Għaliex l-UE tadotta sanzjonijiet
Is-sanzjonijiet huma strument għall-prevenzjoni tal-kunflitti jew għar-rispons ta' kriżijiet emerġenti jew attwali, u għall-promozzjoni tal-paċi, id-demokrazija, ir-rispett għall-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali.
Għodda ta' diplomazija
Il-miżuri restrittivi jew is-"sanzjonijiet" huma għodda essenzjali tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE. Jippermettu lill-UE twieġeb għall-isfidi u l-iżviluppi globali li jmorru kontra l-objettivi u l-valuri tagħha.
Id-deċiżjonijiet dwar is-sanzjonijiet jittieħdu mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea b'unanimità.
Is-sanzjonijiet tal-UE huma mmirati biex jolqtu lil dawk responsabbli għall-politiki jew l-azzjonijiet li l-UE trid tinfluwenza. Mhumiex immirati lejn pajjiż jew popolazzjoni.
Is-sanzjonijiet mhumiex punittivi u minflok ifittxu li jwasslu għal bidla fil-politika jew fl-imġiba ta' dawk fil-mira tagħhom, bil-ħsieb li jiġu promossi l-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE.
Dawn l-objettivi jinkludu:
is-salvagwardja tal-valuri tal-UE, u l-interessi fundamentali u s-sigurtà tagħha
l-appoġġ għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali
il-preservazzjoni tal-paċi, il-prevenzjoni ta' konflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali
Is-sanzjonijiet jistgħu jkunu mmirati lejn gvernijiet ta' pajjiżi mhux tal-UE, entitajiet mhux statali, gruppi u individwi, u jikkonsistu f'iffriżar tal-assi u projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. L-UE tista' tadotta wkoll sanzjonijiet ekonomiċi u miżuri diplomatiċi.
Il-miżuri restrittivi kollha adottati mill-UE huma kompletament konformi mal-obbligi skont id-dritt internazzjonali, inkluż dawk relatati mal-għajnuna umanitarja, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.
Linji gwida dwar miżuri restrittivi
Fl-2004, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà laħaq qbil dwar xi prinċipji bażiċi rigward:
- l-użu ta' sanzjonijiet
- l-implimentazzjoni tagħhom
- kif jitkejjel u jiġi kkontrollat l-impatt tagħhom
L-aħjar prattiki għall-implimentazzjoni effettiva ta' miżuri restrittivi ġew aġġornati l-aħħar fl-2022. Il-linji gwida dwar l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' miżuri restrittivi ġew aġġornati l-aħħar fl-2018.
Eżenzjoni umanitarja
Is-sanzjonijiet tal-UE huma kompletament konformi mad-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt umanitarju internazzjonali.
Fid-9 ta' Diċembru 2022, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-riżoluzzjoni 2664 (2022), li tipprovdi "konċessjoni umanitarja" - eżenzjoni umanitarja permanenti - għall-miżuri tal-iffriżar tal-assi imposti mir-reġimi ta' sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti.
Fl-14 ta' Frar 2023, il-Kunsill iddeċieda li jintroduċi l-eżenzjoni umanitarja skont ir-riżoluzzjoni 2664 fir-reġimi ta' sanzjonijiet tan-NU fil-livell tal-UE, u fil-31 ta' Marzu 2023, introduċa l-eżenzjoni umanitarja f'dawk li huma magħrufa bħala reġimi ta' sanzjonijiet imħallta tan-NU/UE li fihom il-miżuri tal-UE jikkomplementaw is-sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.
Bejn l-2023 u l-2024, il-Kunsill introduċa wkoll l-eżenzjoni umanitarja f'ċertu reġim ta' miżuri restrittivi, inkluż ir-reġimi stabbiliti fid-dawl tas-sitwazzjonijiet fil-Bożnija-Ħerzegovina, il-Burundi, il-Guinea, il-Libanu, il-Myanmar, in-Nikaragwa, it-Tuneżija, il-Venezwela u ż-Żimbabwe, u fir-rigward tal-attakki ċibernetiċi u t-terroriżmu.
Dawn id-deċiżjonijiet juru d-determinazzjoni soda tal-UE li tevita konsegwenzi negattivi mhux intenzjonati ta' sanzjonijiet fuq l-azzjoni umanitarja, u l-importanza mogħtija lill-aderenza sħiħa mad-dritt internazzjonali.
- Azzjoni umanitarja: l-UE tintroduċi eċċezzjoni ulterjuri għas-sanzjonijiet (stqarrija għall-istampa, 19 ta' Frar 2024)
- Azzjoni umanitarja: l-UE tintroduċi eċċezzjonijiet ulterjuri għas-sanzjonijiet biex tiffaċilita t-twassil tal-assistenza (stqarrija għall-istampa, 27 ta' Novembru 2023)
- Azzjoni umanitarja: l-UE tintroduċi eżenzjonijiet għas-sanzjonijiet biex tiffaċilita t-twassil tal-assistenza (stqarrija għall-istampa, 31 ta' Marzu 2023)
Il-ksur tas-sanzjonijiet huwa reat
Fit-28 ta' Novembru 2022 il-Kunsill adotta deċiżjoni biex il-ksur ta' miżuri restrittivi jiżdied mal-lista ta' "reati tal-UE" inkluża fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Dan jevita livelli differenti ta' infurzar tas-sanzjonijiet fl-istati membri u r-riskju li dawn il-miżuri jiġu evitati.
Minbarra dan, fit-12 ta' April 2024, il-Kunsill adotta regoli ġodda biex jiżgura li l-ksur tal-miżuri restrittivi jiġi kriminalizzat.
Bis-saħħa ta' dawn ir-regoli l-ġodda, ċerti azzjonijiet jitqiesu reati kriminali fl-istati membri kollha, pereżempju għajnuna biex tiġi evitata projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar, it-twettiq ta' kummerċ b'oġġetti sanzjonati jew it-twettiq ta' attivitajiet finanzjarji pprojbiti. L-inċitament, l-għajnuna u l-kompliċità f'dawn ir-reati jistgħu wkoll jiġu penalizzati.
L-istati membri jridu jiżguraw li l-ksur tas-sanzjonijiet tal-UE jkun punibbli b'pieni kriminali effettivi u proporzjonati, li jvarjaw skont ir-reat. Madankollu, il-ksur intenzjonali ta' sanzjonijiet irid iwassal għal sentenza tal-ħabs bħala l-piena massima.
- Il-Kunsill u l-Parlament jilħqu qbil politiku biex jikkriminalizzaw il-ksur tas-sanzjonijiet tal-UE (stqarrija għall-istampa, 12 ta' Diċembru 2023)
- Sanzjonijiet: il-Kunsill iżid il-ksur ta' miżuri restrittivi mal-lista ta' reati kriminali tal-UE (stqarrija għall-istampa, 28 ta' Novembru 2022)
- Il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni finali biex jintroduċi reati kriminali u pieni għall-ksur tas-sanzjonijiet tal-UE (stqarrija għall-istampa, 12 ta' April 2024)
Ara wkoll
Tipi ta' sanzjonijiet li tadotta l-UE
Kif l-UE tadotta u tirrieżamina s-sanzjonijiet
Sanzjonijiet
L-aħħar reviżjoni: 12 ta' April 2024