Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 18 ta' Lulju 2016 21:25

Dikjarazzjoni tal-Kopresidenti - il-25 sessjoni tal-Kunsill Konġunt u l-Laqgħa Ministerjali UE‑GCC

  1. Il-25 sessjoni tal-Kunsill Konġunt u l-Laqgħa Ministerjali tal-Unjoni Ewropea (UE) u tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għall-Istati Għarab tal-Golf (GCC) saret fi Brussell, il-Belġju, fit-18 ta’ Lulju 2016. Id-delegazzjoni tal-UE tmexxiet mill-E.T. Federica Mogherini, Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, u d-delegazzjoni tal-GCC tmexxiet mill-E.T. Adel Al-Jubeir, Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Renju tal-Arabja Sawdija bħala l-Presidenza b'rotazzjoni tal-GCC. Is-Segretarjat tal-GCC kien rappreżentat mill-E.T. Dr. Abdul Latif bin Rashed Al-Zayani, Segretarju Ġenerali tal-GCC.
  2. F’ambjent reġjonali impenjattiv, il-Ministri tal-UE u tal-GCC enfasizzaw l-importanza li jsaħħu aktar ir-rabtiet tagħhom, biex iservu bħala pedament sod u effettiv għall-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali u internazzjonali sostenibbli. Iż-żewġ naħat esprimew ix-xewqa tagħhom li jsaħħu aktar id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni tagħhom, b’mod partikolari permezz taż-żamma ta’ laqgħat regolari tal-Uffiċjali Għolja UE-GCC, waqt li ħadu nota b'mod partikolari tal-aktar waħda reċenti, li saret fi Brussell fl-14 ta’ April 2016.
  3. Il-Ministri kellhom skambju ta' fehmiet u identifikaw tħassib u prijoritajiet komuni rigward is-sitwazzjoni fir-reġjun, b'mod partikolari fil-Jemen, l-Iran, il-Libja, is-Sirja, l-Iraq, il-Libanu u l-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani. Huma enfasizzaw l-importanza strateġika li l-UE u l-GCC jikkoordinaw mill-qrib dwar dawn l-iżviluppi. Huma laqgħu b’mod partikolari t-tkomplija tat-taħditiet ta’ paċi tal-Jemen b’medjazzjoni tan-NU fil-Kuwajt fis-16 ta’ Lulju u tennew l-appoġġ tagħhom għall-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen biex jiffaċilita qbil komprensiv u dejjiemi bejn il-partijiet Jemeniti biex jerġa’ jkun hemm il-paċi u titkompla t-transizzjoni fil-Jemen, f’konformità mal-Inizjattiva tal-GCC, l-Eżiti tal-Konferenza ta' Djalogu Nazzjonali, ir-Riżoluzzjoni 2216 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u Riżoluzzjonijiet rilevanti oħra tal-KSNU. Il-Ministri esprimew ukoll id-determinazzjoni tagħhom biex isostnu l-isforzi attwali kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu, u biex jegħlbu lil Da'esh u organizzazzjonijiet terroristiċi oħra. Huma enfasizzaw il-ħtieġa biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi Sirjana, abbażi tal-prinċipji tal-Komunikat ta’ Ġinevra, ir-Riżoluzzjoni 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u Riżoluzzjonijiet rilevanti oħra tal-KSNU. Huma appellaw għal aċċess umanitarju immedjat fil-pajjiż kollu li jippermetti l-forniment ta’ għajnuna lill-oqsma assedjati kollha, filwaqt li enfasizzaw l-importanza ta’ konformità sħiħa u stretta għall-arranġamenti ta’ waqfien tal-ostilitajiet. Huma appoġġaw l-isforzi biex jerġa’ jkun hemm stabbiltà, u biex jiġu promossi r-rikonċiljazzjoni fl-Iraq u fil-Libja u l-istabbiltà fil-Libanu. Il-Ministri ddiskutew ir-relazzjonijiet GCC-Iran u enfasizzaw li r-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi kollha tar-reġjun għandhom ikunu bbażati fuq il-Karta tan-NU u l-liġi internazzjonali, u l-prinċipji ta’ relazzjonijiet tajba bejn il-pajjiżi ġirien, ir-rispett għas-sovranità nazzjonali tal-istati u n-noninterferenza fl-affarijiet interni, biex il-pajjiżi joqgħodu lura mill-użu jew it-theddid ta’ forza, u jirrisolvu t-tilwim permezz ta’ mezzi paċifiċi.
  4. Il-Ministri tal-UE u tal-GCC rieżaminaw il-progress fir-relazzjoni strateġika UE-GCC u approvaw il-minuti tal-aħħar laqgħa tal-Kumitat Konġunt ta' Kooperazzjoni li saret f’Riyadh fis-6 ta' April 2016. Il-Ministri esprimew ir-rieda tagħhom li jindirizzaw flimkien l-isfidi komuni politiċi, soċjali, ekonomiċi, u ta’ sigurtà, kif ukoll l-istabbiltà makroekonomika u l-appoġġ għall-strateġiji ta’ diversifikazzjoni, bħall-Pjan Sawdi ta’ Trasformazzjoni Nazzjonali u pjanijiet simili fi stati membri oħra tal-GCC. Il-Ministri nnotaw b'sodisfazzjon li l-kummerċ bejn iż-żewġ naħat kien jammonta għal aktar minn €155 biljun fl-2015, żieda ta’ 55% mill-2010.
  5. Il-Ministri laqgħu l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni meħuda mill-aħħar laqgħa Ministerjali tagħhom ’l hawn, b’mod partikolari permezz tad-djalogi GCC-UE dwar l-ekonomija, it-trasport bl-ajru, il-grupp tal-esperti fl-enerġija, l-iskambji dwar it-trasport ferrovjarju, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, kif ukoll il-kooperazzjoni fid-diversifikazzjoni ekonomika. Il-Ministri laqgħu r-riżultati taż-żjara tal-Kumitat Parlamentari tal-GCC għall-Parlament Ewropew fit-28 ta’ April 2016, li għenet biex issaħħaħ il-fehim reċiproku fil-livell parlamentari. Il-Ministri nnotaw ukoll ir-riżultati tal-Forum tan-Negozju UE-GCC fi Brussell tat-23-24 ta’ Mejju 2016, għall-promozzjoni ta’ opportunitajiet ekonomiċi, kummerċjali u ta’ investiment.
  6. Il-Ministri stennew b'interess li jespandu r-relazzjonijiet UE-GCC permezz ta' aktar kuntatti bejn il-persuni, u aktar kooperazzjoni fl-oqsma soċjali, ekonomiċi, edukattivi, kulturali u xjentifiċi, u d-drittijiet tal-bniedem.
  7. Il-Ministri tal-UE u tal-GCC qablu li l-laqgħa li jmiss tagħhom issir fir-Renju tal-Bahrain fl-2017.

 

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024