Skip to content
  • Kunsill Ewropew
  • Diskors
  • 27 ta' Ottubru 2015 11:45

Diskors mill-President Donald Tusk lill-Parlament Ewropew dwar l-aħħar Kunsill Ewropew tal-15 ta’ Ottubru 2015

President, membri tal-Parlament Ewropew, 

Qabel nagħti informazzjoni dwar il-Kunsill Ewropew tal-15 ta' Ottubru u l-passi li jmiss, nixtieq ngħid dan li ġej: 

Il-kriżi, jew pjuttost l-isfida, li aħna, kollha kemm aħna, bħala komunità, bħala l-Unjoni Ewropea, qed niffaċċjaw bħalissa hija forsi l-akbar sfida li rajna għal għexieren ta’ snin. M’għandi l-ebda dubju li din l-isfida għandha l-potenzjal li tbiddel l-Unjoni Ewropea li bnejna. Din għandha l-potenzjal anki li teqred il-kisbiet bħall-ivvjaġġar mingħajr fruntieri bejn il-pajjiżi Schengen. U saħansitra aktar perikoluż hu li din għandha l-potenzjal li toħloq bidliet fundamentali fix-xena politika Ewropea. U dawn mhumiex bidliet għall-aħjar. Dawn huma tassew żminijiet straordinarji li jirrikjedu miżuri straordinarji, sagrifiċċji straordinarji u solidarjetà straordinarja. Għalija, bħala President tal-Kunsill Ewropew, u nemmen għal ħafna minna, hija ta’ importanza kbira li tiġi żgurata l-unità tal-Istati Membri tagħna u tal-istituzzjonijiet Ewropej tagħna. Flimkien, aħna ser insibu tarfha din il-kriżi. Jekk le, ma rridx naħseb fl-alternattiva. 

Sa mill-bidu nett ta' din il-kriżi, jien issottolinjajt l-importanza li jiġu protetti l-fruntieri esterni tagħna. Għadna ma qbilniex kif ser nagħmluh dan f’termini operazzjonali iżda għall-inqas il-mexxejja huma tal-istess opinjoni li l-prijorità tagħna għandha tkun li nipproteġu l-fruntieri esterni tal-UE. Bħalma wissejt lil din il-kamra fl-aħħar intervent tiegħi, sfortunatament, is-sitwazzjoni ser tmur għall-agħar. Pereżempju, il-mewġa ġdida ta’ refuġjati minn Aleppo u mir-reġjuni taħt attakki bil-bombi mir-Russi fis-Sirja, li ħolqot aktar minn 100,000 refuġjat ġdid.

Għeżież membri, 

Matul l-aħħar Kunsill Ewropew, il-mexxejja laqgħu b’kawtela l-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea dwar ftehim mat-Turkija dwar il-migrazzjoni. Hawnhekk, ippermettuli nirringrazzja personalment lill-Viċi President Timmermans li qed jaħdem ħafna fuq id-dettalji tekniċi. Nerġa' nenfasizza li ftehim mat-Turkija jagħmel sens biss jekk dan jgħin biex jieqfu l-flussi migratorji lejn l-Ewropa. Din il-kooperazzjoni mhux ser tkun faċli. M'għandu jkollna l-ebda illużjoni li xi pajjiż terz, inkluż it-Turkija, jista' jieħu postna biex jipproteġi l-fruntieri tagħna. 

It-tieni nett, il-mexxejja ħadu kont tal-ħidma għall-ħolqien ta' ħdax-il'hotspot' fil-Greċja u l-Italja kompletament operazzjonali sal-aħħar ta’ Novembru. Din l-iskadenza hija waħda ambizzjuża u l-Frontex u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), jeħtieġu żieda sinifikanti ta’ ħaddiema u assi. Għalissa, l-aġenziji Ewropej għandhom inqas min-nofs dak li għandhom bżonn. Meta niġu għal dak li għandu x’jaqsam mar-rwol tal-hotspots, bdejna dibattitu onest dwar kif dawn għandhom joperaw. Din hi ħidma li għaddejja.

It-tielet nett, iddiskutejna fit-tul kif għandhom jiġu protetti l-fruntieri tagħna. Għandna immedjatament nieqfu minn dawn l-argumenti bla bżonn bejn dawk li qed jipproponu l-ħarsien tal-fruntieri esterni u dawk li jridu s-solidarjetà u l-ftuħ. Għandna bżonnhom it-tnejn. Għandna bżonn nerġgħu nistabbilixxu kontroll effettiv tal-fruntieri esterni biex nibdew nikkontrollaw is-sitwazzjoni fil-fruntieri tagħna. Dan irid jinkludi waqfien mill-qsim illegali tal-fruntieri tagħna, ir-reġistrazzjoni ta’ dawk kollha li jfittxu l-asil, u l-organizzazzjoni tal-faċilitajiet ta’ akkoljenza xierqa. Dan mhux ser iwaqqaf il-fluss. Iżda ser inaqqsu b’mod sinifikanti. F’dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew qabel li l-Frontex ser tiġi żviluppata lil hinn mill-mandat attwali tagħha. Hija ser tkun tista' tintervjeni aktar malajr u b’mod aktar assertiv fi kriżijiet tal-fruntieri . U ser tieħu l-inizjattiva fir-rigward tar-ritorn ta’ migranti irregolari. Biex nagħmlu dan, għandna bżonn l-għajnuna tal-Parlament Ewropew malajr kemm jista’ jkun. L-għan huwa li Frontex tiġi pprovduta bl-għodod li għandha bżonn biex tipproteġi bis-sħiħ il-fruntieri Ewropej. Nixtieq infaħħar il-ħidma impressjonanti li diġà saret mill-membri fir-rigward tal-finanzjament kemm għall-Frontex kif ukoll għall-EASO. 

U b’mod parallel, jeħtieġ li nsibu mod kif niżviluppaw aktar is-solidarjetà interna tagħna bejn l-Istati Membri. L-ewwel pass huwa li nipprovdu lill-Frontex u l-EASO r-riżorsi kollha meħtieġa kif ukoll nimplimentaw il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni temporanja biex intaffu l-piż minn fuq dawk l-Istati Membri tagħna l-aktar affettwati. 

Għeżież membri, 

Din il-kriżi ma tikkonċernax biss lir-refuġjati Sirjani. Bħal-lum ġimagħtejn, ser inlaqqa’ summit tal-mexxejja Ewropej u Afrikani fil-Belt Valletta. Bl-għajnuna tal-kontropartijiet Afrikani tagħna, nittamaw li dan is-summit ser jgħin biex tissawwar sħubija Ewro-Afrikana ġenwina dwar il-kwistjoni tal-migrazzjoni.

Il-Kunsill Ewropew iddeċieda li rridu naslu għal miżuri operazzjonali konkreti, b’mod ġust u bbilanċjat, dwar ir-ritorn u r-riammissjoni effettivi, il-qerda ta’ netwerks kriminali u l-prevenzjoni tal-migrazzjoni illegali, akkumpanjati minn sforzi ġenwini biex jiġu ttrattati l-kawżi ewlenin u biex jiġi appoġġat l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Afrika flimkien ma’ impenn biex tibqa' tkun possibbli l-migrazzjoni legali. 

L-għan tagħna hu li nesploraw possibbiltajiet biex jiġu żviluppati kapaċitajiet ta’ akkoljenza sikuri u sostenibbli fir-reġjuni milquta u biex ikun hemm prospetti dejjiema u proċeduri adegwati għar-refuġjati u l-familji tagħhom, inkluż permezz ta' aċċess għall-edukazzjoni u l-impjiegi, sakemm ikun possibbli li jirritornaw lura lejn pajjiżhom. 

Fl-aħħar nett, ser nitolbu lill-Istati Membri biex ikomplu jikkontribwixxu fl-isforzi li saru b'appoġġ lill-UNHCR, il-Programm Dinji tal-Ikel u aġenziji oħra, kif ukoll biex jappoġġaw il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE fir-rispons għall-kriżi Sirjana u l-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika.     

Għażiż President, għeżież membri, 

U fl-aħħar dwar ir-Renju Unit: Tul l-aħħar xhur, għarraft lill-mexxejja dwar id-diskussjonijiet ta' tħejjija bejn l-uffiċjali tiegħi u r-Renju Unit. Ilqajna l-impenn tal-Prim Ministru Cameron li jesprimi l-preokkupazzjonijiet speċifiċi tar-Renju Unit bil-miktub sal-bidu ta' Novembru. 

Grazzi.

 

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024