- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 6 ta' Diċembru 2016 14:45
Il-Kunsill jiftaħ kapitolu ġdid fir-relazzjonijiet bejn l-UE u Kuba
Fis-6 ta' Diċembru 2016, il-Kunsill iddeċieda li jiffirma Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u Kuba. Il-Kunsill iddeċieda wkoll li japplika partijiet mill-ftehim b'mod proviżorju. Il-ftehim ser jiġi trasmess lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni tiegħu, bil-ħsieb tal-konklużjoni tiegħu. Dan ser jiġi ffirmat fid-9.30 it-Tnejn, 12 ta' Diċembru 2016 mir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Federica Mogherini, il-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Kuban Bruno Rodriguez Parrilla.
Ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini qalet: "Ninsabu tassew fil-punt tal-bidla fir-rotta fir-relazzjonijiet bejn l-UE u Kuba. Flimkien, qegħdin nimxu lejn sħubija aktar mill-qrib u aktar kostruttiva, waħda li tirrifletti rabtiet storiċi, ekonomiċi u kulturali qawwija li jeżistu bejn l-Ewropa u Kuba. Permezz tal-ftehim il-ġdid, l-UE hija lesta li tappoġġa l-proċess ta' modernizzazzjoni ekonomika u soċjali ta' Kuba, u ninsab ħerqana sabiex inwettqu aktar progress fir-relazzjonijiet bilaterali tagħna.”
Il-ftehim ta' djalogu politiku u ta' kooperazzjoni, l-ewwel ftehim li qatt sar bejn l-UE u Kuba, ser jikkostitwixxi l-qafas legali l-ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u Kuba. Huwa jipprevedi djalogu politiku msaħħaħ, kooperazzjoni bilaterali mtejba u l-iżvilupp ta' azzjoni konġunta f'fora multilaterali.
Il-ftehim għandu l-għan li jappoġġa l-proċess ta' transizzjoni tal-ekonomija u s-soċjetà Kubana. Huwa jippromwovi djalogu u kooperazzjoni biex jinkoraġġixxi l-iżvilupp sostenibbli, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u biex jinstabu soluzzjonijiet komuni għall-isfidi globali.
Il-ftehim jikkonsisti fi tliet kapitli ewlenin dwar id-djalogu politiku, il-kooperazzjoni u id-djalogu politiku settorjali kif ukoll il-kummerċ u l-kooperazzjoni kummerċjali.
Id-direttivi ta' negozjati ġew adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-10 ta' Frar 2014. In-negozjati bdew f'April 2014 u ntemmu wara seba' ċikli f'Marzu 2016. Fil-11 ta' Marzu 2016, ir-Rappreżentant Għoli żaret Kuba għas-seba' laqgħa formali ta' djalogu politiku bejn l-UE u Kuba, li matulha sar l-inizjalar formali tal-ftehim.
Il-ftehim ser jiġi ffirmat u konkluż bħala ftehim "imħallat". Dan ifisser li min-naħa tal-UE, għandu jiġi ffirmat kemm mill-UE kif ukoll mill-istati membri, u rratifikat mill-parlamenti nazzjonali u reġjonali rilevanti kollha. Il-ftehim ser jiġi applikat fuq bażi proviżorja, sakemm jiġi rratifikat mill-istati membri kollha. L-applikazzjoni proviżorja ser tikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta' kompetenza tal-UE.
Il-Kunsill ħassar ukoll l-Pożizzjoni Komuni tal-UE tal-1996 dwar Kuba. L-objettiv prinċipali tal-pożizzjoni komuni tal-UE tal-1996 dwar Kuba kien li tħeġġeġ transizzjoni lejn demokrazija pluralista u rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll rilanċ sostenibbli u titjib fil-livell tal-għajxien tal-poplu Kuban.
Ċerimonja tal-iffirmar - Opportunitajiet għall-istampa nhar it-Tnejn, 12 ta' Diċembru:
- Iċ-ċeremonja tal-iffirmar ser issir fid-9.30. Din ser tixxandar bi streaming dirett fuq http://video.consilium.europa.eu/mt/webcasts
- Ser jittieħed ritratt tal-grupp wara ċ-ċerimonja (± 10.00). Il-mezzi tax-xandir interessati għandhom jikkuntattjaw lil: [email protected]
- Għall-ħabta tal-10.05 ser issir konferenza stampa konġunta mar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Federica Mogherini u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Kuban Bruno Rodriguez Parrilla fis-sala stampa prinċipali tal-bini Justus Lipsius. Din ser tixxandar bi streaming dirett fuq http://video.consilium.europa.eu/mt/webcasts
- Photos and videos of the event will be available on https://tvnewsroom.consilium.europa.eu/
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024