- Summit Internazzjonali
Summit bejn l-UE u l-Ġordan, 8 ta' Jannar 2026
Riżultati ewlenin
Il-President tal-Kunsill Ewropew, António Costa, flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, irrappreżentaw lill-UE fl-ewwel summit bejn l-UE u l-Ġordan li sar f'Amman. Ir-Re Abdullah II rrappreżenta lill-Ġordan.
Il-Ġordan huwa sieħeb strateġiku għall-UE u għandu rwol ċentrali fil-Lvant Nofsani.
Il-Ġordan ilu żmien twil sieħeb tal-Ewropa fil-Lvant Nofsani. U pedament tal-istabbiltà reġjonali. Flimkien, qed nibdlu l-impenji f'azzjoni. Għall-istabbiltà, ir-reżiljenza u l-prosperità kondiviża.
Il-President Costa
Il-mexxejja ffukaw fuq ir-relazzjonijiet bilaterali u fuq l-approfondiment ulterjuri tas-sħubija politika u ekonomika. Iddiskutew ukoll fajls ewlenin tal-politika barranija u l-isfidi globali.
L-UE u l-Ġordan ħarġu dikjarazzjoni konġunta fi tmiem is-summit.
Naffermaw mill-ġdid ir-rieda tagħna li nikkooperaw għall-istabbiltà fit-tul, il-paċi, is-sigurtà, il-prosperità, il-valuri universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u li nippromwovu interessi konġunti u nġeddu l-prijoritajiet tas-sħubija.
Dikjarazzjoni konġunta
Affarijiet barranin u kooperazzjoni reġjonali
Naffermaw mill-ġdid l-impenn sod tagħna għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u ser nikkooperaw biex insaħħu l-multilateraliżmu effettiv u l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli bin-NU fil-qalba tiegħu.
Dikjarazzjoni konġunta
Lvant Nofsani
Il-mexxejja laqgħu r-Riżoluzzjoni 2803 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tas-17 ta' Novembru 2025 dwar il-Pjan Komprensiv biex Jintemm il-Konflitt f'Gaża, u appellaw lill-partijiet kollha biex jimplimentawh fl-intier tiegħu.
Appellaw għat-twassil rapidu, sikur u bla xkiel tal-għajnuna umanitarja u għad-distribuzzjoni sostnuta tagħha, fuq skala kbira, lejn Gaża u kullimkien fiha, u għall-aċċess bla xkiel għan-NU u l-aġenziji tagħha, u l-organizzazzjonijiet umanitarji. Huma laqgħu l-isforzi umanitarji tal-Ġordan f'dan ir-rigward.
Intennu li l-unika triq lejn riżoluzzjoni ġusta, dejjiema u komprensiva tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani hija s-soluzzjoni ta' żewġ stati, bl-istat ta' Iżrael u stat sovran vijabbli tal-Palestina, li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi, is-sigurtà, u r-rikonoxximent reċiproku, f'konformità mad-dritt internazzjonali u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.
Dikjarazzjoni konġunta
Il-mexxejja esprimew ukoll tħassib serju dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora fix-Xatt tal-Punent, inkluż f'Ġerusalemm tal-Lvant, u rrifjutaw u kkundannaw bil-qawwa t-tentattivi ta' annessjoni.
L-UE faħħret lill-Ġordan talli ospita miljuni ta' refuġjati u ħa l-impenn li jiżgura kundizzjonijiet ta' għajxien dinjitużi u aċċess għal servizzi bażiċi, u affermat mill-ġdid li ser tibqa' tagħti l-appoġġ għar-refuġjati u l-komunitajiet ospitanti fil-Ġordan. L-UE u l-Ġordan jibqgħu impenjati wkoll li jappoġġaw lir-refuġjati Palestinjani fil-Ġordan u enfasizzaw ir-rwol essenzjali tal-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) fil-forniment ta' servizzi vitali.
Sirja
Il-pożizzjoni tal-UE dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani
Ser inkomplu naħdmu flimkien b'appoġġ għal tranżizzjoni paċifika u inklużiva mmexxija mis-Sirjani u bi sjieda Sirjana, ħielsa minn interferenza barranija dannuża, bl-għan li niżguraw l-unità, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tas-Sirja, u s-sikurezza u l-prosperità tal-poplu tagħha.
Dikjarazzjoni konġunta
L-UE u l-Ġordan ser jikkooperaw biex jappoġġaw l-isforzi lejn l-istabbilizzazzjoni, ir-rikonċiljazzjoni, il-bini tal-istituzzjonijiet, ir-rikostruzzjoni u l-irkupru soċjoekonomiku fis-Sirja.
L-UE u l-Ġordan ser ikomplu jaħdmu wkoll mal-gvern Sirjan attwali u s-sħab tan-NU biex jipprovdu appoġġ u servizzi lill-persuni spostati u lill-persuni rimpatrijati fis-Sirja.
Ukrajna
Il-mexxejja tennew l-obbligu tal-istati kollha li, fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, iżommu lura mit-theddida jew l-użu tal-forza, u enfasizzaw il-ħtieġa li tintlaħaq paċi komprensiva, ġusta u dejjiema fl-Ukrajna malajr kemm jista' jkun.
Huma ssottolinjaw ukoll il-ħtieġa għal riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti u għar-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali, u affermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment.
Sirja
Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Ġordan
Il-mexxejja eżaminaw l-implimentazzjoni tas-sħubija strateġika u komprensiva bejn l-UE u l-Ġordan ta' Jannar 2025.
Is-sħubija, appoġġata minn pakkett finanzjarju u ta' investiment ta' €3 biljun għall-2025-2027, tiffoka fuq l-appoġġ għall-istabbiltà tal-Ġordan fost sfidi ġeopolitiċi straordinarji, fuq it-tkomplija tal-modernizzazzjoni politika, ekonomika u amministrattiva, u fuq it-trawwim tar-reżiljenza ekonomika.
Reżiljenza ekonomika, kummerċ u investiment
Filwaqt li tirrikonoxxi l-impatt partikolari tal-kriżijiet reġjonali fuq il-Ġordan, l-UE tibqa' impenjata li tappoġġa r-reżiljenza ekonomika u l-aġenda ta' riforma tal-Ġordan.
Il-mexxejja tal-UE u tal-Ġordan affermaw mill-ġdid l-isforzi konġunti tagħhom għall-mobilizzazzjoni tal-investimenti tas-settur privat u l-promozzjoni tal-kummerċ sostenibbli, u huma impenjati li jilħqu l-potenzjal sħiħ taż-żona ta' kummerċ ħieles tal-ftehim ta' assoċjazzjoni.
Relazzjonijiet politiċi bilaterali
Il-mexxejja ssottolinjaw l-importanza li jsir progress fl-aġenda ta' modernizzazzjoni politika tal-Ġordan u enfasizzaw li l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-governanza tajba huma indispensabbli fit-trawwim tal-istabbiltà u l-iżvilupp sostenibbli.
L-UE u l-Ġordan ser ikomplu jikkooperaw dwar:
- il-governanza tajba
- id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi
- id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni
- kwistjonijiet politiċi u elettorali
Sigurtà u difiża
L-UE u l-Ġordan ser ikomplu jikkooperaw dwar is-sigurtà, dwar il-ġestjoni tal-fruntieri, u dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-forom kollha ta' kuntrabandu u traffikar.
Nibqgħu impenjati fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti.
Dikjarazzjoni konġunta
Il-mexxejja affermaw mill-ġdid ukoll id-deċiżjoni tagħhom li jniedu l-ewwel djalogu dwar is-sigurtà u d-difiża bejn l-UE u l-Ġordan fil-bidu tal-2026, biex ikomplu javvanzaw l-appoġġ tal-UE għall-forzi armati tal-Ġordan taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi u l-involviment futur tal-Ġordan skont il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) tal-UE.
Tranżizzjoni ekoloġika globali
Il-mexxejja affermaw mill-ġdid l-impenn qawwi tagħhom għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Ftehim ta' Pariġi.
L-UE u l-Ġordan jibqgħu impenjati li jaċċelleraw it-tranżizzjoni ekoloġika globali billi jagħtu prijorità lill-kooperazzjoni dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija.
Minħabba l-iskarsezza akuta tal-ilma tal-Ġordan, l-UE u l-Ġordan ser ikomplu japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom dwar it-tisħiħ tas-sostenibbiltà finanzjarja tas-settur, il-promozzjoni tal-użu sostenibbli tal-ilma u t-titjib tal-ġestjoni tal-ilma mormi.
Kapital uman
L-UE tappoġġa l-isforzi tal-Ġordan biex jgħammar liż-żgħażagħ u lill-adulti bil-ħiliet meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Iż-żewġ naħat ser jikkooperaw fuq programmi ta' taħriġ vokazzjonali li jissodisfaw l-istandards tas-suq tax-xogħol tal-UE.
L-UE u l-Ġordan qed jaħdmu flimkien biex jespandu l-opportunitajiet tal-għajxien għal kulħadd fil-Ġordan, b'mod partikolari għan-nisa u ż-żgħażagħ, u biex itejbu l-effiċjenza u l-aċċessibbiltà tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali.
Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġordan: fatti u ċifri
Informazzjoni ġenerali
Fid-29 ta' Jannar 2025, l-UE u l-Ġordan daħlu fi sħubija strateġika u komprensiva.
Is-sħubija tibni fuq relazzjoni b'saħħitha bbażata fuq il-ftehim ta' assoċjazzjoni tal-2002 u fuq il-prijoritajiet tas-sħubija bejn l-UE u l-Ġordan (2021-2027).
Il-President Costa ltaqa' mar-Re Abdullah II tal-Ġordan, biex jiddiskuti r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġordan, fid-29 ta' Jannar 2025, wara l-iffirmar tad-dikjarazzjoni dwar sħubija strateġika u komprensiva, u fil-21 ta' Settembru 2025 fil-marġni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
Stqarrijiet għall-istampa
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Beatriz Navarro Deputy spokesperson for the European Council President
- +32 471 33 22 92
- +32 2 281 51 50
-
Magdalena Buchowska Press officer
- +32 470 88 16 32
- +32 2 281 42 02
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali
Ara laqgħat oħrajnL-aħħar reviżjoni: 2 ta' Frar 2026