Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 17 ta' Lulju 2017 12:17

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

Il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet li ġejjin:

"1. Ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) baqgħet taċċellera l-programmi nukleari u ta' missili ballistiċi tagħha, bl-aktar reċenti jkun l-isparar ta’missila b’medda interkontinentali fl-4 ta’ Lulju 2017. Il-Kunsill jikkundanna bil-qawwa dawn l-azzjonijiet li jikkostitwixxu ksur ċar tal-obbligi internazzjonali tar-RDPK kif jinsabu f'diversi Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jirrappreżentaw theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

2. L-azzjonijiet tar-RDPK idgħajfu r-reġim globali ta’ nonproliferazzjoni u diżarm, li l-UE ilha tappoġġa b’mod sod għal għexieren ta’ snin u jissottolinjaw il-ħtieġa tal-universalizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari.

3. Il-Kunsill iħeġġeġ lir-RDPK tikkonforma mingħajr dewmien, b'mod sħiħ u mingħajr kondizzjonijiet, mal-obbligi tagħha skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u toqgħod lura minn kwalunkwe azzjoni oħra provokanti li tista' tkompli żżid it-tensjonijiet reġjonali u globali.

4. Ir-reġim ta' sanzjonijiet tal-UE fuq ir-RDPK bħalissa hu fost l-aktar restrittivi li qed jitħaddmu. Il-Kunsill ser jikkunsidra reazzjonijiet xierqa oħra b'konsultazzjoni mill-qrib ma' sħab ewlenin u f'konformità mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, speċjalment permezz ta’ miżuri restrittivi awtonomi addizzjonali. Filwaqt li jfakkar fil-UNSCR 2321(2016), il-Kunsill jesprimi tħassib dwar l-attivitajiet tar-reġim tar-RDPK biex jakkwista munita aċċettata minn kulħadd biex jiffinanzja l-programmi ta' missili nukleari u ballistiċi tiegħu u jappella lill-Istati biex jeżerċitaw il-viġilanza.

5. Il-Kunsill jappoġġa r-rwol prominenti u l-appell tar-Repubblika tal-Korea lir-RDPK biex tieħu sehem fi djalogu kredibbli, inkluż permezz ta’ miżuri ta' bini ta' fiduċja sabiex tmewwet it-tensjoni u twitti t-triq biex il-Peniżola Koreana tkun tista’ tiġi ddenuklearizzata b’mod sħiħ, verifikabbli u irreversibbli, u biex ir-riżoluzzjonijiet rilevanti kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jiġu implimentati b'mod sħiħ. L-UE lesta tappoġġa proċess bħal dan f’konsultazzjoni mas-sħab ewlenin.

6. Il-Kunsill huwa konvint bis-sħiħ li l-paċi u d-denuklearizzazzjoni dejjiema tal-peniżola Koreana jridu jinkisbu b'mod paċifiku. Il-Kunsill jafferma mill-ġdid il-politika tal-UE ta’ Involviment Kritiku mar-RDPK, li tagħmel pressjoni b’sanzjonijiet u miżuri oħra u magħhom fl-istess ħin iżżomm miftuħa l-komunikazzjoni, u l-mezzi ta’ djalogu. Il-politika tal-UE ta’ Involviment Kritiku mhijiex għan fiha nnifisha iżda mezz li jħeġġeġ il-konformità sħiħa tar-RDPK mar-Riżoluzzjonijiet tal-KSNU f'termini ta' abbandun totali, verifikabbli u irreversibbli tal-programmi nukleari, tal-AQM u ta' missili ballistiċi u progress fuq il-kwistjonijiet l-oħra kollha ta’ tħassib. Il-Kunsill iħeġġeġ lir-RDPK biex tagħmel progress kredibbli fl-obbligi tagħha li twettaq denuklearizzazzjoni biex b'hekk tippermetti li jsiru negozjati li jwasslu għal soluzzjoni paċifika.

7. Il-Kunsill jenfasizza l-importanza tal-għaqda tal-komunità internazzjonali fl-indirizzar ta’ din l-isfida. Impenn aktar mill-qrib mas-sħab ewlenin tal-UE kollha fir-reġjun u madwar id-dinja huwa essenzjali f’dan ir-rigward, inkluż permezz ta’ iżjed attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u appoġġ għall-implimentazzjoni sħiħa ta’ sanzjonijiet tan-NU mill-pajjiżi kollha.

8. Minħabba l-programmi ta’ armi nukleari u ta’ missili ballistiċi tar-RDPK, ir-riżorsi ma jmorrux fuq l-investimenti meħtieġa għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku u għar-riformi, li minnhom tibbenefika l-popolazzjoni tar-RDPK b’mod ġenerali. F'dan il-kuntest, il-Kunsill jappoġġa l-aspirazzjoni tar-Repubblika tal-Korea li terġa' tibda d-djalogu inter-Korean dwar kwistjonijiet umanitarji.

9. Il-Kunsill jiddeplora l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem li qed isiru mir-reġim tar-RDPK u huwa impenjat li jkompli jaħdem mas-sħab biex jitfa’ l-attenzjoni fuq dan il-ksur, jassigura l-obbligu internazzjonali ta’ rendikont u jżomm il-pressjoni fuq ir-RDPK biex tieqaf mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li qed twettaq.''

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024