- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 17 ta' Jannar 2018 11:10
Regolament dwar il-qsim tal-isforz: L-ambaxxaturi tal-UE japprovaw qbil proviżorju
Illum, l-ambaxxaturi tal-UE taw l-appoġġ tagħhom għall-qbil proviżorju li ntlaħaq bejn il-presidenza Estonjana u l-Parlament Ewropew f’Diċembru 2017 dwar ir-regolament dwar il-qsim tal-isforz. L-abbozz ta’ regolament jistabbilixxi miri vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-istati membri f’setturi li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS) għall-perjodu 2021-2030.
Dan il-qbil huwa pass ieħor għall-UE biex tilħaq l-impenn tagħha ta' Pariġi lejn il-klima ta' tnaqqis ta’ mill-inqas 40 % fl-emissjoniijiet ta' gass b'effett ta' serra sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-1990. Ir-regolament għandu l-għan li jiżgura li l-mira għat-tnaqqis ta’ 30% tal-emissjonijiet f’setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-2005 tintlaħaq fis-setturi tal-qsim tal-isforz, inkluż il-bini, l-agrikoltura (l-emissjonijiet mhux tas-CO2), l-immaniġġjar tal-iskart u t-trasport (minbarra l-avjazzjoni u t-tbaħħir internazzjonali).
“L-UE ser iżżomm ir-rwol ewlieni u deċiżiv tagħha fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi. Aħna napprezzaw il-ħidma importanti mwettqa mill-Presidenza Estonjana fuq ir-regolament dwar il-qsim tal-isforz. Hemm kunsens politiku fl-Ewropa dwar it-tisħin globali u l-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Bulgarija hija parti minn dan il-kunsens. Bħala Presidenza ser naħdmu għall-interess komuni tagħna li jinkiseb livell massimu ta’ progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u b’hekk tittejjeb il-kwalità tal-arja. Il-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa taċ-ċittadini Ewropej hija waħda mill-prijoritajiet għall-Presidenza Bulgara,” qal Neno Dimov, il-Ministru Bulgaru għall-Ambjent u l-Ilma
Il-kronoloġija u l-passi li jmiss
Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat żewġ proposti dwar is-setturi li mhumiex koperti mill-ETS – il-qsim tal-isforz u l-LULUCF – f'Lulju 2016 abbażi tal-linji gwida pprovduti mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Ottubru 2014.
Minħabba r-rabtiet bejn iż-żewġ proposti, id-diskussjonijiet ministerjali fuq setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS saru flimkien. Dawn il-fajls kienu fuq l-aġenda ta' tliet Kunsilli Ambjent qabel ma ntlaħaq qbil dwar pożizzjoni ta' negozjar: dibattitu ta' orjentazzjoni fis-17 ta' Ottubru 2016, laqgħa ta' informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali fid-19 ta' Diċembru 2016 u rapport ta' progress f'Ġunju 2017.
Il-Kunsill laħaq l-approċċ ġenerali tiegħu fit-13 ta’ Ottubru 2017 u beda negozjati mal-Parlament Ewropew ftit wara. Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu matul is-sessjoni plenarja fl-14 ta' Ġunju. Fil-21 ta’ Diċembru 2017 il-Presidenza Estonjana assigurat qbil proviżorju mal-Parlament Ewropew.
Issa li t-test maqbul proviżorjament ġie approvat mill-ambaxxaturi tal-UE, ser jintbagħat lill-Parlament. Soġġett għall-approvazzjoni finali mill-Parlament u l-adozzjoni formali sussegwenti mill-Kunsill, l-att leġislattiv ser jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u jidħol fis-seħħ għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.
Kuntatti għall-istampa
-
Peristera Dimopoulou Press officer
- +32 471 33 53 26
- +32 2 281 61 56
- @eri_dimopoulou
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024