- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 17 ta' Marzu 2017 15:10
Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli Federica Mogherini f'isem l-UE dwar il-Krimea
Dan id-dokument hu disponibbli b'lingwi mhux tal-UE :
Tliet snin wara l-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta' Sevastopol mill-Federazzjoni Russa, l-Unjoni Ewropea tibqa' impenjata bis-sħiħ lejn is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.
L-Unjoni Ewropea ttenni li ma tirrikonoxxix dan il-ksur tad-dritt internazzjonali u tkompli tikkundannah. Din tibqa' sfida diretta għas-sigurtà internazzjonali, b'implikazzjonijiet serji għall-ordni legali internazzjonali li jipproteġi l-unità u s-sovranità tal-Istati kollha.
L-Unjoni Ewropea tibqa' impenjata biex timplimenta bis-sħiħ il-politika tagħha ta' nonrikonoxximent, inkluż permezz ta' miżuri restrittivi. L-UE tappella mill-ġdid lill-Istati Membri tan-NU biex jikkunsidraw miżuri simili ta' nonrikonoxximent f'konformità mar-Riżoluzzjoni 68/262 tal-AĠNU. L-Unjoni Ewropea ma tirrikonoxxix l-elezzjonijiet li saru mill-Federazzjoni Russa fil-peniżola tal-Krimea u lanqas ir-rappreżentanti eletti lokali jew nazzjonali.
Matul is-sena li għaddiet, il-militarizzazzjoni li tinsab għaddejja tal-peniżola kompliet ikollha impatt fuq is-sitwazzjoni ta’ sigurtà fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola tal-Krimea kompliet tiddeterjora. Id-drittijiet tat-Tatari tal-Krimea ġew serjament miksura bl-għeluq tal-mezzi tal-media tat-Tatar tal-Krimea, il-projbizzjoni tal-attivitajiet tal-Mejlis, il-korp awtonomu ta' gvern tagħhom, u l-persekuzzjoni tal-mexxejja tiegħu. Avukati bħal Emil Kurbedinov u Mykola Polozov, li jiddefendu d-drittijiet tat-Tatari tal-Krimea u ta’ dawk li ma jirrikonoxxux l-annessjoni illegali tal-peniżola, ġew huma stess ippreżentati b’akkużi kriminali.
F’dan ir-rigward, nappellaw għall-ħelsien tal-Ewwel Viċi President Akhtem Chiygoz u biex l-akkużi kontra l-Viċi President Ilmi Umerov jitneħħew, u d-dritt għal avukat jiġi rrispettat b’mod sħiħ. Barra minn hekk, l-UE ttenni l-appell tagħha għall-ħelsien immedjat ta' Oleh Sentsov, Oleksandr Kolchenko u ta' dawk kollha li ġew arrestati u kkundannati bi ksur tad-dritt internazzjonali.
Il-każijiet pendenti kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem bħall-għajbien sfurzat, it-tortura u l-qtil jeħtieġ li jiġu investigati bir-reqqa. Aċċess sħiħ, liberu u mingħajr restrizzjoni għal atturi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem għat-territorju kollu tal-Ukrajna, inklużi l-Krimea u Sevastopol, jibqa' jkun tal-akbar importanza. F’dan il-kuntest, l-UE tfakkar fir-Riżoluzzjoni 71/205 tal-AĠNU tad-19 ta’ Diċembru 2016, u tappella għall-implimentazzjoni sħiħa tagħha.
Il-Pajjiżi Kandidati l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja*, il-Montenegro* u l-Albanija*, il-pajjiżi tal-EFTA l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukrajna u l-Georgia jallinjaw ruħhom ma' din id-Dikjarazzjoni.
*L-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u l-Albanija għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.
____________________________
Din id-dikjarazzjoni qed tinħareġ fl-okkażjoni tat-3 anniversarju tal-annessjoni illegali tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa (18 ta’ Marzu 2017).
Kuntatti għall-istampa
-
Maja Kocijančič Kelliem tas-SEAE
- +32 2 298 65 70
- +32 498 98 44 25
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024