Skip to content

Programm Ewropa Kreattiva 2021-2027

The EU aims to offer increased support for European artists and creators, and so contribute to the further development of European culture and identity.

L-aħħar aħbarijiet

L-UE għandha l-għan li toffri appoġġ akbar għall-artisti u l-kreaturi Ewropej, u b'hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp ulterjuri tal-kultura u l-identità Ewropea.

Il-programm Ewropa Kreattiva għandu rwol importanti fil-promozzjoni tal-arti, il-kultura u l-media Ewropea.

Objettivi speċifiċi ta' Ewropa Kreattiva jinkludu:

  • it-tisħiħ tal-kooperazzjoni artistika u kulturali, inkluż il-mobbiltà tal-artisti u l-professjonisti, fil-livell tal-UE
  • il-promozzjoni tal-potenzjal ta' kooperazzjoni, kompetittività u innovazzjoni tal-industrija awdjoviżiva Ewropea
  • l-appoġġ tal-ħolqien, iċ-ċirkolazzjoni u l-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej
  • il-promozzjoni ta' ambjent tal-media diversifikat u pluralistiku
  • il-promozzjoni tal-litteriżmu medjatiku

Il-programm jinkludi:

  • l-appoġġ għat-traduzzjoni u l-promozzjoni ta' xogħlijiet letterarji fl-UE kollha
  • l-iżvilupp ta' xogħlijiet awdjoviżivi, inklużi logħob tal-vidjo
  • il-produzzjoni ta' kontenut televiżiv innovattiv, koproduzzjonijiet Ewropej u internazzjonali
  • l-appoġġ għall-bejgħ u ċ-ċirkolazzjoni internazzjonali ta' xogħlijiet Ewropej mhux nazzjonali fuq il-pjattaformi kollha

Ewropa Kreattiva tappoġġa wkoll:

  • il-proġetti ta' protezzjoni tal-arkitettura u l-patrimonju
  • il-festivals taċ-ċinema Ewropew u s-settur tal-mużika
  • il-Kapitali Ewropej tal-Kultura: jenfasizzaw ir-rikkezza u d-diversità tal-kulturi fl-Ewropa
  • il-Premju tal-UE għal-Letteratura: jirrikonoxxi l-aqwa awturi emerġenti fl-Ewropa
  • Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew: mogħti lil siti li kkontribwew għall-progress tal-istorja u l-għaqda tal-UE

Għaliex għandna bżonnha?

Il-kultura għandha rwol pożittiv x'taqdi fit-tisħiħ tar-reżiljenza tas-soċjetà Ewropea u l-ekonomija. Is-setturi kulturali u kreattivi jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-iżvilupp ekonomiku tal-UE, li jiġġeneraw l-impjiegi u t-tkabbir.

Minħabba d-diġitalizzazzjoni u l-kompetizzjoni globali, hemm bżonn ta' appoġġ aktar qawwi għas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej. Id-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa hija parti mir-rikkezza tagħha u titlob li jiġu stabbiliti soluzzjonijiet u strateġiji xierqa biex ix-xogħlijiet Ewropej jiċċirkolaw bejn il-fruntieri. Biex tinżamm id-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa għandu jsir iktar biex:

  • jiġi stimulat il-ħolqien u ċ-ċirkolazzjoni tranżnazzjonali ta' xogħlijiet Ewropej
  • jiġi żgurat li x-xogħlijiet Ewropej ikunu distribwiti b'mod aktar wiesa'
  • tiġi appoġġata l-mobbiltà ta' professjonisti kulturali u kreattivi

Bit-tisħiħ tal-kultura u l-kreattività fl-UE, nistgħu nappoġġaw aħjar il-libertà tal-media u l-pluraliżmu. Il-Kummissjoni tipproponi l-programm il-ġdid Ewropa Kreattiva bħala parti mill-kapitolu 'Ninvestu fin-nies' tal-proposta tal-baġit fit-tul għall-UE .

L-Artikolu 3 - Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

Il-mira tal-Unjoni hija li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benesseri tal-popli tagħha.

Hija għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha u għandha tassigura li jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew.

Fid‑dettall

Il-proposta tal-Kummissjoni biex issaħħaħ is-setturi kulturali u kreattivi tal-UE hija ffokata fuq tliet oqsma:

Il-Kultura

Il-fergħa tal-kultura tkopri s-setturi kulturali u kreattivi, u tinkludi dawn l-elementi sabiex:

  • issaħħaħ il-ħolqien tranżnazzjonali u ċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet
  • issaħħaħ il-mobbiltà ta' professjonisti permezz ta' networks, pjattaformi u proġetti ta' kooperazzjoni
  • isaħħaħ l-appoġġ għas-setturi speċifiċi tal-mużika, il-kotba u l-arkitettura
  • ittejjeb il-promozzjoni tal-kontenut kulturali Ewropew bejn il-fruntieri fl-Ewropa u lil hinn

Il-Media

Il-fergħa tal-media tkopri s-settur awdjoviżiv, u tinkludi l-elementi ewlenin li ġejjin:

  • aktar appoġġ għall-iżvilupp, il-produzzjoni, il-promozzjoni, u t-tqassim ta' xogħlijiet Ewropej fl-Ewropa u lil hinn
  • it-titjib tal-bini tal-udjenza, inkluż permezz ta' mudelli ta' negozju ġodda u teknoloġiji ġodda
  • l-iżvilupp u l-promozzjoni ta' kontenut innovattiv, logħob tal-vidjo u xenarji ta' sensiliet
  • l-istabbiliment ta' network ta' operaturi video-on-demand Ewropej
  • l-istabbiliment ta' network ta' festivals Ewropej
  • il-ħolqien ta' direttorju online tal-films Ewropej
  • it-tisħiħ fl-investiment fit-taħriġ tal-professjonisti awdjoviżivi sabiex jadattaw għad-dinja diġitali

Fis-setturi kulturali u tal-media kollha

Il-fergħa transsettorjali tkopri l-attivitajiet fis-setturi kulturali u kreattivi kollha inkluż dawn l-elementi sabiex:

  • tappoġġa networking tranżnazzjonali, skambju ta' esperjenzi u għarfien għall-operaturi tal-kultura
  • tippromwovi forom ġodda ta' ħolqien kulturali, approċċi sperimentali u l-użu ta' teknoloġiji innovattivi
  • tippromwovi ambjent tal-media ħieles, divers u pluralistiku u tappoġġa ġurnaliżmu kwalitattiv u litteriżmu fil-media

Fil‑Kunsill

Il-programm Ewropa Kreattiva attwali huwa mill-2014 sal-2020. Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta għall-perjodu l-ġdid f'Mejju 2018. Il-Kumitat tal-Affarijiet Kulturali u l-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Settur Awdjoviżiv eżaminaw il-proposta.

L-Istati Membri laqgħu l-approċċ tal-Kummissjoni biex iżommu l-istruttura ġenerali tal-programm attwali u esprimew l-appoġġ tagħhom għall-baġit ambizzjuż.

Id-diskussjonijiet iffokaw fuq il-punti li ġejjin:

  • id-definizzjonijiet, b'mod partikolari s-'siġill ta' eċċellenza'
  • l-istruttura u l-objettivi tal-programm
  • id-distribuzzjoni tal-baġit, bi qbil li tiddaħħal f'perċentwali
  • il-pajjiżi terzi assoċjati mal-programm, li jitolbu kondizzjonijiet ċari ta' kooperazzjoni
  • l-implimentazzjoni, li tenfasizza ir-rwol tad-desks tal-programm nazzjonali
  • l-ugwaljanza bejn is-sessi fir-rigward ta' kriterji u indikaturi tal-programm
  • l-entitajiet eliġibbli bħall-Orkestra taż-Żgħażagħ tal-Ewropea u l-Akkademja Ewropea taċ-Ċinema
  • il-monitoraġġ tal-valutazzjoni u l-kontroll

Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu (approċċ ġenerali parzjali) fuq ir-regolament li jistabbilixxi l-programm Ewropa Kreattiva għall-2021-2027.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrappreżenta l-mandat tiegħu għan-negozjati mal-Parlament Ewropew li ser jibdew is-sena d-dieħla. Id-deċiżjoni dwar l-allokazzjonijiet finanzjarji għal Ewropa Kreattiva għall-2021-2027 ser tiddependi mill-ftehim dwar il-QFP li jmiss.

L-aħħar reviżjoni: 4 ta' Frar 2025