Skip to content

Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġordan: fatti u ċifri

Il-Ġordan huwa wieħed mill-eqreb sħab tal-UE fil-Lvant Nofsani, bi rwol importanti biex tiġi żgurata l-istabbiltà fir-reġjun.

F'Jannar 2026 sar l-ewwel summit bejn l-UE u l-Ġordan f'Amman, fejn il-mexxejja affermaw mill-ġdid ir-rieda tagħhom li jaħdmu flimkien bħala sħab affidabbli u prevedibbli għall-istabbiltà, il-paċi u s-sigurtà, u l-prosperità kondiviża, u l-impenn tagħhom għall-valuri universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.

Sħubija strateġika u komprensiva bejn l-UE u l-Ġordan

F'Jannar 2025, l-UE u l-Ġordan daħlu fi sħubija strateġika u komprensiva. Din tapprofondixxi r-relazzjoni diġà b'saħħitha tagħhom u tiffoka fuq l-appoġġ għall-istabbiltà tal-Ġordan fost sfidi ġeopolitiċi straordinarji. Is-sħubija tappoġġa wkoll il-viżjoni tal-Ġordan dwar il-modernizzazzjoni politika, ekonomika u amministrattiva, u t-trawwim tar-reżiljenza ekonomika.

Iż-żewġ naħat identifikaw ħames oqsma ewlenin ta' interess komuni:

  • ir-relazzjonijiet politiċi u l-kooperazzjoni reġjonali
  • is-sigurtà u d-difiża
  • ir-reżiljenza ekonomika, il-kummerċ u l-investimenti
  • il-kapital uman
  • il-migrazzjoni, u l-protezzjoni u l-appoġġ għar-refuġjati

Sabiex tappoġġa s-sħubija, l-UE pproponiet pakkett finanzjarju ta' €3 biljun għall-Ġordan. Dan jinkludi:

  • €640 miljun f'għotjiet
  • €1 biljun f'self konċessjonali (assistenza makrofinanzjarja)
  • madwar €1.4 biljun f'investimenti addizzjonali

Is-sħubija strateġika tibni fuq il-ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġordan, fis-seħħ mill-2002.

Appoġġ finanzjarju

Assistenza makrofinanzjarja

Fl-20 ta' Jannar 2026, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tipprovdi €500 miljun oħra f'assistenza makrofinanzjarja (AMF) lill-Ġordan. Dan huwa parti mill-pakkett finanzjarju u ta' investiment ta' €3 biljun tal-UE mħabbar f'Jannar 2025 biex jappoġġa s-sħubija strateġika u komprensiva bejn l-UE u l-Ġordan.

L-assistenza ser tkun disponibbli għal sentejn u nofs u ser tiġi pprovduta fil-forma ta' self fit-tul, żborżat fi tliet pagamenti parzjali.

Mill-2013 'l hawn, l-UE tat lill-Ġordan €1.08 biljun fil-qafas ta' tliet programmi preċedenti tal-AMF. Bħalissa jinsab għaddej ir-raba' programm tal-AMF, b'valur ta' €500 miljun.

l-istrument Ewropa Globali NDICI

Il-Ġordan jibbenefika minn finanzjament taħt l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali. Għall-perjodu bejn l-2021 u l-2024, l-UE allokat madwar €377 miljun f'għotjiet lill-Ġordan. Dawn il-fondi ntużaw biex jappoġġaw:

  • ir-riformi demokratiċi, l-amministrazzjoni effettiva, l-istat tad-dritt u s-sigurtà
  • it-tranżizzjoni ekoloġika u r-reżiljenza ekonomika
  • l-iżvilupp tal-bniedem (eż. l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali)

L-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali huwa l-għodda prinċipali ta' finanzjament estern tal-UE għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi mhux tal-UE, mill-baġit fit-tul tal-UE għall-2021-2027.

Appoġġ biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati Sirjani

Barra minn hekk, mill-2011, l-UE nefqet aktar minn €4 biljun fuq l-għajnuna umanitarja u l-assistenza makrofinanzjarja biex tgħin lill-Ġordan jindirizza l-kriżi tar-refuġjati Sirjani.

Il-Ġordan jospita waħda mill-akbar popolazzjonijiet ta' refuġjati per capita fid-dinja. Jaqdi rwol umanitarju u ta' stabbilizzazzjoni kruċjali fir-reġjun.

Kooperazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża

L-Unjoni Ewropea tqis lill-Ġordan bħala sieħeb ewlieni għall-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali, b'kollaborazzjoni dwar theddid komuni inkluż it-terroriżmu, l-estremiżmu vjolenti, il-kriminalità tranżnazzjonali u s-sigurtà tal-fruntieri.

Il-kooperazzjoni strutturata sseħħ skont il-ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġordan tal-2002 u s-sħubija strateġika u komprensiva mnedija f'Jannar 2025. Pereżempju, laqgħat regolari tas-sottokumitat dwar il-ġustizzja u s-sigurtà jiffukaw fuq il-ġestjoni integrata tal-fruntieri, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-traffikar tal-armi tan-nar u tad-drogi, u l-kooperazzjoni ġudizzjarja.

Il-Ġordan huwa wieħed mill-benefiċjarji tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF). Sal-lum, il-Kunsill adotta diversi miżuri ta' assistenza bilaterali taħt l-EPF, b'valur ta' aktar minn €55 miljun.

Dawn il-fondi huma maħsuba għal tagħmir bħal radars ta' medda qasira, sistemi ta' kmand u kontroll u taħriġ relatat biex jgħinu lill-Ġordan jindirizza l-isfidi tas-sigurtà u jikkontribwixxi għas-sigurtà reġjonali.

Relazzjonijiet kummerċjali

Kummerċ fi prodotti

L-UE hija t-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Ġordan, u tirrappreżenta aktar minn 12% tal-kummerċ fi prodotti tal-Ġordan mad-dinja. Fl-2024, il-valur tal-kummerċ fi prodotti bejn l-UE u l-Ġordan kien ta' madwar €4.8 biljun – aktar minn €4.1 biljun f'esportazzjoni mill-UE u €0.66 biljun f'importazzjoni mill-UE.

Vleġeġ jippuntaw lejn l-istilel tal-UE, li jissimbolizzaw l-importazzjoni tal-UE.

€0.66 biljun f'importazzjoni mill-Ġordan

Ċart kwadra li tissimbolizza l-kummerċ bejn l-UE u l-Ġordan fi prodotti.
Vleġeġ jippuntaw mill-istilel tal-UE lejn ċirku, li jissimbolizzaw l-esportazzjoni tal-UE.

€4.13 biljun f'esportazzjoni lejn il-Ġordan

L-aktar prodotti nnegozjati

sustanzi kimiċi

makkinarju u tagħmir tat-trasport

oġġetti manifatturati (importati mill-UE)

ikel u annimali ħajjin (esportati mill-UE)

Kummerċ fis-servizzi

Fl-2023 (l-aħħar sena b'data disponibbli) il-valur tal-kummerċ fis-servizzi bejn l-UE u l-Ġordan kien ta' €2.5 biljun, b'€1.2 biljun f'importazzjoni mill-UE u €1.3 biljun f'esportazzjoni mill-UE.

Vleġeġ jippuntaw lejn l-istilel tal-UE, li jissimbolizzaw l-importazzjoni tal-UE.

€1.2 biljun f'importazzjoni mill-Ġordan

Ċart kwadra li tissimbolizza l-kummerċ fis-servizzi bejn l-UE u l-Ġordan.
Vleġeġ jippuntaw mill-istilel tal-UE lejn ċirku, li jissimbolizzaw l-esportazzjoni tal-UE.

€1.3 biljun f'esportazzjoni lejn il-Ġordan

L-aħħar reviżjoni: 20 ta' Jannar 2025