Skip to content

Kronoloġija - spjegazzjoni tal-euro diġitali

  • 2025

    19 ta' Diċembru

    Il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni dwar l-euro diġitali u t-tisħiħ tar-rwol tal-flus kontanti

    Fid-19 ta' Diċembru 2025, il-Kunsill laħaq qbil dwar il-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu dwar proposti ewlenin biex tissaħħaħ il-munita tal-euro billi:

    • tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni ta' euro diġitali
    • tissaħħaħ il-valuta legali tal-flus kontanti tal-euro

    L-euro diġitali jikkomplementa l-flus kontanti u jkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali u għan-negozji biex jagħmlu pagamenti fi kwalunkwe ħin ikunu fejn ikunu fiż-żona tal-euro.

    Il-kjarifika tal-istatus ta' valuta legali tal-flus kontanti tal-euro għandha l-għan li tiżgura l-aċċettazzjoni tal-flus kontanti bħala mezz ta' pagament fiż-żona tal-euro kollha, kif ukoll li tiżgura li n-nies ikollhom aċċess għall-flus kontanti u jkunu liberi li jagħżlu l-metodu ta' pagament preferut tagħhom.

  • 2023

    18 ta' Ottubru

    Il-Grupp tal-Euro jilqa' d-deċiżjoni tal-BĊE li jniedi l-fażi li jmiss tal-proġett tal-euro diġitali

    Il-konklużjoni tal-fażi ta' investigazzjoni hija pass importanti, qal il-Grupp tal-Euro f'dikjarazzjoni dwar il-bidu tal-fażi li jmiss tal-proġett tal-euro diġitali. Id-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE ser tippermetti lill-Eurosistema tesplora u tittestja aktar l-aspetti tad-disinn u l-funzjonalitajiet ta' euro diġitali.

    Il-fażi ta' tħejjija ma tippreġudika l-ebda deċiżjoni futura dwar il-ħruġ possibbli ta' euro diġitali, li tiġi biss fi stadju aktar tard u inevitabbilment tkun tiddependi fuq l-iżviluppi leġiżlattivi tal-UE.

  • 2023

    13 ta' Lulju

    "L-euro diġitali huwa frott l-evoluzzjoni naturali tal-munita komuni tagħna"

    Il-Grupp tal-Euro kompla d-diskussjonijiet tiegħu dwar l-euro diġitali, b'segwitu għall-pakkett leġiżlattiv dwar il-munita unika tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ppubblikat il-proposti tagħha dwar il-qafas legali għall-introduzzjoni possibbli ta' euro diġitali u dwar l-istatus ta' valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro fit-28 ta' Ġunju 2023.

    L-euro diġitali huwa frott l-evoluzzjoni naturali tal-munita komuni tagħna. B'ebda mod ma jfisser li jintemmu l-flus kontanti. Ifisser li noffru verżjoni diġitali tal-flus kontanti f'dinja li qed issir dejjem aktar diġitali. Naturalment, jonqos ħafna xi jsir qabel ma naraw l-euro diġitali fil-kartieri virtwali tagħna. Iżda llum kien mument importanti ta' diskussjoni politika, b'mod demokratiku, dwar kif il-munita tagħna tista' tiżviluppa. Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro

    Il-proposti ser ikunu soġġetti għal aktar diskussjonijiet politiċi bir-reqqa fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill.

  • 2023

    15 ta' Ġunju

    Il-Grupp tal-Euro jiddiskuti l-progress fil-proġett tal-euro diġitali

    Il-Grupp tal-Euro eżamina l-progress li sar fil-proġett tal-euro diġitali. Id-diskussjoni kienet ibbażata fuq aġġornament mill-Kummissjoni Ewropea qabel il-pubblikazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tagħha u preżentazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar id-deskrizzjoni tal-prodott ta' livell għoli tal-euro diġitali, inkluż aspetti relatati mal-mudell ta' kumpens.

    Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
    Il-kwistjonijiet li l-ministri ddiskutew illum kienu l-importanza li tiġi żviluppata narrattiva konvinċenti u ċara dwar x'ikun il-valur miżjud ta' dan l-iżvilupp u d-differenza li dan jagħmel għall-ħajja taċ-ċittadini tal-Ewropa u għall-attività kummerċjali tan-negozji fl-Unjoni Ewropea. Nirrikonoxxu li filwaqt li hemm appoġġ wiesa' rigward il-proġett li għaddej bħalissa, fl-istituzzjonijiet tagħna l-ministri jridu jappoġġaw din il-ħidma iżda jridu jħarsu wkoll lejn kif nistgħu niżviluppaw aktar dik in-narrattiva.
    Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
    Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
  • 2023

    15 ta' Mejju

    Il-Grupp tal-Euro jiddiskuti l-muniti diġitali tal-bank ċentrali

    Il-Grupp tal-Euro f'format inklużiv kellu skambju ta' fehmiet dwar l-aspetti internazzjonali tal-muniti diġitali tal-banek ċentrali (CBDCs) u dwar il-progress fil-proġett tal-euro diġitali. Id-diskussjoni kienet ibbażata fuq nota ta' analiżi, preżentazzjonijiet mill-istituzzjonijiet u aġġornament mill-ministru għall-finanzi tal-Iżvezja, Elisabeth Svantesson, dwar is-sitwazzjoni attwali tal-proġett e-krona.

    Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
    Iddiskutejna l-benefiċċji u l-iżvantaġġi li kieku l-utenti barra miż-żona tal-euro jkollhom aċċess għall-euro diġitali u l-Bank Ċentrali Ewropew ippreżentalna l-għażliet u l-kompromessi li huma involuti biex l-euro diġitali jkun jista' jaħdem ma' muniti diġitali tal-banek ċentrali oħra. Aħna lkoll nirrikonoxxu l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam.
    Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
    Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
  • 2023

    16 ta' Jannar

    Euro diġitali: evalwazzjoni tal-progress milħuq mill-proġett

    Il-Grupp tal-Euro qies il-progress tal-proġett tal-euro diġitali u ddiskuta t-triq 'il quddiem.

    Il-ministri adottaw dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro li tiġbor fil-qosor il-fehmiet espressi dwar is-suġġetti ta' politika diskussi s'issa u tiddeskrivi l-kontinwazzjoni tal-involviment tal-Grupp tal-Euro f'dan il-proġett.

  • 2022

    25 ta' Frar

    Il-Grupp tal-Euro jevalwa s-sitwazzjoni attwali tal-ħidma dwar euro diġitali

    Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea aġġornaw lill-Grupp tal-Euro dwar l-euro diġitali. Il-Grupp tal-Euro mbagħad ħareġ dikjarazzjoni b'appoġġ għall-ħidma mwettqa mill-Eurosistema u mill-Kummissjoni dwar euro diġitali. Din il-ħidma investigattiva jenħtieġ li tibni fuq analiżi b'attenzjoni u bir-reqqa u ser tibbenefika mill-fehmiet tal-membri tal-Grupp tal-Euro matul il-proċess.

    Il-ħolqien ta' euro diġitali jkun jeħtieġ ukoll intervent tal-leġiżlatura tal-Unjoni; u l-Kummissjoni biħsiebha tagħmel proposta abbażi tal-Artikolu 133 TFUE. F'dan il-kuntest, il-Grupp tal-Euro laqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi konsultazzjoni pubblika mmirata dwar euro diġitali bħala parti mill-proċess preleġiżlattiv.

  • 2021

    8 ta' Novembru

    Il-Grupp tal-Euro jiddiskuti l-objettivi ta' politika u l-użi tal-euro diġitali

    Il-Grupp tal-Euro ddiskuta l-objettivi ta' politika u l-użi tal-euro diġitali fil-kuntest tal-pass mgħaġġel tad-diġitalizzazzjoni fl-ekonomija globali, l-impatt tagħha fuq iż-żona tal-euro u l-munita komuni, u evalwa l-inizjattivi u l-iżviluppi relatati fil-livell internazzjonali.

    Hekk kif il-konsumaturi u d-ditti jirrikorru dejjem aktar għal pagamenti elettroniċi, irridu niżguraw li ċ-ċittadini tagħna u l-atturi kollha fl-ekonomija tagħna jkomplu jkollhom aċċess għall-flus pubbliċi f'firxa ta’ xenarji. Pereżempju, euro diġitali tista' toffri soluzzjoni Ewropea f'kuntest ta' domanda akbar għal mezzi alternattivi ta' pagamenti. Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
  • 2021

    16 ta' April

    Il-ministri għall-finanzi jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar il-proġett tal-euro diġitali

    Il-Grupp tal-Euro evalwa l-ħidma li għaddejja dwar l-euro bħala munita diġitali. Id-diskussjoni kienet ibbażata fuq rapport mill-BĊE li jiddeskrivi fil-qosor ir-riżultati tal-konsultazzjoni dwar l-euro diġitali mnedija fit-12 ta' Ottubru 2020.

  • 2021

    25 ta' Marzu

    Il-mexxejja tal-UE jappellaw biex titkompla l-ħidma esploratorja

    Fis-Summit tal-Euro, il-mexxejja appellaw biex titmexxa 'l quddiem il-ħidma esploratorja dwar it-tnedija possibbli ta' euro diġitali.

  • 2020

    3 ta' Novembru

    Il-Grupp tal-Euro jiddiskuti l-benefiċċji u l-isfidi ta’ euro diġitali

    Il-Grupp tal-Euro kellu diskussjoni strateġika dwar il-benefiċċji u l-isfidi ta' introduzzjoni futura possibbli ta' euro diġitali. Din hija waħda mill-prijoritajiet inklużi fil-programm ta' ħidma tal-Grupp tal-Euro sa Ġunju 2021.

    Rapport tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ta' Ottubru 2020 serva bħala kontribut għad-diskussjoni.

    Ninkoraġġixxu lill-BĊE biex ikompli l-ħidma tiegħu fir-rigward ta' mudelli u għażliet għall-ħruġ possibbli ta' euro diġitali. Sadanittant, (...) ser nikkunsidraw l-implikazzjonijiet tal-proġett fuq is-sovranità monetarja tagħna, l-istabbiltà finanzjarja, il-finanzjament bankarju, il-protezzjoni tal-konsumatur u fuq ir-rwol internazzjonali tal-euro. Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro

L-aħħar reviżjoni: 19 ta' Diċembru 2025