Skip to content

Kronoloġija - ċibersigurtà

  • 2025

    6 ta' Ġunju

    Adottat pjan ta' azzjoni għall-ġestjoni ta' kriżijiet ċibernetiċi

    Fis-6 ta' Ġunju 2025, il-ministri adottaw il-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ġestjoni ta' kriżijiet ċibernetiċi, li jipprovdi gwida għal kif l-UE għandha twieġeb għal inċidenti taċ-ċibersigurtà jew kriżijiet ċibernetiċi fuq skala kbira.

  • 2024

    2 ta' Diċembru

    Adottat l-att dwar iċ-ċibersolidarjetà

    Fit-2 ta' Diċembru 2024, il-ministri adottaw l-att dwar iċ-ċibersolidarjetà. Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jsaħħu s-solidarjetà u l-kapaċitajiet tal-UE li tidentifika, tħejji u tirrispondi għat-theddid u l-inċidenti taċ-ċibersigurtà u li ssaħħaħ ir-reżiljenza ċibernetika tagħha.

  • 2024

    10 ta' Ottubru

    L-UE tadotta att dwar ir-reżiljenza ċibernetika

    Il-Kunsill adotta liġi ġdida dwar ir-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għall-prodotti b’elementi diġitali bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-prodotti, bħal kameras tad-dar konnessi, friġġijiet, TVs u ġugarelli, ikunu sikuri qabel ma jitqiegħdu fis-suq.

  • 2024

    24 ta' Ġunju

    L-UE tadotta sanzjonijiet ġodda kontra l-attakki ċibernetiċi

    Il-Kunsill adotta sanzjonijiet kontra sitt persuni involuti f'attakki ċibernetiċi li jaffettwaw is-sistemi ta' informazzjoni relatati ma' infrastruttura kritika, funzjonijiet kritiċi tal-istat, il-ħżin jew l-ipproċessar ta' informazzjoni klassifikata u timijiet ta' rispons ta' emerġenza tal-gvern fl-istati membri.

    Il-persuni sanzjonati jinkludu membri tal-gruppi Callisto, Armagedddon u Wizard Spider.

  • 2023

    19 ta' Lulju

    Pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-att dwar ir-reżiljenza ċibernetika

    Ir-rappreżentanti tal-istati membri (Coreper) laħqu pożizzjoni komuni dwar il-leġiżlazzjoni proposta rigward ir-rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għal prodotti b'elementi diġitali (att dwar ir-reżiljenza ċibernetika).

    Ir-regoli l-ġodda proposti jridu jiżguraw li l-prodotti b'komponenti diġitali, bħal kameras tad-dar konnessi, friġġijiet intelliġenti, televixins, u ġugarelli, ikunu sikuri qabel ma jidħlu fis-suq uniku tal-UE.

  • 2023

    26 ta' Ġunju

    Ftehim proviżorju dwar iċ-ċibersigurtà fil-korpi tal-UE

    Il-Kunsill tal-UE u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar qafas komuni għaċ-ċibersigurtà fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE.

    Il-ftehim ser jgħin biex jittejbu r-reżiljenza tagħhom u l-kapaċitajiet tagħhom ta' rispons għall-inċidenti, u jiżgura standards komuni u kooperazzjoni.

    Wara, il-ftehim ser jiġi ffinalizzat fil-livell tekniku u mbagħad jintbagħat lill-ambaxxaturi għall-UE għall-konferma. Ladarba jiġi kkonfermat kemm fil-Kunsill kif ukoll fil-Parlament, iż-żewġ istituzzjonijiet ser jadottawh formalment.

  • 2023

    23 ta' Mejju

    Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar il-politika tal-UE dwar iċ-ċiberdifiża

    Biċ-ċiberspazju bħala qasam għall-kompetizzjoni strateġika, ir-riskji għas-sigurtà u d-difiża tal-UE jiżdiedu fi żmien ta' żieda fit-tensjonijiet ġeopolitiċi u dipendenza akbar fuq it-teknoloġiji diġitali.

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iċ-ċiberdifiża jisħqu fuq il-ħtieġa li l-UE u l-istati membri tagħha:

    • isaħħu aktar ir-reżiljenza tagħhom biex jiffaċċjaw it-theddid ċibernetiku
    • iżidu ċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża komuni tagħhom kontra mġiba malizzjuża u atti ta' aggressjoni fiċ-ċiberspazju
  • 2022

    28 ta' Novembru

    Il-Kunsill jadotta leġiżlazzjoni ġdida dwar iċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza (NIS2)

    Il-Kunsill adotta leġiżlazzjoni għal livell għoli komuni ta' ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha biex ikomplu jitjiebu r-reżiljenza u l-kapaċitajiet ta' rispons għall-inċidenti kemm tas-settur pubbliku kif ukoll ta' dak privat, u tal-UE kollha kemm hi.

    Id-direttiva l-ġdida, imsejħa "NIS2", ser tissostitwixxi d-direttiva attwali dwar is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni (id-Direttiva NIS).

  • 2022

    18 ta' Novembru

    Iċ-ċibersigurtà fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE: il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu

    Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar qafas komuni għaċ-ċibersigurtà fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE.

    Fl-isfond ta' għadd akbar ta' attakki ċibernetiċi sofistikati kontra l-amministrazzjoni pubblika tal-UE, f'Marzu 2022 il-Kummissjoni Ewropea pproponiet miżuri bl-għan li jiżguraw livell komuni għoli ta' ċibersigurtà.

    Bil-ħolqien ta' qafas komuni, dawn il-miżuri għandhom l-għan li jtejbu r-reżiljenza u l-kapaċitajiet ta' rispons għall-inċidenti tal-entitajiet kollha tal-UE u li jindirizzaw id-differenzi fl-approċċ tagħhom.

    Wara li l-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu, il-pass li jmiss huwa l-bidu tan-negozjati mal-Parlament Ewropew, ladarba l-Parlament ikun ivvota fuq il-mandat ta' negozjar tiegħu.

  • 2022

    17 ta' Ottubru

    Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvista tal-ICT

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jappellaw għal sigurtà aktar b'saħħitha tal-ktajjen tal-provvista tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) tal-UE. Il-konklużjonijiet jindirizzaw ukoll id-dipendenzi fil-ktajjen tal-provvista tal-ICT. Is-sejħa għal azzjoni hija saħansitra aktar urġenti fil-kuntest tal-aggressjoni tar-Russja lejn l-Ukrajna.

    color: inherit; color: inherit; color: inherit; Fil-konklużjonijiet, il-Kunsill jappella għal aġġustamenti fl-oqfsa ta' skrinjar għall-akkwistpubblikujew l-investiment dirett barrani, inkluż kriterji tal-għażla relatati maċ-ċibersigurtà. L-istati membri stiednu lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida metodoloġiċi biex l-awtoritajiet kontraenti jiġu mħeġġa jagħmlu enfasi xierqa fuq il-prattiki taċ-ċibersigurtà tal-offerenti u s-sottokuntratturi tagħhom.

    Il-konklużjonijiet jidentifikaw leġiżlazzjoni speċifika għaċ-ċibernetika eżistenti u dik futura li tista' wkoll tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-katina tal-provvista tal-ICT:

    • color: inherit; id-direttiva riveduta dwar is-Sigurtà tan-Networks u tal-Informazzjoni (NIS2)
    • color: inherit; skemi ta' ċertifikazzjoni maħruġa fil-qafas stabbilit mill-Att dwar iċ-Ċibersigurtà
    • color: inherit; il-proposta tal-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika

    Il-konklużjonijiet jissuġġerixxu wkoll l-użu ta' mekkaniżmi ta' appoġġ għall-finanzjament tal-bini ta' infrastruttura diġitali sigura, it-tisħiħ tal-fehim u s-sensibilizzazzjoni komuni, u l-approfondiment tal-kooperazzjoni internazzjonali biex tiżdied is-sigurtà tal-katina tal-provvista tal-ICT fl-UE u lil hinn minnha.

  • 2022

    21 ta' Ġunju

    Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar qafas għal reazzjoni koordinata tal-UE għal kampanji ibridi

    Fil-kuntest tal-aggressjoni Russa fl-Ukrajna u wara l-approvazzjoni tal-Boxxla Strateġika mill-Kunsill Ewropew fl-24 u l-25 ta' Marzu, il-Kunsill tal-UE tenna fil-konklużjonijiet tiegħu l-importanza li jiġi żviluppat Sett ta' Għodod tal-UE kontra Theddid Ibridu.

    Dan is-sett ta' għodod jintroduċi l-qafas għal reazzjoni koordinata għal theddid u kampanji ibridi li jaffettwaw lill-UE u lis-sħab tagħha. Huwa jiġbor flimkien l-atturi, il-politiki u l-istrumenti rilevanti kollha biex jiġi miġġieled l-impatt tat-theddid ibridu b'mod aktar koordinat.

    Il-Kunsill tenna li r-responsabbiltà primarja għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu hija tal-istati membri u saħaq li d-deċiżjonijiet dwar reazzjoni koordinata tal-UE għal kampanji ibridi għandhom:

    • iservu biex jitħarsu d-demokrazija u d-dritt internazzjonali
    • iservu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni
    • ikunu proporzjonati għal kull kampanja
    • ikollhom għarfien tas-sitwazzjoni
    • jieħdu kont tal-kuntest usa'
    • jirrispettaw id-dritt internazzjonali u jħarsu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali
  • 2022

    23 ta' Mejju

    Ċiberspazju: il-Kunsill jaqbel li tissaħħaħ iċ-ċibersigurtà tal-UE u jiġu evitati l-attakki ċibernetiċi

    Il-Kunsill approva l-konklużjonijiet dwar l-iżvilupp tal-qagħda ċibernetika tal-UE, li tikkonċerna s-saħħa u r-reżiljenza taċ-ċibersigurtà globali fir-rigward tat-theddid ċibernetiku.

    Permezz tal-iżvilupp tal-qagħda ċibernetika, l-UE tista' tiġġieled aħjar l-attivitajiet ċibernetiċi offensivi mmirati lejn l-UE u l-istati membri tagħha. L-għan huwa li jingħata rispons kemm immedjat kif ukoll fit-tul lill-atturi li jfittxu li jiċħdu lill-UE aċċess sigur u miftuħ għaċ-ċiberspazju, inkluż billi jiġi evitat u skoraġġut it-theddid filwaqt li jittejbu wkoll il-kapaċitajiet ċibernetiċi.

    Il-konklużjonijiet jirriżultaw minn diversi liġijiet u politiki tal-UE, inkluż il-Boxxla Strateġika, il-pjan ta' azzjoni tal-UE biex tissaħħaħ il-politika ta' sigurtà u ta' difiża tagħha sal-2030.

  • 2022

    16 ta' Mejju

    Attakki ċibernetiċi: il-Kunsill jestendi r-reġim tas-sanzjonijiet

    Il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-qafas għal miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-UE u lill-istati membri tagħha għal tliet snin oħra, sat-18 ta' Mejju 2025.

    Dan il qafas jippermetti lill-UE timponi miżuri restrittivi mmirati fuq persuni jew entitajiet involuti f'attakki ċibernetiċi li jikkawżaw impatt sinifikanti, u li jikkostitwixxu theddida esterna għall-UE jew l-istati membri tagħha.

  • 2022

    13 ta' Mejju

    It-tisħiħ taċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza fl-UE kollha – ftehim dwar id-direttiva NIS 2

    Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' ċibersigurtà madwar l-Unjoni, sabiex jitjiebu aktar ir-reżiljenza u l-kapaċitajiet ta' rispons għall-inċidenti kemm tas-settur pubbliku kif ukoll dak privat u tal-UE kollha kemm hi.

    Ladarba tiġi adottata, id-direttiva l-ġdida, imsejħa "NIS2" ser tissostitwixxi d-direttiva attwali dwar is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni (id-direttiva NIS).

    Il-leġiżlazzjoni l-ġdida ser:

    • tiżgura ġestjoni u kooperazzjoni aktar b'saħħithom tar-riskju u tal-inċidenti
    • testendi l-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli
  • 2022

    11 ta' Mejju

    Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali (DORA): intlaħaq ftehim proviżorju

    Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar l-Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali (DORA), li ser jiżgura li s-settur finanzjarju fl-Ewropa jkun jista' jkompli jwettaq operazzjonijiet reżiljenti matul tfixkil operazzjonali serju.

    Id-DORA joħloq qafas regolatorju dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali fejn id-ditti kollha jinħtieġu jiżguraw li jkunu jistgħu jifilħu, jirrispondu u jirkupraw minn kull tip ta' tfixkil u theddid relatati mal-ICT.

    L-UE qed issaħħaħ is-sigurtà tal-IT ta' entitajiet finanzjarji bħal banek, kumpaniji tal-assigurazzjoni u ditti tal-investiment, minħabba r-riskji dejjem jiżdiedu ta' attakki ċibernetiċi.

  • 2022

    8 u 9 ta' Marzu

    Il-ministri tal-UE magħqudin fit-tisħiħ tar-reżiljenza ċibernetika fl-UE

    Il-ministri tal-UE responsabbli għat-telekomunikazzjoni u l-affarijiet diġitali ltaqgħu fit-8 u d-9 ta' Marzu 2022 f'laqgħa informali organizzata mill-presidenza Franċiża tal-Kunsill.

    Il-ministri appellaw għat-tisħiħ u l-aċċellerazzjoni tal-pass tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taċ-ċibersigurtà, wara żieda fil-livelli ta' theddid ċibernetiku, aggravata mis-sitwazzjoni fl-Ukrajna u r-riskju ta' inċidenti ċibernetiċi fl-UE. Huma appellaw ukoll għal aktar informazzjoni dwar ir-riskji li jheddu n-networks u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni Ewropej, u għal rakkomandazzjonijiet dwar kif tista' tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom.

    Is-27 ministru adottaw dikjarazzjoni politika maħsuba biex tagħti spinta lill-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà tal-UE.

  • 2021

    3 ta' Diċembru

    Il-Kunsill jilħaq qbil dwar il-pożizzjoni tiegħu fuq id-direttiva l-ġdida dwar iċ-ċibersigurtà

    Matul il-Kunsill Telekomunikazzjoni ta' Diċembru, il-ministri tal-UE qablu fuq "approċċ ġenerali" dwar miżuri għal livell komuni għoli ta' ċibersigurtà madwar l-UE kollha skont l-hekk imsejħa direttiva "NIS2".

    L-għan tal-leġiżlazzjoni huwa li tkompli ttejjeb ir-reżiljenza u l-kapaċitajiet ta' rispons għall-inċidenti kemm tas-settur pubbliku kif ukoll ta' dak privat, u tal-UE kollha kemm hi. Għandha l-għan li tneħħi d-diverġenzi fir-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà u fl-implimentazzjoni tal-miżuri taċ-ċibersigurtà fi stati membri differenti.

  • 2021

    19 ta' Ottubru

    il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar l-esplorazzjoni tal-potenzjal ta' ċiberunità konġunta

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jistiednu lill-UE u lill-istati membri jiżviluppaw aktar il-qafas tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet taċ-ċibersigurtà, inkluż billi jiġi esplorat il-potenzjal ta' ċiberunità konġunta.

    Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jenfasizza l-ħtieġa li jiġu kkonsolidati n-networks eżistenti u li jiġi stabbilit immappjar tal-lakuni u l-ħtiġijiet possibbli b'rabta mal-kondiviżjoni tal-informazzjoni fi ħdan u bejn il-komunitajiet ċibernetiċi. Dan għandu sussegwentement iwassal għal ftehim dwar għanijiet u prijoritajiet ewlenin possibbli ta' ċiberunità konġunta potenzjali.

  • 2021

    17 ta' Mejju

    Attakki ċibernetiċi: Il-Kunsill jestendi l-qafas ta' sanzjonijiet għal sena oħra

    Il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-qafas għal miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-UE jew lill-istati membri tagħha għal sena oħra, sat-18 ta' Mejju 2022.

    B"dan il qafas l-UE tista' timponi miżuri restrittivi mmirati fuq persuni jew entitajiet involuti f'attakki ċibernetiċi li joħolqu impatt sinifikanti, u li huma ta' theddida esterna għall-UE jew l-istati membri tagħha.

    Miżuri restrittivi jistgħu jiġu imposti wkoll b'reazzjoni għal attakki ċibernetiċi kontra stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fejn miżuri bħal dawn jitqiesu neċessarji biex jintlaħqu l-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK).

  • 2021

    29 ta' April

    Il-ġlieda kontra l-abbuż tat-tfal online – ftehim informali mal-Parlament Ewropew dwar ir-regoli temporanji

    In-negozjaturi mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar miżura temporanja li tippermetti lill-fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika bħall-posta elettronika bbażata fuq il-web u servizzi ta' messaġġi jkomplu jidentifikaw, ineħħu u jirrappurtaw l-abbuż sesswali tat-tfal online, li tkopri wkoll il-ġlieda kontra l-grooming, sakemm tidħol fis-seħħ leġiżlazzjoni permanenti mħabbra mill-Kummissjoni Ewropea.

    Il-ftehim jipprevedi deroga għall-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-direttiva dwar il-privatezza elettronika u huwa soġġett għall-approvazzjoni mill-Kunsill.

  • 2021

    20 ta' April

    Iċ-Ċentru ta' Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà bbażat f'Bucharest jingħata l-approvazzjoni tal-Kunsill

    L-UE hija mistennija li tagħti spinta lis-sigurtà tal-internet u ta' networks u sistemi ta' informazzjoni kritiċi oħra billi tistabbilixxi Ċentru ta' Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà biex tiġbor flimkien l-investiment fir-riċerka, it-teknoloġija u l-iżvilupp industrijali taċ-ċibersigurtà. Il-korp il-ġdid, li ser ikun ibbażat f'Bucharest, ir-Rumanija, b'mod partikolari ser jidderieġi finanzjament relatat maċ-ċibersigurtà minn Orizzont Ewropa u l-Programm Ewropa Diġitali.

    Dan iċ-"Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà" ser jaħdem flimkien ma' network ta' ċentri nazzjonali ta' koordinazzjoni iddeżinjati mill-istati membri.

    Il-Kunsill adotta r-regolament li jistabbilixxi ċ-Ċentru u n-network f'April 2021. Dan ser ikun segwit minn adozzjoni finali mill-Parlament Ewropew.

  • 2021

    22 ta' Marzu

    il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar l-istrateġija ta' ċibersigurtà tal-UE

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-istrateġija ta' ċibersigurtà tal-UE għad-deċennju diġitali. Din l-istrateġija ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea u mir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'Diċembru 2020. Hija tiddeskrivi l-qafas għall-azzjoni tal-UE biex tipproteġi liċ-ċittadini u n-negozji tal-UE minn theddid ċibernetiku, tippromwovi sistemi ta' informazzjoni siguri u tipproteġi ċiberspazju globali, miftuħ, liberu u sigur.

    Il-konklużjonijiet jinnotaw li ċ-ċibersigurtà hija essenzjali għall-bini ta' Ewropa reżiljenti, ekoloġika u diġitali. Huma jistabbilixxu bħala objettiv ewlieni l-kisba tal-awtonomija strateġika waqt li tinżamm l-ekonomija miftuħa. Dan jinkludi t-tisħiħ tal-kapaċità li jsiru għażliet awtonomi fil-qasam taċ-ċibersigurtà bil-għan li tissaħħaħ it-tmexxija diġitali tal-UE u l-kapaċitajiet strateġiċi tagħha.

  • 2020

    15 ta' Diċembru

    Il-Kunsill jappella għat-tisħiħ tar-reżiljenza u l-ġlieda kontra t-theddid ibridu, inkluż id-diżinformazzjoni

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jappellaw għal aktar risponsi imsaħħa fil-livell tal-UE biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu, inkluż id-diżinformazzjoni, u tissaħħaħ ir-reżiljenza. Il-Kunsill innota li teknoloġiji u kriżijiet ġodda, bħall-pandemija li għaddejja bħalissa, joffru opportunitajiet għal atturi ostili biex jespandu l-attivitajiet ta' interferenza tagħhom. Dawn jippreżentaw sfida addizzjonali għall-istati membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, minbarra l-kriżi nnifisha.

    Il-Kunsill għaraf li l-pandemija tal-COVID-19 tagħmel lill-UE u lill-istati membri tagħha aktar vulnerabbli għal theddid ibridu. Dan it-theddid jinkludi t-tixrid intensifikat tad-diżinformazzjoni u l-interferenza manipulattiva. L-indirizzar ta' theddid bħal dan, b'mod partikolari l-attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi, id-diżinformazzjoni u t-theddid għas-sigurtà ekonomika jeħtieġ approċċ komprensiv li jinvolvi kooperazzjoni u koordinazzjoni effettivi.

  • 2020

    11 ta' Diċembru

    Qbil proviżorju dwar iċ-ċentru ta' kompetenza tal-UE fil-qasam taċ-ċibersigurtà

    Illum, in-negozjaturi tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju dwar proposta biex jitwaqqaf iċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u network ta' ċentri nazzjonali ta' koordinazzjoni.

    Flimkien, dawn l-istrutturi ser itejbu s-sigurtà tas-suq uniku diġitali, inkluż f'oqsma bħall-kummerċ elettroniku, il-mobbiltà intelliġenti u l-Internet tal-Oġġetti, u jżidu l-awtonomija tal-UE fil-qasam taċ-ċibersigurtà.

  • 2020

    9 ta' Diċembru

    Bucharest se jospita s-sede taċ-Ċentru Ewropew il-ġdid ta' Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà

    Bucharest (ir-Rumanija) intgħażel mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-istati membri tal-UE bħala s-sede prospettiva taċ-Ċentru Ewropew Industrijali, Teknoloġiku u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà l-ġdid.

    Iċ-Ċentru ta' Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà se jtejjeb il-koordinazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni fiċ-ċibersigurtà fl-UE. Huwa ser ikun ukoll l-istrument ewlieni tal-UE għall-pooling tal-investiment fil-qasam tar-riċerka, it-teknoloġija u l-iżvilupp industrijali taċ-ċibersigurtà.

    Stampa: kif ser tintgħażel is-sede taċ-Ċentru ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà
    Kif ser tintgħażel is-sede taċ-Ċentru ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà (Infografika)

    Kif ser tintgħażel is-sede taċ-Ċentru ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà (Infografika)

  • 2020

    2 ta' Diċembru

    Ċibersigurtà tal-apparati konnessi – il-Kunsill jadotta konklużjonijiet

    Il-Kunsill approva konklużjonijiet li jirrikonoxxu ż-żieda fl-użu ta' prodotti għall-konsumaturi u apparati industrijali konnessi mal-internet u r-riskji ġodda relatati għall-privatezza, is-sigurtà tal-informazzjoni u ċ-ċibersigurtà.

    Il-konklużjonijiet jissottolinjaw l-importanza li tiġi vvalutata l-ħtieġa għal leġiżlazzjoni orizzontali għal perjodu fit-tul biex jiġu indirizzati l-aspetti rilevanti kollha taċ-ċibersigurtà tal-apparati konnessi, pereżempju d-disponibbiltà, l-integrità u l-kunfidenzjalità.

    L-apparati konnessi, inkluż il-magni, is-sensuri u n-networks li jifformaw l-Internet tal-Oġġetti (IoT) u s-sigurtà tagħhom, ser ikollhom rwol ewlieni fit-tiswir ulterjuri tal-futur diġitali tal-Ewropa.

  • 2020

    30 ta' Lulju

    L-UE timponi għall-ewwel darba sanzjonijiet kontra attakki ċibernetiċi

    Il-Kunsill iddeċieda li jimponi miżuri restrittivi kontra sitt individwi u tliet entitajiet responsabbli għal bosta attakki ċibernetiċi jew involuti fihom. Is-sanzjonijiet imposti jinkludu projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi, filwaqt li persuni u entitajiet mill-UE huma pprojbiti milli jagħmlu disponibbli fondi għal dawk elenkati.

  • 2020

    9 ta' Ġunju

    Konklużjonijiet tal-Kunsill: it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jindirizzaw firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet marbutin mal-implimentazzjoni tal-istrateġija diġitali tal-UE. It-test jenfasizza l-impatt tat-trasformazzjoni diġitali fuq il-ġlieda kontra l-pandemija, u r-rwol kritiku tagħha fl-irkupru ta' wara l-COVID-19.

    Fir-rigward taċ-ċibersigurtà, peress li t-theddid u r-reati ċibernetiċi qed jiżdiedu fl-għadd u fis-sofistikazzjoni, il-ministri tal-UE għandhom l-għan li jtejbu l-kapaċitajiet ta' rispons tal-UE u jissalvagwardjaw l-integrità, is-sigurtà u r-reżiljenza tal-infrastruttura diġitali, in-networks u s-servizzi ta' komunikazzjoni. L-UE tappoġġa wkoll il-ħtieġa għal approċċ ikkoordinat biex jiġu mitigati r-riskji relatati maċ-ċibersigurtà u biex tiġi żgurata introduzzjoni sigura tal-5G.

  • 2020

    5 ta' Ġunju

    Mandat dwar iċ-ċentri taċ-ċibersigurtà u s-sitwazzjoni attwali tan-networks 5G

    Fit-3 ta' Ġunju 2020, il-Coreper qabel dwar mandat ġdid għal negozjati mal-Parlament Ewropew dwar ir-regolament propost li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta' Ċentri Nazzjonali ta' Koordinazzjoni. Il-pass li jmiss huwa li l-presidenza Kroata tikkuntattja lin-negozjatur ewlieni tal-Parlament biex tesplora l-possibbiltà li tiġi organizzata laqgħa ta' trilogu.

    Il-presidenza ppreżentat ukoll is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tas-sett ta' għodod tal-UE għas-sigurtà tan-networks 5G.

  • 2019

    3 ta' Diċembru

    L-importanza u r-riskji ta' sigurtà tat-teknoloġija 5G: il-Kunsill jadotta konklużjonijiet

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill marbuta mal-5G irreferew għall-implikazzjonijiet fuq l-ekonomija Ewropea u l-ħtieġa li jitnaqqsu r-riskji għas-sigurtà.

    Il-ministri tal-UE saħqu li n-netwerks tal-5G ser jiffurmaw parti minn infrastruttura kruċjali għaż-żamma ta' funzjonijiet vitali soċjali u ekonomiċi.

  • 2019

    17 ta' Mejju

    Attakki ċibernetiċi: Il-Kunsill issa jista' jimponi sanzjonijiet

    Il-Kunsill stabbilixxa qafas li jippermetti lill-UE timponi miżuri restrittivi mmirati biex jiskoraġġixxu u jirreaġixxu għal attakki ċibernetiċi li jikkostitwixxu theddida esternalill-UE jew l-istati membri tagħha.

    B'mod aktar speċifiku, din id-deċiżjoni tippermetti lill-UE għall-ewwel darba li tissanzjona persuni jew entitajiet li:

    • huma responsabbli għal attakki ċibernetiċi jew tentattivi ta' attakki ċibernetiċi
    • jipprovdu appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali għal attakki bħal dawn
    • huma involuti f’modi oħra

    Jistgħu jiġu imposti wkoll sanzjonijiet fuq persuni jew entitajiet assoċjati magħhom.

    Dan il-qafas japplika wkoll għal attakki ċibernetiċi kontra stati mhux tal-UE jew organizzazzjonijiet internazzjonali fejn miżuri ristretti jitqiesu neċessarji biex jinkisbu l-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK).

    L-UE u l-istati membri tagħha qed iħejju ruħhom biex ikunu aktar reżistenti u biex jirrispondu għal attakki ċibernetiċi
  • 2019

    9 ta' April

    Il-Kunsill jadotta l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà

    Fid-9 ta' April 2019, il-Kunsill adotta r-regolament magħruf ukoll bħala l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà li jintroduċi:

    • sistema ta' skemi ta' ċertifikazzjoni fl-UE kollha
    • aġenzija tal-UE għaċ-ċibersigurtà biex tieħu post l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA) attwali
  • 2019

    13 ta' Marzu

    Akkomunament tal-għarfien espert fiċ-ċibersigurtà: il-Kunsill għandu jibda n-negozjati mal-Parlament Ewropew

    L-ambaxxaturi għall-UE taw mandat lill-Presidenza tal-Kunsill biex tibda t-taħditiet mal-Parlament Ewropew dwar l-akkomunament tal-għarfien espert dwar iċ-ċibersigurtà.

    In-negozjati ser jiffukaw fuq żewġ inizjattivi:

    • l-istabbiliment ta' bażi ta' għarfien mill-aqwa għaċ-ċibersigurtà msejħa ċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà
    • l-istabbiliment ta' netwerk ta' ċentri nazzjonali ta' koordinazzjoni
  • 2018

    19 ta' Diċembru

    L-Att dwar iċ-Ċibersigurtà: l-ambaxxaturi għall-UE japprovaw ir-regolament propost

    L-approvazzjoni tal-Att dwar iċ-Ċibersigurtà propost ser tippermetti lill-Unjoni Ewropea tintroduċi ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà fl-UE kollha u tikkonsolida aġenzija permanenti tal-UE għaċ-ċibersigurtà.

    Fl-10 ta' Diċembru ntlaħaq qbil proviżorju dwar il-liġi l-ġdida bejn il-presidenza u l-Parlament Ewropew.

    Iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għall-UE kollha dalwaqt ser tkun disponibbli għal apparat konness mal-internet, u b'hekk il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet aktar informati u tkun aktar faċli biex il-kumpaniji jikkummerċjalizzaw il-prodotti intelliġenti tagħhom madwar l-Ewropa.

  • 2018

    19 ta' Novembru

    Ċiberdifiża: Il-Kunsill jaġġorna l-qafas ta' politika

    L-istati membri tal-UE qed jikkooperaw dejjem aktar fuq iċ-ċiberdifiża, bil-ħsieb li jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom.

    Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-Kunsill adotta verżjoni aġġornata tal-qafas ta' politika għaċ-ċiberdifiża tal-UE.

    L-aġġornament jippermetti lill-UE tieħu kont tal-isfidi tas-sigurtà li qed jinbidlu minn mindu ġie adottat il-qafas inizjali fl-2014. Huwa jidentifika l-oqfsa ta' prijorità għaċ-ċiberdifiża u jiċċara r-rwoli ta' dawk involuti.

    Fl-aħħar laqgħa tiegħu fit-18 ta' Ottubru 2018, il-Kunsill Ewropew appella għal miżuri biex tinbena ċibersigurtà b'saħħitha fl-UE.

    Il-mexxejja tal-UE rreferew b'mod partikolari għal miżuri restrittivi li jistgħu jirrispondu għall-attakki ċibernetiċi u jkunu ta' deterrent għalihom.

    L-UE qed tibni reżistenza aktar b'saħħitha għall-attakki ċibernetiċi
  • 2018

    18 ta' Ottubru

    Il-Kunsill Ewropew jappella għal miżuri biex tinbena ċibersigurtà b'saħħitha fl-UE

    Il-mexxejja tal-UE appellaw għal aktar tisħiħ tad-deterrenza, ir-reżiljenza u r-rispons tal-UE kontra t-theddid ibridu, ċibernetiku, kif ukoll kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari (CBRN).

    Huma għamlu dan b'rabta mal-attakki ċibernetiċi kontra l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) f'The Hague.

    Il-Kunsill Ewropew appella wkoll biex in-negozjati dwar il-proposti kollha taċ-ċibersigurtà jiġu konklużi "qabel tmiem il-leġislatura" - f'April 2019.

  • 2018

    13 ta' Settembru

    L-Att dwar iċ-Ċibersigurtà: il-Kunsill jibda n-negozjati mal-Parlament Ewropew

    Il-Kunsill beda negozjati mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb li jilħaq qbil dwar l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà sal-aħħar tas-sena. L-approċċ ġenerali dwar din il-proposta ntlaħaq fit-8 ta' Ġunju.

    L-Att dwar iċ-Ċibersigurtà għandu l-għan li jsaħħaħ ir-reżiljenza ċibernetika billi jistabbilixxi qafas ta' ċertifikazzjoni fl-UE kollha għall-prodotti, is-servizzi u l-proċessi tal-ICT. Il-proposta ttejjeb ukoll l-Aġenzija attwali tal-UE dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA).

  • 2018

    16 ta' April

    Attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi: il-Kunsill jadotta konklużjonijiet

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi li jissottolinjaw l-importanza ta' ċiberspazju globali, miftuħ, liberu, stabbli u sigur fejn japplikaw b'mod sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt.

    Il-Kunsill esprima t-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda fil-kapaċità u r-rieda tal-atturi ta' stati mhux tal-UE u dawk mhux statali li jsegwu l-objettivi tagħhom permezz ta' attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi. L-UE ser tkompli żżid il-kapaċitajiet tagħha biex tindirizza t-theddid ċibernetiku.

  • 2017

    20 ta' Diċembru

    l-istituzzjonijiet tal-UE jsaħħu l-kooperazzjoni sabiex jikkumbattu l-attakki ċibernetiċi

    L-istituzzjonijiet tal-UE ħadu pass importanti fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħhom biex jikkumbattu attakki ċibernetiċi.

    Ftehim interistituzzjonali stabbilixxa Skwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters (CERT-UE) permanenti li tkopri l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE.

    CERT-UE ser tiżgura rispons kkoordinat tal-UE għal attakki ċibernetiċi fuq l-istituzzjonijiet tagħha.

  • 2017

    24 ta' Ottubru

    Il-ministri tal-UE jaqblu dwar pjan ta' azzjoni għaċ-ċibersigurtà.

    Il-Kunsill qabel li jistabbilixxi pjan ta' azzjoni għar-riforma taċ-ċibersigurtà tal-UE.

    Il-ministri saħqu li s-sigurtà online hija essenzjali għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej.

  • 2016

    9 ta' Ġunju

    Il-Kunsill jaqbel dwar il-passi li jmiss fil-ġlieda kontra l-attivitajiet kriminali fiċ-ċiberspazju

    Il-ministri għall-ġustizzja tal-UE komplew jiddiskutu kif tittejjeb il-ġustizzja kriminali fiċ-ċiberspazju. Huma adottaw żewġ settijiet ta' konklużjonijiet li jiddefinixxu miżuri prattiċi biex titjieb il-kooperazzjoni, kif ukoll skeda ta' żmien għal aktar azzjoni.

    • konklużjonijiet dwar it-titjib tal-ġustizzja kriminali fiċ-ċiberspazju
    • konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-network ġudizzjarju Ewropew taċ-ċiberkriminalità

L-aħħar reviżjoni: 6 ta' Ġunju 2025