Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 9 ta' Ottubru 2015 11:00

Protezzjoni tad-data rigward il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali: il-Kunsill lest għal diskussjonijiet mal-PE

Fid-9 ta' Ottubru 2015, il-Kunsill laħaq qbil dwar il-pożizzjoni tiegħu fin-negozjar dwar l-abbozz ta' direttiva dwar il-protezzjoni tad-data. Dan l-abbozz ta’ direttiva għandu l-għan li jipproteġi d-data personali pproċessata għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ reati kriminali jew is-salvagwardja kontra theddidiet għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni tagħhom. Permezz ta' dan il-qbil, il-presidenza Lussemburgiża tista' tibda bid-diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew fuq din il-parti wkoll tal-pakkett dwar il-protezzjoni tad-data. Il-parti l-oħra tal-pakkett hi r-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data li dwaru diġà bdew taħditiet mal-Parlament wara li ntlaħaq qbil fil-Kunsill dwar il-pożizzjoni tiegħu fil-15 ta’ Ġunju 2015. Bħalissa għaddejjin kuntatti mal-Parlament Ewropew biex jiġi organizzat l-ewwel trilogu, bl-objettiv li jintlaħaq qbil dwar il-pakkett kollu dwar il-protezzjoni tad-data sa tmiem is-sena.

"Il-ftehim tal-lum hu pass kruċjali biex sa tmiem is-sena tiġi konkluża r-riforma tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data"

Félix Braz, Ministru għall-Ġustizzja tal-Lussemburgu u President tal-Kunsill.

L-objettiv tal-abbozz ta’ direttiva hu li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali u li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ data personali bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Unjoni Ewropea. Il-protezzjoni tal-persuni b'rabta mal-ipproċessar tad-data personali tagħhom hija dritt fundamentali stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Id-direttiva l-ġdida tkun tapplika kemm għall-ipproċessar transfruntier ta' data personali kif ukoll għall-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji fuq livell purament nazzjonali. “Dan il-kamp ta’ applikazzjoni huwa essenzjali għal qafas komprensiv għall-protezzjoni tad-data għaċ-ċittadini u l-awtoritajiet f'kull wieħed mit-28 stat membru”, qal Félix Braz. Mill-banda l-oħra, ir-regoli attwali tal-UE japplikaw għat-trasferiment transfruntier ta’ data personali biss. Dan ħoloq diffikultajiet għall-pulizija u awtoritajiet oħrajn tal-infurzar tal-liġi fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija. Ir-regoli l-ġodda jsaħħu l-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji fi ħdan l-UE.

Il-prinċipji mniżżlin fl-abbozz ta’ direttiva jikkonformaw mar-regoli attwali. Dan japplika wkoll għall-possibbiltà li l-istati membri jipprevedu salvagwardji ogħla minn dawk imsemmija fid-direttiva. Meta mqabbel mar-regoli attwali, il-kamp ta' applikazzjoni tal-abbozz ta’ direttiva jiġi estiż biex ikopri s-salvagwardja kontra theddidiet għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni tagħhom. Ir-regoli jibqgħu jkopru t-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. L-awtorità superviżorja stabbilita fir-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data tista' tkun l-istess waħda bħal dik li tittratta l-materji li jaqgħu taħt id-direttiva. Permezz tad-direttiva l-ġdida, is-suġġetti tad-data jingħataw id-dritt li jirċievu kumpens jekk ikunu sofrew danni bħala konsegwenza ta' pproċessar li ma jkunx irrispetta r-regoli.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024