Kif l-UE tiġġieled iċ-ċiberkriminalità
Iċ-ċiberkriminalità ġġarrab spejjeż kbar għas-soċjetà, il-kumpaniji u l-individwi. Għalhekk, l-UE qed taħdem biex tiġġieled l-attività kriminali u tappoġġa lill-vittmi.
Iċ-ċiberkriminalità fl-UE
L-attakki ċibernetiċi u ċ-ċiberkriminalità qed jiżdiedu madwar l-Ewropa, kemm fl-għadd kif ukoll fis-sofistikazzjoni. Din ix-xejra mistennija tkompli tikber hekk kif jiżdied l-għadd ta' unitajiet domestiċi u apparati konnessi. Fl-2024, 94% tal-unitajiet domestiċi fl-UE kellhom aċċess għall-internet, meta mqabbla ma' madwar 80% fl-2014. 71% tal-individwi ta' bejn is-16 u l-74 sena fl-UE użaw apparati konnessi mal-internet fl-2024.
Iċ-ċiberkriminalità tirreferi għal attivitajiet kriminali mwettqa bl-użu ta' networks ta' komunikazzjoni elettronika u sistemi ta' informazzjoni. Din tieħu diversi forom. Pereżempju, il-kriminali jistgħu:
- jiksbu l-kontroll ta' apparat personali bl-użu ta' malware
- jisirqu jew jikkompromettu data personali u proprjetà intellettwali biex iwettqu frodi online
- jużaw l-internet u l-pjattaformi tal-media soċjali biex jiddistribwixxu kontenut illegali
- jużaw id-"darknet" biex ibigħu oġġetti illeċiti u servizzi ta' hacking
Xi forom ta' ċiberkriminalità, bħall-isfruttament sesswali tat-tfal online, jikkawżaw ħsara serja lill-vittmi tagħhom.
Il-miżuri tal-UE kontra ċ-ċiberkriminalità
L-UE qed taħdem biex tiġġieled l-attività kriminali online u ssaħħaħ is-sigurtà online madwar l-Ewropa. Il-miżuri tagħha huma mfassla biex:
jissaħħu l-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni taċ-ċiberkriminalità, inkluż l-isfruttament sesswali tat-tfal
ikun hemm kollaborazzjoni mas-sħab tal-industrija biex tingħata s-setgħa u l-protezzjoni liċ-ċittadini online
jissaħħu l-kapaċitajiet tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u tal-ġudikatura
Permezz ta' dawn l-isforzi, l-UE għandha l-għan li toħloq ambjent diġitali aktar sikur u aktar reżiljenti għal kulħadd.
- Il-ġlieda tal-UE kontra l-kriminalità organizzata
- Ċentru Ewropew taċ-ċiberkriminalità (Europol)
- Direttiva tal-UE dwar attakki kontra s-sistemi ta' informazzjoni (Ġurnal uffiċjali tal-UE)
Il-prevenzjoni u l-investigazzjoni taċ-ċiberkriminalità
Diversi ċentri ewlenin fl-UE għandhom rwol kruċjali fil-prevenzjoni u l-investigazzjoni tal-attivitajiet taċ-ċiberkriminalità:
- iċ-Ċentru Ewropew taċ-ċiberkriminalità, aġenzija speċjalizzata stabbilita mill-Europol, tgħin lill-pajjiżi tal-UE jinvestigaw ir-reati online u jżarmaw in-networks kriminali
- il-pjattaforma multidixxiplinari Ewropea kontra t-theddid kriminali (EMPACT) hija inizjattiva ta' sigurtà mmexxija mill-istati membri li tidentifika u tindirizza t-theddid mill-kriminalità internazzjonali organizzata. Il-ġlieda kontra l-attakki ċibernetiċi hija waħda mill-prijoritajiet tagħha.
Is-sikurezza tat-tfal online
Fl-2021, l-UE adottat liġi dwar miżuri temporanji li jippermettu lill-fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika, bħal servizzi ta' email u messaġġi bbażati fuq il-web, ikomplu jidentifikaw, ineħħu u jirrappurtaw l-abbuż sesswali tat-tfal online, li jkopri wkoll il-ġlieda kontra l-grooming, sakemm tidħol fis-seħħ leġiżlazzjoni permanenti. Dawk il-miżuri daħlu fis-seħħ f'Awwissu 2021 u skadew fl-2024. F'April 2024, l-UE estendiet il-miżuri sa April 2026.
F'Mejju 2022, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet leġiżlazzjoni ġdida biex tindirizza l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal online. Bħalissa, ir-regoli l-ġodda qed jiġu diskussi fil-Kunsill.
- Il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni finali għall-estensjoni ta' miżura ta' protezzjoni mill-abbuż sesswali tat-tfal (stqarrija għall-istampa, 29 ta' April 2024)
- Abbuż sesswali tat-tfal (Kummissjoni Ewropea)
Frodi ta' pagamenti mhux bi flus kontanti
Il-frodi u l-falsifikazzjoni li jinvolvu mezzi ta' pagamenti mhux bi flus kontanti huma theddida serja għas-sigurtà tal-UE u jipprovdu sors ta' dħul sinifikanti għall-kriminalità organizzata. Barra minn hekk, dan it-tip ta' frodi jaffettwa l-fiduċja tal-konsumaturi fis-sigurtà tat-teknoloġiji diġitali.
F'April 2019, l-UE adottat regoli għall-ġlieda kontra l-frodi ta' pagamenti mhux bi flus kontanti.
Ġustizzja u infurzar tal-liġi
Ir-regoli u l-politiki tal-UE jindirizzaw ukoll aspetti oħra tal-ġustizzja u l-infurzar tal-liġi tal-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità inġenerali, bħall-aċċess għall-evidenza elettronika, il-kriptaġġ u ż-żamma tad-data.
Aċċess għall-evidenza elettronika
Il-kriminali jisfruttaw it-teknoloġija diġitali biex iwettqu reati u jostru attivitajiet illeċiti. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji għalhekk qed jiddependu dejjem aktar fuq evidenza elettronika, bħal messaġġi, emails jew apps tal-messaġġi, għall-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet kriminali tagħhom.
Huwa għalhekk li l-UE qed taħdem fuq regoli ġodda li ser jiffaċilitaw u jħaffu l-aċċess għall-evidenza elettronika minn naħa għal oħra tal-fruntieri.
Kriptaġġ
L-UE qed tistinka biex tistabbilixxi diskussjoni attiva mal-industrija tat-teknoloġija sabiex jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn l-iżgurar tal-kontinwità tal-użu ta' teknoloġija b'saħħitha ta' kriptaġġ u l-garanzija tas-setgħat tal-infurzar tal-liġi u tal-ġudikatura biex joperaw bl-istess termini bħal dawk fid-dinja offline.
F'Diċembru 2020, il-Kunsill adotta riżoluzzjoni dwar il-kriptaġġ, li tenfasizza l-ħtieġa kemm tas-sigurtà permezz ta' kriptaġġ kif ukoll tas-sigurtà minkejja l-kriptaġġ.
Żamma ta' data
Biex illum il-kriminalità tiġi miġġielda b'mod effettiv, huwa importanti li l-fornituri ta' servizzi jżommu ċerta data li tista' tiġi żvelata taħt ċerti kundizzjonijiet stretti għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità. Madankollu, iż-żamma ta' data tista' tikser id-drittijiet fundamentali individwali, b'mod partikolari d-dritt għall-privatezza u d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali.
Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar iż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni elettronika għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità. Il-Kunsill inkariga lill-Kummissjoni biex tiġbor aktar informazzjoni u torganizza konsultazzjonijiet immirati bħala parti minn studju komprensiv dwar soluzzjonijiet possibbli għaż-żamma ta' data, inkluż li titqies inizjattiva leġiżlattiva futura.
Ara wkoll
Ċiberdifiża
X'inhu l-akbar theddid ċibernetiku fl-UE?
Ċibersigurtà: inġinerija soċjali
L-aħħar reviżjoni: 2 ta' Diċembru 2024