"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Ftehimiet ta' wara l-Brexit

Wara l-Brexit, l-UE u r-Renju Unit innegozjaw sett ta' ftehimiet biex jiggwidaw u jirregolaw ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit. Dawn il-ftehimiet jipproteġu d-drittijiet taċ-ċittadini filwaqt li jiżguraw kompetizzjoni ġusta u li tkompli l-kooperazzjoni.

Negozjati dwar is-sħubija futura

Wara l-ħruġ formali tar-Renju Unit mill-UE fil-31 ta' Jannar 2020, in-negozjati dwar is-sħubija futura bejn l-UE u r-Renju Unit setgħu jibdew.

L-ewwel ċiklu ta' negozjati sar fi Brussell fit-2 ta' Marzu 2020. Bejn Marzu u Diċembru 2020, l-UE u r-Renju Unit innegozjaw sett ta' ftehimiet biex jiggwidaw u jirregolaw is-sħubija futura.

Fl-24 ta' Diċembru 2020, l-UE laħqet ftehim mar-Renju Unit li stabbilixxa t-termini għall-kooperazzjoni futura tagħhom. Fit-30 ta' Diċembru 2020 ġew iffirmati tliet ftehimiet ewlenin mill-UE u mir-Renju Unit:

  • Il-ftehim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit
  • Il-ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit
  • Il-ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit għall-kooperazzjoni dwar l-użi sikuri u paċifiċi tal-enerġija nukleari

Dawn il-ftehimiet kienu japplikaw b'mod proviżorju mill-1 ta' Jannar 2021 u daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2021.

Ftehim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit huwa ftehim ewlieni li jirregola r-relazzjoni wara l-Brexit. Il-ftehim ġie ffirmat fit-30 ta' Diċembru 2020 u ġie applikat b'mod proviżorju mill-1 ta' Jannar 2021. Dan daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2021.

Il-ftehim jiżgura kompetizzjoni ġusta, kooperazzjoni kontinwa f'oqsma ta' interess reċiproku u rispett għad-drittijiet fundamentali. Dan jikkonsisti minn:

  • ftehim ta' kummerċ ħieles b'kooperazzjoni ambizzjuża dwar kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali, ambjentali u tas-sajd
  • sħubija mill-qrib dwar is-sigurtà taċ-ċittadini
  • qafas ta' governanza ġenerali

Il-ftehim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni jmur lil hinn mill-ftehimiet tradizzjonali ta' kummerċ ħieles. Dan jinkludi arranġamenti preferenzjali f'oqsma bħall-kummerċ ta' oġġetti u servizzi, il-proprjetà intellettwali, l-akkwist pubbliku, it-trasport, il-kooperazzjoni tematika u l-parteċipazzjoni fil-programmi tal-UE.

Il-ftehim jistabbilixxi wkoll qafas ġdid għall-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji tal-liġi kriminali u ċivili. Permezz ta' kapitolu ddedikat dwar il-governanza, il-ftehim jagħti ċertezza legali u ċarezza massima lin-negozji, lill-konsumaturi u liċ-ċittadini dwar kif il-ftehim ser jiġi implimentat u kkontrollat.

Matul l-ewwel summit bejn l-UE u r-Renju Unit li sar fid-19 ta' Mejju 2025, iż-żewġ naħat qablu dwar sħubija strateġika. Din is-sħubija hija mirfuda mill-ftehim dwar il-ħruġ bejn l-UE u r-Renju Unit, inkluż il-Qafas ta' Windsor, u mill-ftehim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit. Iż-żewġ naħat intrabtu li jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa, f'waqtha u leali tagħhom.

Ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni

Il-ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit ġie ffirmat fit-30 ta' Diċembru 2020 u ġie applikat b'mod proviżorju mill-1 ta' Jannar 2021. Dan daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2021.

Il-ftehim isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit fit-theddid komuni għas-sigurtà permezz tal-iskambju ta' informazzjoni klassifikata.

Ftehim dwar kooperazzjoni dwar l-enerġija nukleari

Il-ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit għall-kooperazzjoni dwar l-użi sikuri u paċifiċi tal-enerġija nukleari ġie ffirmat u ratifikat mill-UE u mir-Renju Unit fit-30 ta' Diċembru 2020. Dan kien japplika b'mod proviżorju mill-1 ta' Jannar 2021 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2021.

Il-ftehim jiffaċilita l-kooperazzjoni dwar użi sikuri u paċifiċi tal-enerġija nukleari u jinkludi impenji miż-żewġ naħat biex jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali ta' nonproliferazzjoni u biex iżommu livell għoli ta' standards ta' sikurezza nukleari.

Il-ftehim jipprevedi wkoll li jitkompla l-iskambju ta' informazzjoni u ta' data radjoloġiċi. F'każ ta' inċidenti nukleari, dan ser jiffaċilita notifika bikrija, informazzjoni affidabbli u koordinazzjoni rapida bejn l-istati membri tal-UE u r-Renju Unit.

Stokkijiet tal-ħut u enerġija

Bħala parti mill-ftehim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni, l-UE u r-Renju Unit qablu dwar qafas ġdid għall-ġestjoni konġunta tal-istokkijiet tal-ħut fl-ilmijiet tal-UE u tar-Renju Unit. Skont dan il-qafas, ir-Renju Unit jista' jkompli jiżviluppa l-attivitajiet tas-sajd Brittaniċi filwaqt li l-attivitajiet u l-għajxien tal-komunitajiet tas-sajd Ewropej ser jiġu protetti u r-riżorsi naturali jiġu ppreżervati.

Fid-19 ta' Mejju 2025, il-Kummissjoni Ewropea qablet ma' aċċess reċiproku sħiħ għall-ilmijiet sat-30 ta' Ġunju 2038 u estensjoni tal-kooperazzjoni fl-enerġija fuq bażi kontinwa.

Ġibiltà

L-UE u r-Renju Unit laħqu ftehim dwar Ġibiltà, territorju Brittaniku li jinsab fil-Peniżola Iberika.

Minħabba s-sitwazzjoni ġeografika partikolari u l-karatteristiċi speċifiċi ta' Ġibiltà, l-għan ewlieni tal-ftehim huwa li jiżgura l-prosperità futura tar-reġjun kollu. Dan ser isir billi jitneħħew l-ostakli fiżiċi kollha għall-persuni u l-merkanzija li jimxu bejn Spanja u Ġibiltà, filwaqt li jiġu protetti bis-sħiħ Schengen, is-suq uniku tal-UE, u l-unjoni doganali tagħha.

Fl-1 ta' April 2026, l-ambaxxaturi għall-UE approvaw il-ftehim, li ġie ffirmat fl-14 ta' Lulju 2026 u japplika proviżorjament mill-15 ta' Lulju 2026. Preċedentement, f'Ottubru 2021, il-Kunsill adotta deċiżjoni biex jinfetħu negozjati għal ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit dwar Ġibiltà, li witta t-triq għal negozjati formali bejn il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju Unit.

Ftehim ta' kooperazzjoni dwar il-kompetizzjoni

F'Ġunju 2023, il-ministri għall-ġustizzja u l-intern adottaw deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati mar-Renju Unit dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta' kompetizzjoni.

Il-ftehim li jmiss ser jissupplimenta l-ftehim kummerċjali u ta' kooperazzjoni u ser ikopri kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE.

Sħubija għas-sigurtà u d-difiża

Fid-19 ta' Mejju 2025, l-UE u r-Renju Unit stabbilew sħubija għas-sigurtà u d-difiża li għandha l-għan li tagħti qafas għall-kooperazzjoni f'firxa wiesgħa ta' oqsma bħas-sigurtà reġjonali, il-bini tal-paċi u l-ġestjoni tal-kriżijiet, is-sigurtà marittima u kwistjonijiet taċ-ċiberspazju.

Ftehimiet futuri

F'Mejju 2025, l-UE u r-Renju Unit intrabtu li jġeddu l-kooperazzjoni bilaterali, bħala parti mill-fehim komuni maqbul bejn il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju Unit. Il-fehim komuni jidentifika oqsma ta' ħidma futura biex jissaħħu r-relazzjonijiet, inkluż il-ħidma lejn:

  • skema ta' esperjenza taż-żgħażagħ
  • l-assoċjazzjoni tar-Renju Unit mal-programm Erasmus+
  • il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fis-suq tal-elettriku tal-UE
  • żona komuni għall-prodotti sanitarji u fitosanitarji (agroalimentari)
  • kollegament tas-sistemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet

Fit-13 ta' Novembru 2025, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit rigward ftehimiet dwar prodotti agroalimentari u li jikkollegaw is-sistemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet taż-żewġ partijiet. Fit-30 ta' Marzu 2026, awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati dwar żewġ ftehimiet oħra, wieħed dwar il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fis-suq intern tal-elettriku tal-UE u l-ieħor dwar kontribuzzjoni finanzjarja xierqa tar-Renju Unit għall-politika ta' koeżjoni tal-UE.

Ladarba jitlestew in-negozjati, il-Kunsill irid japprova l-ftehimiet qabel ma jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ.

Fit-30 ta' Marzu 2026, il-Kunsill qabel ukoll li jippermetti lir-Renju Unit jipparteċipa fil-programm Erasmus+ tal-UE għas-sena 2027.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Lulju 2026