Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 9 ta' Novembru 2015 20:05

Kunsill Kompetittività dwar l-industrija Ewropea tal-azzar - konklużjonijiet tal-Presidenza

Il-Kunsill (Kompetittività) ħa kont tal-isfidi serji li bħalissa qed tiffaċċa l-industrija Ewropea tal-azzar. 

Is-settur tal-azzar tal-UE qed ibati minn kapaċità żejda globali kbira fil-produzzjoni, li qed tbaxxi l-prezzijiet u tinkoraġġixxi atteġġjament li joħloq distorsjoni fil-kummerċ minn reġjuni kompetituri. Spejjeż għoljin tal-enerġija qed inaqqsu l-marġini. Dan qed jirriżulta fl-għeluq ta’ impjanti tal-azzar u t-telf ta' eluf ta’ impjiegi. 

Il-Kunsill qabel dwar il-gravità tas-sitwazzjoni kif ukoll dwar il-ħtieġa li jittieħdu azzjonijiet konkreti li ser jgħinu biex tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul ta' settur Ewropew tal-azzar modern. 

Il-Kunsill qies wkoll li dawn il-miżuri għandhom ikunu parti minn approċċ komprensiv bl-għan li jinħolqu kundizzjonijiet ta’ qafas kompetittivi għall-industrija tal-UE kollha kemm hi, inkluż permezz ta’ ambjent regolatorju prevedibbli u konsistenti kif ukoll miżuri biex tiġi stimulata l-innovazzjoni, peress li ħafna mill-kwistjonijiet li qed jiffaċċa s-settur tal-azzar huma kondiviżi ma' industriji oħra intensivi fl-enerġija. 

B’kont meħud tar-riżultati tad-diskussjoni tal-Kunsill, il-Presidenza tqis li għandhom jittieħdu l-azzjonijiet konkreti li ġejjin bħala kwistjoni ta’ prijorità: 

  • Li jiġu intensifikati jew li jitniedu diskussjonijiet li jinvolvu l-produtturi importanti tal-azzar kollha fil-kuntest tal-Kumitat tal-OECD dwar l-Azzar u permezz tad-djalogi bilaterali tal-Kummissjoni dwar l-azzar ma’ pajjiżi terzi bħaċ-Ċina, ir-Russja, il-Belarussja, it-Turkija u l-Indja.
  • Li jsir użu sħiħ u f’waqtu tal-firxa sħiħa ta’ strumenti tal-politika kummerċjali tal-UE sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi globali u biex jiġu indirizzati miżuri restrittivi f’pajjiżi terzi, b’mod partikolari fir-rigward tas-settur tal-azzar.
  • Li jittieħed approċċ kostruttiv fir-rigward tal-modernizzazzjoni tal-istrumenti għad-difiża tan-negozju li tkompli tissimplifika u tħaffef l-operat tagħhom, iżżid it-trasparenza, il-prevedibbiltà, l-effettività u l-infurzar.
  • Li jkompli jittejjeb l-aċċess tal-industrija tal-azzar tal-UE għal swieq terzi, inkluż permezz ta' akkwist pubbliku, permezz ta’ negozjati bilaterali u multilaterali u l-implimentazzjoni.
  • Li jsir użu sħiħ mill-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa sabiex is-settur tal-azzar jiġi mtejjeb u modernizzat permezz tal-użu taċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi.
  • Li jsir l-aħjar użu mill-possibbiltajiet mogħtija taħt ir-regoli riveduti ta’ għajnuna mill-Istat biex l-industriji intensivi fl-enerġija jingħataw appoġġ għar-riċerka, żvilupp u innovazzjoni, it-taħriġ, l-ambjent, l-impjieg u l-ispejjeż tal-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjoniijet.
  • Li tittejjeb il-kompetittività tas-setturi l-aktar f’riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, inkluża l-industrija tal-azzar, billi jiġu kkunsidrati, bħala parti mir-riforma tas-sistema Ewropea għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ("EU ETS"):
    - mekkaniżmu aktar iffukat għall-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti, pereżempju permezz ta’ approċċ sekwenzjali;
    - elementi biex tiġi minimizzata l-ħtieġa għal koeffiċjent ta’ korrezzjoni transsettorjali sal-aħħar tal-fażi IV tal-EU ETS, filwaqt li jinħolqu l-inċentivi xierqa għall-innovazzjoni industrijali u tikber il-possibbiltà li jiżdiedu l-livelli ta’ produzzjoni, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2014.
  • Li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni rapida tal-Unjoni tal-Enerġija Ewropea biex jiġi żgurat aċċess għal enerġija sikura, bi prezz raġonevoli u li ma tagħmilx ħsara lill-klima.
  • Li jiġu sfruttati b'mod sħiħ il-possibbiltajiet taħt il-Komunikazzjoni li jmiss dwar l-Ekonomija Ċirkulari.
  • Li jsir l-aħjar użu tal-istrumenti u l-fondi disponibbli tal-UE, bħalma huma l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u l-Fond Soċjali Ewropew, biex jittejbu l-ħiliet tal-ħaddiema u tiġi ffaċilitata r-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol f’każ ta’ sensji kollettivi f’kwalunkwe settur industrijali, inkluża l-industrija tal-azzar.

Bħala segwitu għal din il-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Kompetittività, ġie maqbul li ssir konferenza speċjali ta’ livell għoli tal-partijiet ikkonċernati, li tinvolvi s-sħab soċjali, biex tiġi riveduta s-sitwazzjoni attwali u jiġu kkunsidrati azzjonijiet politiċi, fil-kuntest tal-ħidma li għaddejja tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-industriji intensivi fl-enerġija.

L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar l-Azzar tal-2013 għandha tiġi vvalutata fil-kuntest ta’ dik il-laqgħa.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024