"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Spjegazzjoni tal-Qafas ta' Windsor

Il-Qafas ta' Windsor jaġġusta l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq. Iż-żewġ ftehimiet ġew approvati mill-UE u mir-Renju Unit u għandhom l-għan li jevitaw fruntiera fiżika fil-gżira tal-Irlanda.

Fil-qosor

Bħala parti mill-ftehim dwar il-ħruġ bejn l-UE u r-Renju Unit, il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq introduċa kundizzjonijiet biex tiġi evitata fruntiera fiżika fil-gżira tal-Irlanda.

Wara sfidi prattiċi imprevisti relatati mal-implimentazzjoni tal-Protokoll, l-UE u r-Renju Unit qablu dwar sett ta' soluzzjonijiet fil-Qafas ta' Windsor li jwieġeb għad-diffikultajiet li n-nies u n-negozji fl-Irlanda ta' Fuq esperjenzaw minħabba l-Brexit.

Is-soluzzjonijiet fl-ambitu tal-Qafas ta' Windsor jiġu implimentati fil-qafas tal-ftehim dwar il-ħruġ. Kemm il-Qafas ta' Windsor kif ukoll il-Protokoll ġew maqbula u rratifikati mill-UE u mir-Renju Unit.

Qafas ta' Windsor

Għaliex ġie stabbilit il-Qafas ta' Windsor?

Sa mill-bidu nett, l-UE wriet fehim ġenwin tal-isfidi prattiċi imprevisti relatati mal-implimentazzjoni tal-Protokoll, anke billi pproponiet sett ta' miżuri mfassla apposta biex tiżdied il-flessibbiltà tiegħu. Dawn il-miżuri speċifiċi jwieġbu għad-diffikultajiet li n-nies u n-negozji fl-Irlanda ta' Fuq esperjenzaw fil-prattika minħabba l-Brexit.

Wara diskussjonijiet estensivi u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, l-UE u r-Renju Unit ħadmu flimkien biex isibu soluzzjoni komprensiva, trażversali u definittiva għal dawn id-diffikultajiet prattiċi. Dawn l-isforzi laħqu l-qofol tagħhom fi Frar 2023, meta l-Kummissjoni Ewropea u l-gvern tar-Renju Unit laħqu ftehim politiku fil-prinċipju dwar dak li issa huwa magħruf bħala l-Qafas ta' Windsor.

Is-soluzzjonijiet, li ser jiżguraw ċertezza u prevedibbiltà dejjiema għall-komunitajiet kollha fl-Irlanda ta' Fuq, instabu fil-qafas tal-ftehim dwar il-ħruġ, li l-Protokoll huwa parti integrali minnu.

X'ikopri l-Qafas ta' Windsor?

Is-soluzzjonijiet konġunti fl-ambitu tal-Qafas ta' Windsor jinkludu arranġamenti li jirrispettaw l-integrità kemm tar-Renju Unit kif ukoll tas-suq uniku tal-UE u jħarsu l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira (Ftehim ta' Belfast) fid-dimensjonijiet kollha tiegħu. Dawk l-arranġamenti jinkludu:

  • dwana – faċilitazzjoni tal-proċeduri għall-kummerċjanti fdati
  • VAT u sisa – evitar ta' konsegwenzi mhux intenzjonati tar-regoli tal-UE dwar il-VAT u s-sisa li japplikaw fl-Irlanda ta' Fuq
  • settur agroalimentari (regoli sanitarji u fitosanitarji) – faċilitazzjoni tad-dħul tal-merkanzija bl-imnut fl-Irlanda ta' Fuq
  • mediċini – żgurar tal-provvista ta' mediċini ġodda lill-Irlanda ta' Fuq
  • għajnuna mill-Istat – kjarifika dwar meta l-għajnuna mill-Istat tkun applikabbli għal sussidji li jkollhom rabta ġenwina u diretta mal-Irlanda ta' Fuq
  • ivvjaġġar tal-annimali domestiċi – faċilitazzjoni tal-ivvjaġġar tal-annimali domestiċi bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-Gran Brittanja

Ir-regoli għandhom l-għan li jagħmluha aktar faċli biex għadd ta' prodotti jiġu trasportati mill-Gran Brittanja għall-Irlanda ta' Fuq. Fl-istess ħin, ġew stabbiliti salvagwardji biex jiġi protett is-suq uniku tal-UE.

Ir-rwol tal-Kunsill

Min-naħa tiegħu, f'Marzu 2023 il-Kunsill adotta żewġ deċiżjonijiet relatati mal-Qafas ta' Windsor. Flimkien, id-deċiżjonijiet ippermettew lill-UE taqbel mal-modifiki ewlenin b'rabta mal-Protokoll u taħdem aktar faċilment mar-Renju Unit fi gruppi ta' ħidma speċjalizzati.

F'Mejju 2023, il-Kunsill adotta tliet regolamenti bl-għan li jimplimentaw is-soluzzjonijiet konġunti maqbula mar-Renju Unit.

Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq

X'inhu l-Protokoll dwar l-Irlanda ta' Fuq?

Il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq, magħruf l-aktar bħala l-Protokoll dwar l-Irlanda ta' Fuq, huwa l-parti tal-ftehim dwar il-ħruġ bejn l-UE u r-Renju Unit li jiżgura li tiġi evitata fruntiera fiżika fil-gżira tal-Irlanda wara li r-Renju Unit ħareġ formalment mill-UE fil-31 ta' Jannar 2020.

Il-protokoll iqis iċ-ċirkostanzi uniċi fil-gżira tal-Irlanda. Dan ġie miftiehem bejn ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (Renju Unit) u l-Unjoni Ewropea (UE) bħala soluzzjoni stabbli u dejjiema, imfassal biex jipproteġi l-ekonomija tal-gżira kollha u l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira (Ftehim ta' Belfast) fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, u biex jissalvagwarda l-integrità tas-suq uniku tal-UE.

Min iffirma l-Protokoll dwar l-Irlanda ta' Fuq?

F'isem l-Unjoni Ewropea, il-President tal-Kunsill Ewropew ta' dak iż-żmien, Charles Michel, u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen.

F'isem ir-Renju Unit, il-Prim Ministru ta' dak iż-żmien Boris Johnson. Bħala parti mill-ftehim usa' dwar il-ħruġ (magħruf ukoll bħala l-ftehim dwar il-Brexit), dan ġie rratifikat mill-UE u mir-Renju Unit, u rċieva l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Meta ġie ffirmat il-Protokoll dwar l-Irlanda ta' Fuq?

Il-ftehim dwar il-ħruġ u l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq li jakkumpanjah ġew iffirmati fl-24 ta' Jannar 2020.

Il-protokoll ilu japplika mill-1 ta' Jannar 2021.

L-aħħar reviżjoni: 28 ta' Mejju 2025