Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 11 ta' Lulju 2017 12:20

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Pjan ta’ azzjoni biex jiġi indirizzat is-self improduttiv fl-Ewropa

"Il-Kunsill:

1. JINNOTA li l-kriżi finanzjarja u r-reċessjonijiet sussegwenti, flimkien ma’ fatturi strutturali, xi kultant flimkien ma’ prattiki mhux adegwati tal-oriġini tas-self, spiċċaw biex ħallew il-banek f’ċerti Stati Membri bi proporzjonijiet għolja ta’ self improduttiv (NPLs);

2. JIRRIKONOXXI li għalkemm fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri f’dawn l-aħħar snin ma rriżultawx proporzjonijiet għolja ta’ self improduttiv, l-effetti negattivi ta’ proporzjonijiet għolja ta’ self improduttiv attwali f’numru sostanzjali ta’ Stati Membri jista' joħloq riskji ta’ effetti sekondarji transfruntiera f’termini tal-ekonomija globali u tas-sistema finanzjarja tal-UE u jbiddel il-perċezzjonijiet tas-suq tas-settur bankarju Ewropew kollu kemm hu, b’mod partikolari fi ħdan l-Unjoni Bankarja;

3. JISĦAQ li filwaqt li l-banek huma primarjament responsabbli għar-ristrutturar tal-mudelli tan-negozju tagħhom u biex isolvu fil-ħin il-kwistjonijiet tagħhom marbuta mal-NPLs, aktar miżuri biex jiġi indirizzat l-istokk eżistenti ta’ NPLs u biex tiġi evitata l-possibilità ta' NPLs fil-futur u l-akkumulazzjoni tagħhom, ikunu ta’ benefiċċju għall-UE kollha kemm hi billi jikkontribwixxu għal aktar tkabbir u għat-tnaqqis tal-frammentazzjoni finanzjarja;

4. JINNOTA li, minħabba d-daqs tagħhom, il-proporzjonijiet għolja ta’ self improduttiv attwali f’xi Stati Membri jaf ma jonqsux b’pass sodisfaċenti minkejja l-kuntest ta' rkupru ekonomiku u JILQA’ B’SODISFAZZJON il-passi li diġà ttieħdu u l-progress sinifikanti li kisbu ċerti Stati Membri kkonċernati u istituzzjonijiet u korpi tal-UE sabiex din il-kwistjoni ereditarja tiġi indirizzata u ma terġax titfaċċa; JINNOTA li attwalment is-superviżuri għandhom il-kapaċità li jużaw għodod speċifiċi, bħal, fejn ikun xieraq, biex jivvalutaw it-telf imġarrab jew telf probabbli, permezz ta' valutazzjonijiet xierqa tal-assi; JISĦAQ li aktar sforzi huma meħtieġa biex il-proporzjonijiet tal-NPL jerġgħu jinġiebu f'livelli sostenibbli aktar baxxi u li l-inċentivi għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha tal-UE biex jittrattaw l-NPLs b’mod pro-attiv għandhom jissaħħu filwaqt li fl-istess ħin jiġu evitati l-effetti ta’ tfixkil tal-bejgħ bl-għaġġla;

5. JENFASIZZA li r-riformi regolatorji tal-UE wara l-kriżi, inkluż passi li ttieħdu biex tiġi stabbilita l-Unjoni Bankarja, jirrappreżentaw bidla fis-sistema bl-iskop li jiġu protetti l-flus tal-kontribwenti, tkun żgurata l-preservazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro u fl-UE kollha kemm hi, u jittejbu l-mekkaniżmi tas-suq fis-settur bankarju, li għalihom huma essenzjali l-għodod ta’ riżoluzzjoni u b’mod partikolari r-rikapitalizzazzjoni interna. L-indirizzar tal-kwistjoni tal-NPLs, li tista' tirrikjedi t-tneħħija tal-impedimenti għal aktar ristrutturar fis-settur bankarju, għandha tkun konsistenti ma’ dawn ir-regoli, inkluż id-Direttiva 2014/59/UE (BRRD) u r-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat;

6. JISĦAQ li strateġija komprensiva li tinkludi taħlita ta’ azzjonijiet komplementari ta’ politika, fil-livell nazzjonali u fil-livell Ewropew fejn xieraq, hija l-aktar mod effettiv biex jiġu indirizzati l-istokkijiet eżistenti ta’ NPLs kif ukoll il-ħolqien u l-akkumulazzjoni ta’ NPLs ġodda fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek, b’mod partikolari f’kull waħda mill-erba’ oqsma ta’ politika li ġejjin: (i) is-superviżjoni, (ii) ir-riformi strutturali ta’ insolvenza u l-oqfsa ta’ rkupru tad-dejn, (iii) l-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għal assi f’diffikultà, u (iv) it-trawwim tar-ristrutturar tas-sistema bankarja;

7. Għaldaqstant JILQA’ B'SODISFAZZJON ir-rapport dwar l-NPLs[1] magħmul mis-Sottogrupp tal-Kumitat tas-Servizzi Finanzjarji (ir-Rapport dwar l-NPL) u JAPPELLA lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE biex javvanzaw il-ħidma dwar l-għażliet ta' politika inklużi fih, abbażi ta’ dawn il-konklużjonijiet tal-Kunsill;

8. F'dan il-kuntest, JISTIEDEN b'mod partikolari:

  • lill-Kummissjoni biex, fis-sajf tal-2017, toħroġ interpretazzjoni tas-setgħat superviżorji eżistenti stabbiliti fil-leġislazzjoni tal-UE bil-ħsieb li tiġi ċċarata l-użabbiltà tagħhom fir-rigward tal-politiki ta' proviżjonament tal-banek għall-NPLs skont l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 u skont l-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE (CRD IV); fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill, jekk ikun xieraq u wara analiżi kompluta tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi, ser jikkunsidra emenda għall-Artikolu 104 tas-CRD IV fil-kuntest tar-rieżami li qed isir tas-CRR/CRD IV, f'konformità mal-għażliet ta' politika stabbiliti fir-Rapport dwar l-NPL;

  • lill-Kummissjoni biex tikkunsidra, fi ħdan il-qafas tar-rieżami li qed isir tas-CRR/CRD IV, garanziji ta' kontinġenza prudenzjali li jindirizzaw in-nuqqas ta' proviżjonament potenzjali li jkun japplika għal self ġdid oriġinat; dawn il-garanziji ta' kontinġenza statutorji jistgħu jieħdu l-forma ta' tnaqqis prudenzjali obbligatorju mill-fondi proprji tal-NPL, wara valutazzjoni tal-kalibrazzjonijiet l-aktar xierqa skont il-prattika internazzjonali;

  • lis-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, flimkien mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fi ħdan l-Unjoni Bankarja, biex timplimenta, sal-aħħar tal-2018, fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti fl-Unjoni Bankarja, gwida simili għall-“Gwida għall-banek dwar Self Improduttiv” maħruġa mill-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) għal istituzzjonijiet sinifikanti, b’adattamenti speċifiċi fejn ikun xieraq;

  • lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) biex, sas-sajf tal-2018, toħroġ linji gwida ġenerali dwar il-ġestjoni tal-NPL, b’mod konsistenti mal-Gwida msemmija hawn fuq, b’kamp ta' applikazzjoni usa’ li japplika għall-banek kollha fl-UE kollha;

  • lill-ABE biex, sas-sajf tal-2018, toħroġ linji gwida dettaljati dwar l-oriġini, il-monitoraġġ u l-governanza interna tas-self tal-banek li jistgħu jindirizzaw b'mod partikolari kwistjonijiet bħat-trasparenza u l-valutazzjoni tal-affordabbiltà ta' min jissellef; dawn il-linji gwida għandhom jisfruttaw l-esperjenzi nazzjonali eżistenti fejn rilevanti;

  • lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku biex jiżviluppa, sal-aħħar tal-2018, approċċi makroprudenzjali biex jipprevjeni li jitfaċċaw problemi ta’ NPLs fis-sistema kollha, filwaqt li jqis kif dovut l-effetti proċikliċi ta’ miżuri li jindirizzaw l-istokkijiet tal-NPLs u l-effetti potenzjali fuq l-istabbiltà finanzjarja;

  • lill-ABE, f’konsultazzjoni mal-ESMA, u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex sal-aħħar tal-2018, jimplimentaw rekwiżiti mtejba ta' divulgazzjoni dwar il-kwalità tal-assi u s-self improduttiv għall-banek kollha;

  • lill-ABE biex sal-aħħar tal-2017, toħroġ linji gwida għall-banek fir-rigward tal-monitoraġġ tat-tejps fejn jiġi reġistrat is-self, li jispeċifikaw minimu ta’ informazzjoni dettaljata mitluba mill-banek dwar l-iskoperturi ta' kreditu fil-portafoll bankarju;

  • lill-ABE, lill-BĊE u lill-Kummissjoni, biex sal-aħħar tal-2017, jipproponu inizjattivi biex tissaħħaħ l-infrastruttura tad-data b’data uniformi u standardizzata għall-NPLs u jikkunsidraw l-istabbiliment ta’ pjattaformi ta' transazzjoni għall-NPLs sabiex jiġi stimulat l-iżvilupp ta’ dan is-suq sekondarju;

  • lill-Kummissjoni biex sal-aħħar tal-2017, f'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet u l-korpi rilevanti kollha u b'kunsiderazzjoni tal-esperjenzi nazzjonali ta' suċċess s'issa, tiżviluppa pjan dettaljat għall-istabbiliment potenzjali ta' kumpanniji nazzjonali maniġerjali tal-assi (KMA), li jistabbilixxu prinċipji komuni għall-perimetri rilevanti tal-assi u l-parteċipazzjoni, il-limiti tad-daqs tal-assi, ir-regoli tal-valutazzjoni tal-assi, l-istrutturi xierqa tal-kapital, il-karatteristiċi tal-governanza u dawk operazzjonali, kemm privati kif ukoll pubbliċi; il-pjan dettaljat għandu wkoll jiċċara d-disinn permissibbli, konsistenti mal-qafas leġislattiv tal-UE, inkluż id-Direttiva 2014/59/UE (BRRD) u r-Regolament (UE) Nru 806/2014 (SRMR) u r-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat, għall-miżuri ta' salvataġġ tal-assi u l-użu ta' KMA;

  • lill-Kummissjoni biex sas-sajf tal-2018, tiżviluppa strateġija Ewropea biex jitrawwem l-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għall-NPLs, b’mod partikolari biex jitneħħew l-impedimenti għat-trasferiment ta’ NPLs minn banek għal entitajiet mhux bankarji u għas-sjieda tagħhom minn entitajiet mhux bankarji, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-konsumaturi, kif ukoll biex tissimplifika u potenzjalment tarmonizza r-rekwiżiti ta’ liċenzji għas-servizzjanti ta' self lil partijiet terzi u biex tieħu inizjattiva leġislattiva f’dan ir-rigward, kif xieraq;

  • il-Kummissjoni tippubblika, qabel l-aħħar tal-2017, ir-riżultati tal-eżerċizzju tal-benchmarking dwar l-effiċjenza tas-sistemi nazzjonali ta’ infurzar tas-self (inkluża l-insolvenza) mill-perspettiva tal-kreditur tal-bank, li jipprovdu metriċi komparabbli, l-aktar preċiżi possibbli, għar-rati ta’ rkupru, iż-żmien tal-irkupru u l-ispejjeż tal-irkupru fl-Istati Membri kollha, u biex tiżviluppa aktar enfasi fuq il-kwistjonijiet ta’ insolvenza fis-Semestru Ewropew, b’kont meħud tar-riformi li għaddejjin;

  • lill-Istati Membri biex sal-aħħar tal-2018, u filwaqt li jibnu mill-qrib fuq l-eżerċizzju tal-benchmarking, jikkunsidraw li jwettqu evalwazzjonijiet bejn il-pari ddedikati rigward is-sistemi ta' insolvenza fl-UE kollha, bir-rikonoxximent tal-fatt li s-sistemi ġuridiċi u l-oqfsa tal-insolvenza jvarjaw ħafna bejn Stat Membru u ieħor;

  • lill-Kummissjoni biex tanalizza aktar il-possibbiltà li ssaħħaħ il-protezzjoni ta’ kredituri garantiti;

9. JAQBEL li jerġa’ lura għal din il-kwistjoni b’mod regolari u inizjalment wara sitt xhur, sabiex jevalwa l-evoluzzjoni tal-NPLs fl-Ewropa, ir-ristrutturar tas-setturi bankarji f’dan il-kuntest u l-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għat-transazzjonijiet tal-NPLs, biex jivvaluta l-progress li jkun sar fuq il-bażi ta’ rendikont mill-Kummissjoni, u biex jikkoordina l-komunikazzjoni dwar l-NPLs fl-Ewropa."


[1] dok. 9854/17

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024