Orizzont Ewropa
Orizzont Ewropa huwa l-inizjattiva ewlenija tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp. Dan jixpruna l-eċċellenza xjentifika u teknoloġika tal-UE, jagħti spinta lill-kompetittività u joħloq l-impjiegi.
X'inhu Orizzont Ewropa?
It-tkabbir u l-prosperità futuri tal-Ewropa jiddependu mill-kapaċità tagħha li tibqa' mexxejja dinjija fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Orizzont Ewropa huwa l-programm qafas tal-Unjoni Ewropea għar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) għall-2021-2027. Huwa l-kontinwazzjoni tal-programm preċedenti tal-UE Orizzont 2020, li ffinanzja kważi 35 000 proġett li jinvolvu 40 000 organizzazzjoni.
Għanijiet
Il-programm għandu l-għan li:
- isaħħaħ il-bażi xjentifika u teknoloġika tal-UE, inkluż billi jiġu żviluppati soluzzjonijiet għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali
- jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli
- jagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir,billi jappoġġa r-R&I mill-kunċett sas-suq
Orizzont Ewropa jiżgura li l-ħidma tal-UE fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija jkollha impatt f'termini ta' indirizzar tal-isfidi globali ewlenin f'oqsma kritiċi bħas-saħħa, it-tixjiħ, is-sigurtà, it-tniġġis u t-tibdil fil-klima.
Orizzont Ewropa huwa mistenni li:
- joħloq sa 100 000 impjiegf'attivitajiet tar-R&I bejn l-2021 u l-2027
- iżid il-prodott domestiku gross (PDG) tal-UE b'sa 0.19% fuq medda ta' 25 sena
- jiġġenera sa sitt euro f'benefiċċji għaċ-ċittadini tal-UE sal-2045 għal kull euro investit
Pilastri
Orizzont Ewropa huwa magħmul minn tliet pilastri.
Parti addizzjonali li tirfed il-programm kollu tappoġġa l-estensjoni tal-parteċipazzjoni bbażata fuq l-eċċellenza mill-istati membri kollha. Dan ser iservi biex jiġi ottimizzat il-potenzjal nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni madwar l-Ewropa, u b'hekk tissaħħaħ iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER).
Baġit
B'baġit ta' €95.5 biljun, inkluż €5.4 biljun minn Next Generation EU, il-programm jikkomplementa l-finanzjament nazzjonali u reġjonali fil-kamp tar-R&I.
Xjenza eċċellenti
L-ewwel pilastru ta' Orizzont Ewropa jsaħħaħ it-tmexxija xjentifika tal-UE, billi jippromwovi l-iżvilupp ta' għarfien u ħiliet ta' kwalità għolja.
Huwa jappoġġa proġetti ta' riċerka fil-fruntieri tal-għarfien permezz tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka u jagħti spinta lill-investiment fl-infrastrutturi tar-riċerka.
L-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie jiffinanzjaw il-mobbiltà, it-taħriġ u l-attivitajiet ta' żvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi. L-għan huwa li:
- jissaħħu l-karrieri tar-riċerkaturi
- titrawwem il-kollaborazzjoni internazzjonali
- tiġi promossa riċerka innovattiva u interdixxiplinari f'diversi setturi
Sfidi globali u kompetittività
It-tieni pilastru jappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni li tindirizza l-isfidi soċjetali u t-teknoloġija industrijali f'oqsma bħas-saħħa, id-diġitali, il-klima, l-enerġija, il-mobbiltà, is-sigurtà ċivili, l-ikel u r-riżorsi naturali.
Orizzont Ewropa jintroduċi missjonijiet ta' riċerka u innovazzjoni, imfassla biex jindirizzaw sfida soċjetali ewlenija billi jistabbilixxu għanijiet speċifiċi u li jistgħu jitkejlu li għandhom jintlaħqu sal-2030.
Il-ħames oqsma tal-missjonijiet tal-UE:
- l-adattament għat-tibdil fil-klima
- il-kanċer
- ir-restawr tal-oċeani u l-ilmijiet tagħna
- bliet newtrali għall-klima u intelliġenti
- patt dwar il-ħamrija għall-Ewropa
Dan il-pilastru jippromwovi wkoll approċċ ġdid għas-sħubijiet Ewropej u jinkludi attivitajiet imwettqa miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), li r-rwol primarju tiegħu huwa li jipprovdi appoġġ xjentifiku indipendenti u bbażat fuq l-evidenza għat-tfassil tal-politika tal-UE.
Ewropa innovattiva
It-tielet pilastru ta' Orizzont Ewropa jiffoka fuq il-promozzjoni tal-forom kollha ta' innovazzjoni, u b'mod partikolari l-innovazzjoni rivoluzzjonarja u trasformattiva, permezz tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni(EIC).
L-EIC joffri punt uniku ta' servizz għall-innovaturi, b'mod partikolari negozji ġodda u intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) b'potenzjal kbir li joħolqu swieq għall-futur. Għandu l-għan li jgħinhom:
- minn stadju bikri tar-riċerka
- jespandu
- jisfruttaw il-finanzjament privat
- iġibu l-ideat rivoluzzjonarji tagħhom fis-suq
Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-programm uriet li kull euro investit f'kumpaniji innovattivi permezz tal-fond tal-EIC attira aktar minn tliet euro minn investituri privati.
Il-Pakkett Orizzont Ewropa: programm qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2028-2034
Fis-16 ta' Lulju 2025, bħala parti mill-baġit fit-tul tal-UE (il-"QFP"), il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-proposta tagħha għall-programm qafas Orizzont Ewropa li jmiss għall-2028-2034, li għandu jkun marbut mill-qrib mal-Fond Ewropew għall-Kompetittività.
Il-programm huwa mibni fuq erba' pilastri:
- xjenza eċċellenti: il-pilastru I għandu l-għan li jespandi l-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, jappoġġa lir-riċerkaturi eċċellenti, u jsaħħaħ iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka
- il-kompetittività u s-soċjetà: il-pilastru II maħsub biex isaħħaħ ir-riċerka kollaborattiva li tappoġġa l-kompetittività tal-UE u tindirizza sfidi maġġuri tas-soċjetà
- l-innovazzjoni: il-pilastruIII għandu l-għan li jwessa' l-attenzjoni tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni biex jinkludi l-appoġġ għal proġetti fixkiela ta' riskju għoli, u startups tad-difiża u ta' oġġetti b'użu doppju
- iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: il-pilastru IV ifittex li jsaħħaħ iż-ŻER, inkluż komponent riformat għat-twessigħ tal-parteċipazzjoni, u appoġġ ġdid għall-infrastrutturi tar-riċerka u t-teknoloġija
Il-proposta issa qed tiġi diskussa mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew.
L-aħħar reviżjoni: 26 ta' Ġunju 2026