"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Flussi migratorji fir-rotta tal-Lvant tal-Mediterran

L-UE u l-istati membri tagħha ħadu għadd ta' miżuri biex jindirizzaw is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni fir-rotta tal-Lvant tal-Mediterran u biex jappoġġaw lir-refuġjati fit-Turkija.

Azzjoni tal-UE biex tindirizza s-sitwazzjoni tal-migrazzjoni fit-Turkija

Ir-rotta tal-Lvant tal-Mediterran tirreferi għal wasliet irregolari fil-Greċja, Ċipru u l-Bulgarija. Għadd kbir ta' refuġjati li kienu qed ifittxu kenn mill-gwerra ċivili fis-Sirja waslu fl-UE permezz ta' din ir-rotta fl-2015.

Minn dakinhar l-għadd ta' wasliet irregolari li jużaw din ir-rotta naqas b'mod konsiderevoli bis-saħħa tal-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija. L-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija ta' Marzu 2016 qdiet rwol ewlieni fit-tnaqqis tal-wasliet irregolari mit-Turkija.

Dikjarazzjoni tal-UE u t-Turkija

F'Marzu 2016, il-mexxejja tal-UE u tat-Turkija qablu li jindirizzaw il-migrazzjoni irregolari minħabba l-għadd enormi ta' migranti li kienu qed jgħaddu mit-Turkija. Id-dikjarazzjoni stipulat għadd ta' prinċipji. L-UE tibqa' impenjata għall-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni u tkompli tappoġġa lir-refuġjati Sirjani permezz tal-faċilità għar-refuġjati fit-Turkija.

Wara l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni, il-wasliet mir-rotta tal-Lvant tal-Mediterran naqsu b'mod sinifikanti. Il-ftehim mat-Turkija għen biex jitnaqqas l-għadd ta' ħajjiet mitlufa fuq il-baħar u biex jiġu indirizzati l-faċilitaturi ta' immigrazzjoni illegali.

Familja b'barżakki u bagalji timxi lil hinn mill-ispettatur tul mogħdija blu, fid-direzzjoni lejn muntanji stilizzati mgħottija bil-borra li jidhru fuq il-linji ta' kontorn.

Flussi migratorji: ir-rotot tal-Lvant, Ċentrali u tal-Punent (Infografika)

Miżuri biex jittejbu l-kundizzjonijiet tar-refuġjati fit-Turkija

Ir-refuġjati fit-Turkija jirċievu għajnuna mill-UE biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom. Il-faċilità tal-UE għar-refuġjati fit-Turkija, li timmaniġġja total ta' €6 biljun f'finanzjament, tipprovdi mekkaniżmu ta' koordinazzjoni konġunta li għandu l-għan li jiżgura li l-ħtiġijiet tar-refuġjati u l-komunitajiet ospitanti fit-Turkija jiġu indirizzati b'mod komprensiv.

Il-Kummissjoni Ewropea ħolqot il-faċilità fl-24 ta' Novembru 2015 wara sejħa mill-istati membri għal aktar finanzjament f'appoġġ għar-refuġjati fit-Turkija.

Fid-29 ta' Novembru 2015, il-Kunsill Ewropew impenja l-ewwel porzjon ta' €3 biljun lill-faċilità. F'Marzu 2018, il-Kummissjoni pproponiet li l-finanzjament tal-faċilità jiġi estiż bi €3 biljun addizzjonali peress li l-baġit inizjali ntuża kompletament. F'Ġunju 2018, l-istati membri tal-UE qablu li jiffinanzjaw €3 biljun addizzjonali biex jappoġġaw ir-refuġjati Sirjani fit-Turkija.

L-ewwel porzjon iffinanzja proġetti li baqgħu għaddejjin sa nofs l-2021. It-tieni porzjon qed jiffinanzja proġetti li ser jibqgħu għaddejjin sa nofs l-2025. L-enfasi ewlenija hija fuq l-assistenza umanitarja, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-iżvilupp soċjoekonomiku, l-infrastruttura muniċipali, l-appoġġ soċjoekonomiku u l-ġestjoni tal-migrazzjoni.

Ir-refuġjati fit-Turkija raw titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom bis-saħħa tal-proġetti ffinanzjati mill-faċilità:

  • ġew implimentati 65 proġett li għandhom l-għan li jkopru r-rispons għall-ħtiġijiet bażiċi, il-protezzjoni, l-edukazzjoni, u s-saħħa għar-refuġjati l-aktar vulnerabbli fit-Turkija
  • 701 000 tifel u tifla refuġjati appoġġati biex imorru l-iskola
  • aċċess indaqs għall-kura tas-saħħa b'xejn lil 4 miljun refuġjat
  • aktar minn 2.6 miljun refuġjat irċevew appoġġ għall-ħtiġijiet bażiċi ta' kuljum tagħhom

Wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2021 u apparti l-qafas tal-Faċilità, il-Kummissjoni mobilizzat €3 biljun għar-refuġjati u l-komunitajiet ospitanti fit-Turkija għall-perjodu 2021-2023. Dan il-finanzjament għandu l-għan li jkompli l-appoġġ fl-oqsma ta' prijorità tal-ħtiġijiet bażiċi u l-edukazzjoni, il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-kontroll tal-fruntieri kif ukoll fl-appoġġ umanitarju.