Kronoloġija - Venezwela
-
2025
15 ta' DiċembruL-UE ġġedded is-sanzjonijiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela
Il-Kunsill iddeċieda li jestendi s-sanzjonijiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela b'sena oħra, sal-10 ta' Jannar 2027.
-
2025
10 ta' JannarIl-Kunsill iġedded is-sanzjonijiet u jelenka 15-il individwu Venezweljan ieħor
Il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela għal sena oħra sal-10 ta' Jannar 2026.
Il-Kunsill iddeċieda wkoll li jadotta sanzjonijiet kontra 15-il individwu ieħor fid-dawl tal-iżviluppi post-elettorali fil-Venezwela, in-nuqqas ta' progress lejn ir-restawr tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem. Dawn l-individwi huma membri tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali tal-Venezwela (CNE), tal-ġudikatura, u tal-forzi tas-sigurtà.
-
2024
19 ta' DiċembruIl-mexxejja tal-UE jtennu t-tħassib tagħhom dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
Il-Kunsill Ewropew tenna t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u appella:
- għall-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha
- biex il-Venezwela tirrispetta l-impenji tagħha skont id-dritt internazzjonali
L-UE ser timmobilizza l-għodod kollha tagħha biex tappoġġa d-demokrazija u tranżizzjoni paċifika u inklużiva fil-Venezwela.
-
2024
17 ta' OttubruIl-mexxejja tal-UE jappellaw biex ir-rieda demokratika tal-poplu Venezwelan tiġi rispettata
Fid-dawl tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħ wara l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Venezwela fit-28 ta' Lulju 2024, l-UE tibqa' estremament imħassba. Minħabba f'hekk, il-mexxejja tal-UE appellaw lill-awtoritajiet tal-Venezwela biex:
- jirrispettaw ir-rieda demokratika tal-poplu Venezwelan
- itemmu l-vjolenza, ir-repressjoni u l-fastidju kontra l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili
- jeħilsu l-priġunieri politiċi kollha
- itemmu l-akkużi bla bażi kontra l-pajjiżi tal-UE u jagħtu aċċess konsulari sħiħ liċ-ċittadini Ewropej detenuti fil-Venezwela
Il-mexxejja tal-UE enfasizzaw ukoll li ser jiġu aċċettati u rikonoxxuti biss riżultati kompluti u verifikabbli indipendentement.
L-UE ser tkompli taħdem mas-sħab reġjonali u tinsab lesta li tappoġġa tranżizzjoni b'garanziji għaż-żewġ naħat.
-
2024
24 ta' AwwissuDikjarazzjoni tal-UE dwar l-iżviluppi reċenti ta' wara l-elezzjoni fil-Venezwela
L-UE laqgħet ir-rapport interim tal-grupp ta' esperti tan-NU, li tefa' dawl fuq il-proċess elettorali u enfasizza li r-riżultati mħabbra mill-awtoritajiet Venezwelani huma nieqsa mis-sustanza.
L-UE tappella lill-awtoritajiet Venezwelani biex:
- jirrispettaw id-dritt tal-Venezwelani kollha għal dimostrazzjonijiet paċifiċi u għal-libertà li jesprimu l-opinjonijiet politiċi tagħhom
- joqogħdu lura milli jużaw forza eċċessiva
- itemmu r-repressjoni u l-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili
- jeħilsu l-priġunieri politiċi kollha
-
2024
4 ta' AwwissuDikjarazzjoni tal-UE dwar l-iżviluppi ta' wara l-elezzjoni fil-Venezwela
L-Unjoni Ewropea qed issegwi l-iżviluppi fil-Venezwela bi tħassib kbir. Rapporti minn missjonijiet internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali jiddikjaraw b'mod ċar li l-elezzjonijiet presidenzjali tat-28 ta' Lulju ma ssodisfawx l-istandards internazzjonali ta' integrità elettorali.
L-Unjoni Ewropea tappella għal:
- verifika indipendenti ulterjuri tar-reġistri elettorali
- rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-libertà tal-espressjoni u ta' għaqda
- it-tmiem ta' detenzjonijiet arbitrarji, repressjoni u retorika vjolenti kontra membri tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili
- il-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha
-
2024
13 ta' MejjuL-UE ġġedded is-sanzjonijiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela
Il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-miżuri restrittivi tiegħu fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela sal-10 ta' Jannar 2025.
Dawn il-miżuri restrittivi jinkludu embargo fuq l-armi u fuq tagħmir għar-repressjoni interna kif ukoll projbizzjoni fuq l-ivjaġġar u ffriżar tal-assi għal individwi u entitajiet.
-
2023
13 ta' NovembruIl-Kunsill jirrieżamina l-miżuri restrittivi
Fit-13 ta' Novembru 2023, il-Kunsill iddeċieda b'mod eċċezzjonali li jestendi l-miżuri restrittivi tiegħu b'sitt xhurbissminflok b'sena, sal-14 ta' Mejju 2024.
Dawn il-miżuri jinkludu embargo fuq l-armi u fuq tagħmir għar-repressjoni interna kif ukoll projbizzjoni fuq l-ivjaġġar u ffriżar tal-assi 54 individwu elenkat. B'rabta mal-aħħar rieżami tal-miżuri, tneħħiet mil-lista persuna waħda li mietet.
-
2022
2 ta' DiċembruAġġornamenti dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela
Fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela, il-Kunsill iddeċieda li l-miżuri restrittivi għandhom jiġġeddu għal perjodu ulterjuri ta' 12-il xahar, sal-14 ta' Novembru 2023. Il-Kunsill iddeċieda wkoll li jemenda d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal sbatax-il persuna elenkata fl-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074.
-
2021
26 ta' NovembruAġġornamenti dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela
Il-Kunsill iddeċieda li l-miżuri restrittivi għandhom jiġu mġedda għal perjodu ulterjuri ta' 12-il xahar, sal-14 ta' Novembru 2022. Il-Kunsill iddeċieda wkoll li jemenda d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal sitta u għoxrin persuna elenkata fl-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074.
Il-Pajjiżi Kandidati r-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro, is-Serbja u l-Albanija, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Iżlanda u l-Liechtenstein, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia jallinjaw ruħhom ma' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.
-
2021
25 ta' FrarIl-kap tal-missjoni għall-UE iddikjarat persona non grata
Fuq l-inizjattiva tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-Kunsill illum qabel li l-kap tal-Missjoni tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela għall-Unjoni Ewropea jiġi ddikjarat persona non grata.
Din hija tweġiba għad-deċiżjoni tal-gvern tal-Venezwela li jiddikjara l-kap tad-delegazzjoni tal-UE għall-Venezwela bħala persona non grata. L-UE tqis li din id-dikjarazzjoni mhija bl-ebda mod iġġustifikata u tmur kontra l-objettiv tal-UE li tiżviluppa relazzjonijiet u tibni sħubiji f'pajjiżi terzi.
-
2021
22 ta' Frar19-il uffiċjal żdiedu mal-lista tas-sanzjonijiet tal-UE
Il-Kunsill żied 19-il uffiċjal ewlieni Venezweljan mal-lista ta' persuni soġġetti għal miżuri restrittivi, minħabba r-rwol tagħhom f'atti u deċiżjonijiet li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-pajjiż, jew minħabba ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.
Din id-deċiżjoni ssegwi mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Jannar 2021, li indikaw li l-UE kienet lesta tadotta miżuri restrittivi mmirati addizzjonali, fid-dawl tas-sitwazzjoni li qed tiddeterjora fil-Venezwela wara l-elezzjonijiet f'Diċembru 2020.
-
2021
25 ta' JannarIl-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar l-eżitu tal-elezzjonijiet leġiżlattivi
Il-Kunsill adotta konklużjonijiet rigward l-eżitu tal-elezzjonijiet leġiżlattivi li saru fis-6 ta' Diċembru 2020 u l-politika tal-UE fir-rigward tal-Venezwela minn hawn 'il quddiem.
Il-konklużjonijiet jenfasizzaw li l-elezzjonijiet kienu opportunità mitlufa għad-demokrazija, li saru mingħajr qbil nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet elettorali, u li naqsu milli jikkonformaw mal-istandards internazzjonali għal proċess demokratiku. Il-Kunsill itenni l-appell tal-UE għall-garanzija tad-drittijiet politiċi u ċivili kollha, għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha u għal-libertà u s-sikurezza tal-avversarji politiċi kollha.
-
2021
6 ta' JannarDikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea
L-elezzjonijiet tal-Venezwela tas-6 ta' Diċembru 2020 għall-Assemblea Nazzjonali sfortunatament saru mingħajr qbil nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet elettorali. L-Unjoni Ewropea tqis li l-elezzjonijiet naqsu milli jikkonformaw mal-istandards internazzjonali għal proċess kredibbli u milli jimmobilizzaw lill-poplu tal-Venezwela biex jieħu sehem.
In-nuqqas ta' pluraliżmu politiku u l-mod kif l-elezzjonijiet ġew ippjanati u eżegwiti, inkluż l-iskwalifika tal-mexxejja tal-oppożizzjoni, ma jippermettux lill-UE tirrikonoxxi dan il-proċess elettorali bħala kredibbli, inklużiv jew trasparenti, u lanqas ma jippermettu li r-riżultati tiegħu jitqiesu rappreżentattivi tar-rieda demokratika tal-poplu tal-Venezwela. L-UE jiddispjaċiha ħafna li l-Assemblea Nazzjonali bdiet il-mandat tagħha fil-5 ta' Jannar abbażi ta' dawn l-elezzjonijiet mhux demokratiċi.
-
2020
9 ta' DiċembruAġġornamenti dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela
Il-Kunsill iddeċieda li l-miżuri restrittivi għandhom jiġu mġedda għal perjodu ulterjuri ta' 12-il xahar, sal-14 ta' Novembru 2021. Il-Kunsill iddeċieda wkoll li jemenda d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal erbatax-il persuna elenkata fil-lista ta' restrizzjonijiet.
Il-Pajjiżi Kandidati r-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro u l-Albanija, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Iżlanda u l-Liechtenstein, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia jallinjaw ruħhom ma' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.
-
2020
7 ta' DiċembruDikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE dwar l-elezzjonijiet għall-Assemblea Nazzjonali
L-elezzjonijiet Venezwelani tas-6 ta' Diċembru 2020 għall-Assemblea Nazzjonali sfortunatament saru mingħajr ftehim nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet elettorali u naqsu milli jikkonformaw mal-istandards internazzjonali minimi għal proċess kredibbli kif ukoll milli jimmobilizzaw lill-poplu Venezwelan biex jipparteċipa.
Dan in-nuqqas ta' rispett għall-pluraliżmu politiku u l-iskwalifika u l-prosekuzzjoni tal-mexxejja tal-oppożizzjoni ma jippermettux lill-UE tirrikonoxxi dan il-proċess elettorali bħala kredibbli, inklużiv jew trasparenti, u r-riżultati tiegħu bħala rappreżentattivi tar-rieda tal-poplu Venezwelan.
-
2020
12 ta' NovembruIl-Kunsill jestendi s-sanzjonijiet kontra l-Venezwela sal-14 ta' Novembru 2021
Il-Kunsill estenda r-reġim ta' sanzjonijiet tal-UE kontra l-Venezwela b'sena, sal-14 ta' Novembru 2021.
Id-deċiżjoni ttieħdet fid-dawl tal-kriżi politika, ekonomika, soċjali u umanitarja għaddejja bħalissa fil-Venezwela b'azzjonijiet persistenti li jdgħajfu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Il-miżuri jinkludu embargo fuq l-armi u fuq tagħmir għar-repressjoni interna kif ukoll projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi għal 36 persuna elenkata f'pożizzjonijiet uffiċjali li huma responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem u/jew li dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt.
-
2020
12 ta' AwwissuAġġornamenti dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill żiedet ħdax-il persuna mal-lista ta' persuni, entitajiet u korpi fiżiċi u ġuridiċi soġġetti għal miżuri restrittivi.
Il-Pajjiżi Kandidati u kandidati potenzjali, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Iżlanda u Liechtenstein, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia jallinjaw ruħhom ma' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.
-
2020
30 ta' ĠunjuDikjarazzjoni tal-UE dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela dwar l-Ambaxxatur tal-UE
Fid-29 ta' Ġunju, ir-reġim ta' Maduro ħabbar li l-Ambaxxatur tal-UE kellu 72 siegħa biex jitlaq mill-pajjiż. L-UE kkundannat bil-qawwa din id-deċiżjoni u ddispjaċiha ħafna għall-iżolament internazzjonali akbar li jirriżulta minnha. L-UE appellat biex din id-deċiżjoni titreġġa' lura.
-
2020
29 ta' ĠunjuJiżdiedu ħdax-il uffiċjal Venezwelan mal-lista tas-sanzjonijiet tal-UE
Illum, il-Kunsill żied 11-il uffiċjal Venezwelan ewlieni mal-lista ta' persuni soġġetti għal miżuri restrittivi, minħabba r-rwol tagħhom f'atti u deċiżjonijiet li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela.
L-individwi miżjuda mal-lista huma responsabbli b'mod partikolari għal azzjoni kontra l-funzjonament demokratiku tal-Assemblea Nazzjonali, inkluż permezz tat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' diversi membri tagħha, mhux l-inqas fosthom il-president tagħha, Juan Guaidó.
-
2020
16 ta' ĠunjuDikjarazzjoni tal-UE dwar l-aħħar żviluppi rigward il-Kumitat tan-Nomini Elettorali
L-UE tappella lill-Gvern u lill-oppożizzjoni biex jinvolvu ruħhom f'negozjati sinifikattivi u inklużivi għall-kostituzzjoni tal-Kumitat tan-Nomini Elettorali (CNE) u t-tneħħija tal-projbizzjonijiet fuq il-partiti tal-oppożizzjoni. L-atturi nazzjonali kollha għandhom imorru lura mal-mejda tan-negozjati, fl-interess tal-Venezwelani kollha.
-
2020
3 ta' AprilDikjarazzjoni tal-UE dwar il-Venezwela
Il-Venezwela, bħall-bqija tad-dinja, bħalissa qed tesperjenza sfidi bla preċedent bil-pandemija tal-coronavirus, bir-riskju li tħalli impatt uman devastanti f'pajjiż li diġà qiegħed jissielet ma' sitwazzjoni ekonomika, soċjali u umanitarja gravi.
Dan huwa l-waqt li fih l-atturi kollha fil-Venezwela għandhom jingħaqdu u jsibu mod biex flimkien jindirizzaw l-emerġenza tal-coronavirus, għall-ġid tal-poplu Venezwelan. F'dan il-kuntest, l-Unjoni Ewropea tieħu nota pożittiva tal-Qafas ta' Tranżizzjoni Demokratika dwar il-Venezwela propost mill-Istati Uniti.
-
2020
9 ta' JannarDikjarazzjoni dwar l-aħħar żviluppi fl-Assemblea Nazzjonali
Atti reċenti kontra l-uniku korp elett demokratikament fil-Venezwela, l-Assemblea Nazzjonali, u ħafna mill-Membri tagħha, inkluż il-President tal-Assemblea Nazzjonali, komplew jeskalaw il-kriżi fil-Venezwela. It-tentattivi tal-5 ta' Jannar biex jiġi mblukkat b'mod furzat proċess elettorali leġittimu għall-Bord tad-Diretturi tal-Assemblea Nazzjonali u l-użu tal-forza kontra l-President tagħha u diversi leġiżlaturi biex ma jitħallewx jaċċessaw l-Assemblea Nazzjonali huma kompletament inaċċettabbli.
-
2019
21 ta' DiċembruDikjarazzjoni tal-UE dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela
L-UE ħarġet dikjarazzjoni li tenfasizza t-tħassib serju tagħha dwar l-iżviluppi reċenti fil-Venezwela. Fis-16 ta' Diċembru, il-Qorti Suprema tal-Venezwela u l-Assemblea Kostitwenti mhux rikonoxxuta neħħew l-immunità parlamentari mogħtija kostituzzjonalment ta' erba' membri oħra tal-Assemblea Nazzjonali.
L-UE ttenni li soluzzjoni paċifika u politika tista' biss tintlaħaq jekk l-Assemblea Nazzjonali, l-uniku korp demokratikament elett fil-Venezwela, tkun rispettata bis-sħiħ u l-membri tagħha jistgħu jwettqu liberament il-prerogattivi kostituzzjonali tagħhom. -
2019
11 ta' NovembruIl-Kunsill iġedded is-sanzjonijiet sal-14 ta’ Novembru 2020
Il-Kunsill estenda l-miżuri restrittivi kontra l-Venezwela b'sena, sal-14 ta' Novembru 2020. Id-deċiżjoni ġiet adottata fid-dawl tal-kriżi politika, ekonomika, soċjali u umanitarja għaddejja bħalissa fil-Venezwela b'azzjonijiet persistenti li jdgħajfu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.
-
2019
27 ta' SettembruDikjarazzjoni tal-UE dwar il-Venezwela
L-UE toħroġ dikjarazzjoni dwar il-Venezwela hekk kif il-Kunsill iżid seba’ membri tal-forzi tas-sigurtà u tal-intelligence mal-lista tas-sanzjonijiet.
-
2019
27 ta' SettembruL-UE żżid seba' membri tal-forzi tas-sigurtà u tal-intelligence mal-lista tas-sanzjonijiet
Il-Kunsill żied mal-lista tas-sanzjonijiet seba' membri tal-forzi tas-sigurtà u tal-intelligence tal-Venezwela. Il-persuni elenkati huma involuti fit-tortura u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem. Fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela, l-għadd totali ta' persuni soġġetti għal sanzjonijiet jitla' għal 25, b'riżultat ta' din id-deċiżjoni.
-
2019
16 ta' LuljuDikjarazzjoni tal-UE dwar l-aħħar żviluppi fir-rigward tal-Venezwela
L-UE ħarġet dikjarazzjoni wara r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet. Ir-rapport jikkonferma
d-deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-erożjoni tal-istat tad-dritt u ż-żarmar tal-istituzzjonijiet demokratiċi fil-pajjiż.
L-UE tappoġġa bis-sħiħ il-konklużjonijiet tar-rapport u tappella lir-reġim biex itemm immedjatament il-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u jimpenja ruħu f'kooperazzjoni sħiħa mal-OHCHR u l-Proċeduri Speċjali kollha tan-NU biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport. -
2019
18 ta' ĠunjuDikjarazzjoni tal-UE dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
L-UE ħarġet dikjarazzjoni li tenfasizza t-tħassib serju tagħha rigward is-sitwazzjoni politika u umanitarja fil-Venezwela li sejra għall-agħar. L-UE tissottolinja l-ħtieġa għal aktar koordinazzjoni fost l-atturi internazzjonali kollha b'appoġġ għall-ħidma attwali lejn eżitu nnegozjat li jwassal għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti.
-
2019
30 ta' AprilDikjarazzjoni tal-UE dwar l-aħħar avvenimenti fil-Venezwela
L-UE ħarġet dikjarazzjoni li ttenni d-diversi kriżijiet li qed jaffaċċja l-pajjiż jistgħu jissolvew biss b'soluzzjoni politika, paċifika u demokratika. L-Unjoni Ewropea tiċħad kwalunkwe forma ta' vjolenza u tappella għal restrizzjoni massima biex jiġu evitati mwiet u l-eskalazzjoni tat-tensjonijiet.
-
2019
4 ta' AprilDikjarazzjoni tal-UE dwar id-deċiżjoni li tneħħi l-immunità parlamentari ta’ Juan Guaidó
L-UE ħarġet dikjarazzjoni li tikkundanna d-deċiżjoni meħuda mill-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali mhux rikonoxxuta li tneħħi l-immunità parlamentari ta’ Juan Guaidó.
-
2019
7 ta' MarzuDikjarazzjoni tal-UE dwar l-aħħar avvenimenti fil-Venezwela
L-UE ħarġet dikjarazzjoni fejn tikkundanna l-fatt li l-Ambaxxatur Ġermaniż f'Caracas ġie mġiegħel iħalli l-pajjiż u tesprimi s-solidarjetà sħiħa tagħha mal-Ġermanja.
-
2019
2 ta' MarzuDikjarazzjoni tal-UE dwar il-Venezwela
L-UE ħarġet dikjarazzjoni fejn tenfasizza li kwalunkwe miżura li tista' tpoġġi f'riskju l-libertà, is-sikurezza jew l-integrità personali ta' Juan Guaidó tkun tfisser żieda kbira fit-tensjonijiet u ġġib fuqha l-kundanna qawwija tal-komunità internazzjonali.
-
2019
24 ta' FrarDikjarazzjoni tal-UE dwar l-aħħar avvenimenti fil-Venezwela
L-UE ħarġet dikjarazzjoni wara l-eskalazzjoni tat-tensjoni, hekk kif ir-reġim jirrifjuta li jirrikonoxxi l-emerġenza umanitarja. Hemm rapporti inkwetanti ta' diżordni ċivili, atti ta' vjolenza u għadd dejjem akbar ta' vittmi, b'mod partikolari fiż-żoni tal-fruntieri u fost il-komunità indiġena tal-Pemon. L-UE tappella lill-korpi tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà biex juru trażżin, jevitaw l-użu tal-forza u jippermettu d-dħul ta' għajnuna.
-
2019
7 ta' FrarL-ewwel laqgħa tal-grupp ta' kuntatt internazzjonali
Fl-ewwel laqgħa tiegħu, il-grupp evalwa s-sitwazzjoni fil-Venezwela u ddiskuta kif l-aħjar jista' jgħin biex jinstab mod paċifiku biex jiġu organizzati elezzjonijiet Presidenzjali ġodda. Rigward il-kriżi umanitarja li qiegħda dejjem tisserja, il-grupp impenja ruħu li jimmobilizza aktar għanjuna fl-oqsma li jeħtiġuha.
Il-grupp ta' kuntatt ser jibgħat missjoni teknika fil-pajjiż biex jiġu implimentati dawn iż-żewġ miri. Il-grupp ser jerġa' jiltaqa' fil-livell ministerjali sal-bidu ta' Marzu biex jevalwa l-progress.
-
2019
31 ta' JannarL-UE ser tistabbilixxi grupp ta' kuntatt internazzjonali dwar il-Venezwela
L-istati membri tal-UE qablu li jistabbilixxu grupp ta' kuntatt internazzjonali ma' xi pajjiżi tal-Amerka Latina. Dan il-grupp ta' kuntatt ser jaħdem biex jippromwovi fehim komuni u approċċ miftiehem fost l-atturi internazzjonali ewlenin fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Venezwela.
-
2019
26 ta' JannarDikjarazzjoni tal-UE dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela
L-UE ħarġet dikjarazzjoni wara dimostrazzjonijiet popolari massivi fil-Venezwela, li ntlaqgħu bi vjolenza indiskriminata mill-awtoritajiet. L-UE kkundannat bil-qawwa dawn l-azzjonijiet u toffri l-kondoljanzi profondi tagħha lill-familji tal-mejtin. L-UE tenniet ukoll l-appoġġ sħiħ tagħha għall-Assemblea Nazzjonali, li hija l-korp demokratiku leġittimu tal-Venezwela.
-
2019
10 ta' JannarDikjarazzjoni tal-UE dwar il-mandat il-ġdid tal-President Maduro
L-UE ħarġet dikjarazzjoni dwar il-mandat il-ġdid tal-President Maduro fil-Venezwela. L-UE jiddispjaċiha profondament li l-appell tagħha għal "elezzjonijiet presidenzjali ġodda f'konformità ma' standards demokratiċi rikonoxxuti f'livell internazzjonali u l-ordni kostituzzjonali tal-Venezwela" ġie injorat u li l-President Maduro qed jibda mandat ġdid abbażi ta' elezzjonijiet mhux demokratiċi.
-
2018
6 ta' NovembruL-UE ġġedded is-sanzjonijiet għal sena
Il-Kunsill qabel li jestendi l-miżuri restrittivi mmirati attwalment fis-seħħ sal-14 ta' Novembru 2019.
-
2018
25 ta' OttubruDikjarazzjoni tal-UE dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
L-UE ħarġet dikjarazzjoni dwar il-kriżi politika, ekonomika u soċjali li qed teskala fil-Venezwela. L-UE saħqet fuq il-fatt li l-unika soluzzjoni possibbli għall-kriżi attwali hija waħda politika paċifika u demokratika. Appellat lill-Gvern tal-Venezwela biex jieħu azzjoni konkreta sabiex itaffi l-impatt tal-kriżi.
-
2018
15 ta' OttubruIl-Kunsill Affarijiet Barranin jiddiskuti grupp ta' kuntatt possibbli
Il-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE ddiskutew is-sitwazzjoni fil-Venezwela u l-impatt tagħha fir-reġjun, inkluż fuq il-migrazzjoni. Peress li l-kriżi tista' tiġi indirizzata biss permezz ta' proċess politiku, l-ministri tal-UE qablu li jesploraw il-possibbiltà li jiġi stabbilit grupp ta' kuntatt li, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet, jista' jgħin jiffaċilita proċess bħal dan.
-
2018
25 ta' ĠunjuL-UE żżid 11-il uffiċjal mal-lista tas-sanzjonijiet
Il-Kunsill żied 11-il individwu b'pożizzjonijiet uffiċjali mal-lista tas-sanzjonijiet minħabba ksur tad-drittijiet tal-bniedem u talli dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela. B'kollox bħalissa hemm 18-il individwu fuq il-lista tas-sanzjonijiet. Din id-deċiżjoni ssegwi l-elezzjonijiet li saru fil-Venezwela fl-20 ta' Mejju 2018, li la kienu liberi u lanqas ġusti u li r-riżultat tagħhom kien nieqes mill-kredibbiltà.
-
2018
28 ta' MejjuKonklużjonijiet tal-Kunsill jappellaw għal miżuri restrittivi ġdida
Il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jappellaw għal elezzjonijiet presidenzjali ġodda li għandhom isiru skont standards demokratiċi rikonoxxuti internazzjonalment u l-ordni kostituzzjonali tal-Venezwela. L-UE appellat ukoll għal miżuri restrittivi mmirati u riversibbli addizzjonali li ma jagħmlux ħsara lill-poplu tal-Venezwela.
-
2018
23 ta' MejjuDikjarazzjoni tal-mexxejja tal-G7 dwar il-Venezwela
Il-mexxejja tal-G7 adottaw dikjarazzjoni konġunta li tiċħad il-proċess elettorali li wassal għall-elezzjoni presidenzjali fil-Venezwela fl-20 ta' Mejju 2018.
-
2018
22 ta' MejjuDikjarazzjoni tal-UE dwar l-elezzjonijiet presidenzjali u reġjonali fil-Venezwela
L-UE ħarġet dikjarazzjoni dwar l-elezzjonijiet presidenzjali u reġjonali, li saru mingħajr ftehim nazzjonali dwar kalendarju elettorali u b'nuqqas ta' konformità mal-istandards internazzjonali minimi għal proċess kredibbli, li ma jirrispettawx l-pluraliżmu politiku, id-demokrazija, it-trasparenza u l-istat tad-dritt.
-
2017
13 ta' NovembruL-UE tadotta konklużjonijiet u sanzjonijiet immirati
Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-Venezwela u qabel dwar sanzjonijiet immirati, bil-għan li jinkoraġġixxu proċess kredibbli u sinifikanti li jista' jwassal għal soluzzjoni negozjata paċifika. Il-miżuri restrittivi jinkludu:
- embargo fuq l-armi u fuq it-tagħmir għal ripressjoni interna
- bażi legali għal deżinjazzjoni mmirata possibbli ta' persuni
-
2017
30 ta' LuljuDikjarazzjoni tal-UE dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
L-UE adottat dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela qabel l-elezzjoni tal-Assemblea Kostitwenti fit-30 ta' Lulju 2017. L-UE appellat lill-gvern u lill-oppożizzjoni biex jerġgħu jiftħu kanali ta' djalogu u jerġgħu jibdew negozjati politiċi serji fl-interess tal-pajjiż kollu.
-
2017
15 ta' MejjuKonklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Venezwela
L-UE appellat lill-atturi politiċi u lill-istituzzjonijiet kollha tal-Venezwela biex jaħdmu b'mod kostruttiv għal soluzzjoni għall-kriżi fil-pajjiż.
-
2016
18 ta' LuljuKonklużjonijiet dwar il-Venezwela
Il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jħeġġu lill-Venezwela għal rikonċiljazzjoni politika.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Diċembru 2025