tad-dispożizzjonijiet maqbula fil-kuntest tar-riforma tad-disinn tas-suq tal-elettriku.

Il-ministri semgħu mid-delegazzjoni Ċeka u dik Slovakka dwar id-"Dikjarazzjoni - Djalogu Politiku Annwali - Karlovy Vary" u l-ħtieġa li tissaħħaħ it-tranżizzjoni ġusta fir-reġjuni affettwati mid-dekarbonizzazzjoni (f'seduta pubblika).

Punt ta' informazzjoni dwar l-impatti tat-tariffa tan-newtralità għall-ħżin tal-gass u l-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar fil-livell Ewropew tqajjem mid-delegazzjoni Awstrijaka, Ċeka, Slovakka u dik Ungeriża.

Id-delegazzjoni Ġermaniża, Franċiża u dik Netherlandiża qasmu informazzjoni - u kienu appoġġati mid-delegazzjoni Awstrijaka - relatata mal-importanza tal-prevenzjoni tal-frodi tal-bijokarburanti u stiednu lill-Kummissjoni biex tressaq l-inizjattivi meħtieġa f'dan ir-rigward.

Id-delegazzjonijiet semgħu mid-delegazzjoni Pollakka, Ungeriża u dik Ċeka dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-Azzjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni tal-2024 għall-produzzjoni tal-idroġenu RFNBO (Fjuwils Rinnovabbli ta' Oriġini Mhux Bijoloġika) fil-qafas tal-Bank tal-Idroġenu u s-suġġerimenti tagħhom għal titjib.

Fl-aħħar nett, id-delegazzjoni Ungeriża ppreżentat il-prijoritajiet tagħha bħala l-presidenza li jmiss tal-Kunsill.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, inkluż id-deċiżjonijiet dwar it-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija.

Illustrazzjonijiet tal-linji tal-provvista tal-enerġija, impjanti eoliċi, ferrovija, binja u nies.
Spjegazzjoni tal-pjan REPowerEU (Infografika)

Spjegazzjoni tal-pjan REPowerEU (Infografika)

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 4 ta' Frar 2025