Skip to content

Il-pożizzjoni tal-UE dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani

Fil-laqgħat sussegwenti tal-Kunsill Ewropew li saru bejn l-2023 u l-2026, il-mexxejja tal-UE adottaw konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani. Il-kontenut tal-paġna jirrifletti l-aħħar konklużjonijiet mit-18 u d-19 ta' Ġunju 2026.

Iran

Memorandum ta' qbil bejn l-Istati Uniti u l-Iran

Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-memorandum ta' qbil bejn l-Istati Uniti u l-Iran, li joħloq opportunità għall-istabbiltà reġjonali u għar-restawr sħiħ tal-libertà ta' navigazzjoni u tranżitu sikur mill-Istrett ta' Hormuz.

Huwa jilqa' t-tkomplija tal-isforzi diplomatiċi bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni ta' paċi u jissottolinja l-importanza ta' riżoluzzjoni negozjata u fit-tul għall-kwistjonijiet pendenti kollha, f'konformità mad-dritt internazzjonali.

Huwa jfaħħar lill-Pakistan, lill-Qatar u lil sħab reġjonali oħra għall-isforzi ta' medjazzjoni tagħhom. L-Unjoni Ewropea ser tibqa' involuta, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab reġjonali, fl-isforzi diplomatiċi u lesta tappoġġa l-implimentazzjoni tal-ftehim.

Sigurtà Marittima

Il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rrispettati l-libertà tan-navigazzjoni u s-sigurtà marittima f'konformità mad-dritt internazzjonali u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar.

Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-isforzi mħabbra mill-Istati Membri u s-sħab biex tiġi żgurata l-libertà tan-navigazzjoni fl-Istrett ta' Hormuz, ladarba jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet. Kwalunkwe arranġament relatat mal-Istrett ta' Hormuz ma jridx jillimita l-libertà tan-navigazzjoni jew jibdel il-governanza tiegħu b'xi mod.

Il-Kunsill Ewropew ifakkar fir-rwol tal-operazzjoni difensiva marittima tal-UE, l-EUNAVFOR ASPIDES, jenfasizza l-potenzjal tagħha li tikkontribwixxi biex jiġi stabbilizzat ir-reġjun, u jappella għat-tisħiħ tagħha, f'konformità mal-mandat tagħha.

Attivitajiet ta' proliferazzjoni nukleari

Il-Kunsill Ewropew itenni li l-Iran qatt ma għandu jitħalla jakkwista arma nukleari. Huwa jħeġġeġ lill-Iran biex jikkonforma mal-obbligi legalment vinkolanti tiegħu ta' salvagwardja nukleari skont it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni u biex jerġa' jibda l-kooperazzjoni sħiħa mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika.

Jappella wkoll lill-Iran biex itemm l-attivitajiet destabbilizzanti tiegħu, inkluż il-programm ta' missili ballistiċi tiegħu. Minħabba t-theddida dejjem akbar mill-użu mis-servizzi tal-intelligence Iranjana ta' networks kriminali u forzi bi prokura oħra, l-Unjoni Ewropea u l-istati membri tagħha jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jikkooperaw mill-qrib biex jipprevjenu u jiġġieldu azzjonijiet ostili bħal dawn.

Abbużi tad-drittijiet tal-bniedem

Il-Kunsill Ewropew jappella lir-reġim Iranjan iwaqqaf il-vjolenza u r-repressjoni kontra l-poplu tiegħu stess. Huwa jappella għar-rispett tad-drittijiet universali tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-poplu Iranjan, inkluż id-dritt li jagħżel il-futur tiegħu stess. F'dan ir-rigward l-Unjoni Ewropea ser tkompli taħdem fuq aktar miżuri restrittivi kontra dawk responsabbli.

L-impatt tal-kriżi

L-Unjoni Ewropea ser tkompli taħdem, inkluż mas-sħab reġjonali u dinjin, biex ittaffi l-impatt tal-kriżi u tnaqqas il-vulnerabbiltà dinjija għall-Istrett ta' Hormuz, inkluż permezz tad-diversifikazzjoni tar-rotot tal-provvista tal-enerġija.

Il-Kunsill Ewropew jieħu nota tal-inizjattivi proposti mill-Kummissjoni biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi għall-UE f'termini ta' sigurtà tal-enerġija, prezzijiet tal-enerġija u ktajjen tal-provvista globali, inkluż is-sigurtà tal-ikel u jappella lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni.

Huwa jtenni l-importanza li tiġi żgurata l-preparatezza, inkluż fir-rigward ta' flussi migratorji futuri possibbli, b'ħidma mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu.

Gaża u x-Xatt tal-Punent

Sitwazzjoni umanitarja

Il-Kunsill Ewropew jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni li sejra għall-agħar f'Gaża u x-Xatt tal-Punent, inkluż il-kriżi umanitarja persistenti u devastanti f'Gaża.

Jappella lil Iżrael jippermetti aċċess immedjat u mingħajr xkiel u distribuzzjoni sostnuta ta' assistenza umanitarja fuq skala kbira lejn Gaża u kullimkien fiha, inkluż permezz tal-Kuritur Marittimu ta' Ċipru biex jiġu ssupplimentati r-rotot fuq l-art, u biex jippermetti lin-NU u l-aġenziji tagħha, u lill-organizzazzjonijiet umanitarji, jaħdmu b'mod indipendenti u imparzjali biex isalvaw il-ħajjiet u jnaqqsu t-tbatija.

Huwa jappella wkoll lil Iżrael biex jerġa' jiftaħ il-punti ta' qsim tal-fruntiera ta' Gaża, kif ukoll il-kuritur mediku bejn Gaża u x-Xatt tal-Punent, jippermetti aċċess għall-media internazzjonali, u jreġġa' lura d-deċiżjoni tiegħu rigward il-liġi dwar ir-reġistrazzjoni tal-NGOs.

Il-Kunsill Ewropew iħeġġeġ lil Iżrael biex jikkonforma mal-obbligi kollha tiegħu skont id-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt umanitarju internazzjonali. Il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili jeħtieġ li tiġi żgurata f'kull ħin.

Il-Kunsill Ewropew jikkundanna t-trattament ħażin tad-detenuti, fosthom ċittadini Ewropej, wara l-interċettazzjoni tal-Global Sumud Flotilla fl-ilmijiet internazzjonali u l-imġiba tal-ministri estremisti li jinċitaw u jippromwovu abbużi tad-drittijiet tal-bniedem. Il-Kunsill Ewropew jieħu nota li l-Kunsill ser ikompli jeżamina l-miżuri f'dan ir-rigward.

Paċi komprensiva, ġusta u dejjiema

Il-Kunsill Ewropew itenni l-impenn tal-Unjoni Ewropea għal paċi komprensiva, ġusta u dejjiema bbażata fuq is-soluzzjoni ta' żewġ stati f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fejn żewġ stati demokratiċi, Iżrael u l-Palestina, jgħixu maġenb xulxin fil-paċi fi fruntieri siguri u rikonoxxuti.

Huwa jirrikonoxxi r-rwol importanti li moqdi mis-soċjetà ċivili fl-isforzi għat-tiswir tal-paċi u fil-bini tal-pedamenti meħtieġa għal paċi negozjata u dejjiema bejn Iżrael u l-Palestina u f'dak il-kuntest jilqa' l-organizzazzjoni ta' konferenza ddedikata f'Pariġi fit-12 ta' Ġunju 2026.

Filwaqt li jfakkar fil-konklużjonijiet preċedenti tiegħu, il-Kunsill Ewropew jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' progress mill-atturi kollha fl-implimentazzjoni tal-waqfien mill-ġlied u d-dispożizzjonijiet l-oħra kollha tal-UNSCR 2803. Huwa jappella lill-atturi kollha biex jimplimentawhom bis-sħiħ, f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-prinċipji politiċi u legali internazzjonali.

Il-Kunsill Ewropew jappella għad-diżarm permanenti tal-Ħamas u gruppi armati mhux statali oħra, l-irtirar sħiħ tal-forzi Iżraeljani mill-Istrixxa ta' Gaża u l-iskjerament tal-Forza Internazzjonali ta' Stabbilizzazzjoni temporanja, kif deskritt fil-Pjan Komprensiv biex Jintemm il-Kunflitt f'Gaża. L-Unjoni Ewropea tirrifjuta bil-qawwa t-tħabbira ta' Iżrael li biħsiebu jikkontrolla 70% tat-territorju ta' Gaża.

Ir-rikostruzzjoni u l-iżvilupp mill-ġdid ta' Gaża

L-Unjoni Ewropea ser tkompli taħdem fuq l-implimentazzjoni tal-Pjan Komprensiv biex Jintemm il-Konflitt f'Gaża f'konformità mal-UNSCR 2803, inkluż permezz tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah (EUBAM Rafah) u l-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS), kif ukoll fuq ir-rikostruzzjoni u l-iżvilupp mill-ġdid ta' Gaża, f'konformità mad-dritt internazzjonali.

L-Unjoni Ewropea ser tkompli tappoġġa lill-Awtorità Palestinjana, inkluż fl-aġenda ta' riforma tagħha, sabiex din tkun tista' tieħu lura b'mod sigur il-kontroll effettiv ta' Gaża.

Il-Kunsill Ewropew jerġa' jistieden lil Iżrael jirrilaxxa b'urġenza d-dħul kollu miżmum minn dazji u imposti u jestendi s-servizzi ta' korrispondenza bankarja bejn il-banek Iżraeljani u dawk Palestinjani, li huma t-tnejn meħtieġa biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Awtorità Palestinjana u l-għoti ta' servizzi essenzjali lill-popolazzjoni. Il-Kunsill Ewropew jilqa' r-rilaxx reċenti tal-fondi Ewropej lill-Awtorità Palestinjana, inkluż permezz tal-mekkaniżmu PEGASE.

Ix-Xatt tal-Punent u l-vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti

Il-Kunsill Ewropew itenni l-kundanna tiegħu tal-azzjonijiet unilaterali ta' Iżrael li għandhom l-għan li jespandu l-preżenza tiegħu fix-Xatt tal-Punent, inkluż Ġerusalemm tal-Lvant, li l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tad-19 ta' Lulju 2024 iddikjarat bħala illegali.

Huwa jħeġġeġ lill-Gvern ta' Iżrael ireġġa' lura l-espansjoni tal-insedjamenti, inkluż fiż-żona E1, li huma illegali skont id-dritt internazzjonali, biex jirrispetta l-obbligi tiegħu skont id-dritt internazzjonali u biex jipproteġi l-popolazzjoni Palestinjana tat-territorji okkupati, inkluż il-komunitajiet insara u minoranzi oħra, kif ukoll biex jiżgura l-preservazzjoni u r-rispett għall-Istatus Quo tal-imkejjen imqaddsa ta' Ġerusalemm.

Il-Kunsill Ewropew jenfasizza li n-negozji ma għandhomx jagħmlu offerti għal kuntratti ta' kostruzzjoni għall-E1 jew għal żviluppi ta' insedjamenti oħra u jissottolinja l-konsegwenzi legali u reputazzjonali għan-negozji li jipparteċipaw fil-kostruzzjoni ta' insedjamenti, inkluż ir-riskju ta' ksur serju tad-dritt internazzjonali.

Il-Kunsill Ewropew jikkundanna l-vjolenza li baqgħet għaddejja u li qed dejjem tikber tal-abitanti tal-insedjamenti fuq persuni ċivili Palestinjani, jappella għar-responsabbiltà u jilqa' l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi kontra l-abitanti estremisti tal-insedjamenti u entitajiet u organizzazzjonijiet li jappoġġaw il-vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti fuq persuni ċivili Palestinjani.

Jilqa' wkoll l-adozzjoni ta' aktar miżuri restrittivi kontra l-Ħamas. Il-Kunsill Ewropew jikkundanna l-adozzjoni minn Iżrael tal-liġi dwar il-piena tal-mewt, li hija diskriminatorja, u jappella għar-revoka immedjata tagħha.

Il-Kunsill Ewropew jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta opzjonijiet qabel il-laqgħa tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2026, billi s-sitwazzjoni fir-rigward tal-insedjamenti illegali kompliet sejra għall-agħar.

Libanu

Implimentazzjoni tal-waqfien mill-ġlied

Il-Kunsill Ewropew jesprimi t-tħassib serju tiegħu li l-waqfien mill-ġlied kompla jinkiser u jħeġġeġ lill-atturi kollha jimplimentaw bis-sħiħ il-waqfien mill-ġlied, jidħlu b'mod kostruttiv fit-taħditiet li għaddejjin, jevitaw aktar vittmi ċivili u spostamenti u jsibu soluzzjoni politika dejjiema li tiżgura l-paċi u s-sigurtà kemm għal-Libanu kif ukoll għal Iżrael.

L-Unjoni Ewropea tinsab lesta li tappoġġa l-implimentazzjoni ta' ftehim bejn il-Libanu u Iżrael. Il-Kunsill Ewropew jappella għal tmiem permanenti tal-ostilitajiet, il-protezzjoni tal-persuni ċivili u l-infrastruttura ċivili, u r-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt umanitarju internazzjonali.

Il-Kunsill Ewropew jikkundanna bil-qawwa l-attakki tal-Hezbollah fuq Iżrael u l-popolazzjoni ċivili fit-Tramuntana ta' Iżrael u jappella għad-diżarm sħiħ tal-Hezbollah. Jappella lil Iżrael biex jirrispetta s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Libanu u biex jirtira l-forzi tiegħu mil-Libanu, f'konformità mal-UNSCR 1701.

Huwa jistieden ukoll lil Iżrael joqgħod lura minn eskalazzjoni ulterjuri. Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid l-appoġġ tal-UE għall-isforzi biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-poplu Libaniż u għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Libanu.

Appoġġ tal-UE għal-Libanu

Huwa jtenni l-appoġġ sħiħ tal-UE għall-isforzi tal-Gvern Libaniż biex isaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-pajjiż, inkluż il-Forzi Armati Libaniżi bil-ħsieb li jinkiseb kontroll tat-territorju Libaniż kollu, u biex jistabbilixxi l-monopolju tal-Istat fuq iż-żamma tal-armi.

L-Unjoni Ewropea ser tkompli tappoġġa l-Forzi Armati Libaniżi, inkluż permezz ta' missjoni possibbli tal-PSDK u permezz ta' appoġġ kontinwu u msaħħaħ taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi.

L-Unjoni Ewropea ser tkompli tipprovdi appoġġ sostnut fit-tul, f'koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab internazzjonali. L-Unjoni Ewropea tibqa' impenjata li tipprovdi għajnuna ta' emerġenza lill-aktar minn miljun persuna spostata, flimkien mal-għajnuna umanitarja ta' €100 miljun mobilizzati wara t-tifqigħa tal-ostilitajiet u l-operazzjonijiet tal-pont tal-ajru umanitarju kkoordinati mas-sħab reġjonali.

Il-Kunsill Ewropew itenni l-appell tiegħu lill-partijiet kollha biex jimplimentaw bis-sħiħ il-UNSCR 1701. Huwa jtenni l-kundanna tiegħu għall-attakki inaċċettabbli u illegali fuq il-persunal tal-UNIFIL u jappella għal investigazzjoni bir-reqqa. Il-Kunsill Ewropew ifakkar fl-importanza ta' preżenza kontinwa tan-NU fil-Libanu f'kuntest post-UNIFIL u jafferma mill-ġdid ir-rieda tal-UE li tikkontribwixxi f'dan ir-rigward fl-2027.

It-test sħiħ tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Ġunju 2026:

Dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE

Ara wkoll

Mara tgħolli idha f'ġest ta' emanċipazzjoni, fuq sfond ta' forom ġeometriċi Persjani ta' lwien ħodor.
Sanzjonijiet tal-UE kontra l-Iran

Sanzjonijiet tal-UE kontra l-Iran

Żewġ adulti jżommu id ta' tifel/tifla.
Sirja

Sirja

Żewġ ħaddiema umanitarji quddiem kaxxi tal-għajnuna umanitarja.
Appoġġ umanitarju tal-UE għall-Palestinjani

Appoġġ umanitarju tal-UE għall-Palestinjani

L-aħħar reviżjoni: 2 ta' Lulju 2026