- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 21 ta' Jannar 2019 12:30
Armi kimiċi: l-UE tqiegħed disa' persuni u entità waħda taħt reġim ġdid ta' sanzjonijiet
Illum il-Kunsill impona sanzjonijiet fuq disa' persuni u entità waħda taħt ir-reġim il-ġdid ta' miżuri restrittivi kontra l-użu u l-proliferazzjoni ta' armi kimiċi maħluq fil-15 ta' Ottubru 2018.
Dawn id-deżinjazzjonijiet jinkludu ż-żewġ uffiċjali tal-GRU, u l-Kap u l-Viċi Kap tal-GRU (magħruf ukoll bħala l-G.U., jew id-Direttorat Prinċipali tal-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati Russi) responsabbli għall-pussess, it-trasport u l-użu ta' aġent nervin tossiku f'Salisbury (ir-Renju Unit) fi tmiem il-ġimgħa tal-4 ta' Marzu 2018. Is-sanzjonijiet huma imposti wkoll fuq l-entità Sirjana responsabbli għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta' armi kimiċi, is-Scientific Studies and Research Centre (SSRC), kif ukoll ħames uffiċjali Sirjani involuti direttament fl-attivitajiet tal-SSRC. Dawn il-persuni u l-entità huma l-ewwel li qed jiġu elenkati taħt ir-reġim il-ġdid tas-sanzjonijiet tal-armi kimiċi. L-SSRC kien diġà elenkat taħt ir-reġim tas-sanzjonijiet kontra s-Sirja.
Is-sanzjonijiet jikkonsistu fil-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar lejn l-UE u l-iffriżar tal-assi għall-persuni, u l-iffriżar tal-assi għall-entitajiet. Barra minn hekk, persuni u entitajiet mill-UE huma pprojbiti milli jagħmlu fondi disponibbli għal dawk elenkati. Din id-deċiżjoni tikkontribwixxi għall-isforzi tal-UE biex tiġġieled il-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi li huma theddida serja għas-sigurtà internazzjonali.
L-atti legali, li jinkludu l-ismijiet tal-persuni kkonċernati, huma disponibbli fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 22 ta' Mejju 2025