Skip to content
  • Kunsill Ewropew
  • Stqarrija għall-istampa
  • 9 ta' Mejju 2019 13:00

Id-Dikjarazzjoni ta' Sibiu

Aħna, il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea, iltqajna f'Sibiu biex niddiskutu u nħarsu 'l quddiem lejn il-ġejjieni komuni tagħna.

Fi ftit ġimgħat oħra, l-Ewropej ser jeleġġu r-rappreżentanti tagħhom fil-Parlament Ewropew, erbgħin sena wara li eżerċitaw dan id-dritt fundamentali għall-ewwel darba. Ewropa magħquda mill-ġdid fil-paċi u d-demokrazija hija biss waħda minn ħafna kisbiet. Mill-bidu tagħha, l-Unjoni Ewropea, misjuqa mill-valuri u l-libertajiet tagħha, ipprovdiet stabbiltà u prosperità mal-Ewropa kollha, ġewwa l-fruntieri tagħha u 'l hinn minnhom. Matul is-snin, kibret u saret attur ewlieni fix-xena internazzjonali. Filwaqt li tiġbor fi ħdanha madwar nofs biljun ċittadin, b'suq uniku kompetittiv, hija mexxej fil-kummerċ dinji, u ssawwar il-politika globali.

Aħna ntennu mill-ġdid il-fehma tagħna li magħqudin inkunu aktar b'saħħitna f'din id-dinja dejjem aktar ta' taqlib u ta' sfida. Aħna nagħrfu r-responsabbiltà tagħna bħala Mexxejja li nagħmlu l-Unjoni tagħna aktar b'saħħitha u l-futur tagħna aħjar, filwaqt li nirrikonoxxu l-perspettiva Ewropea ta' Stati Ewropej oħra. Huwa għalhekk li llum qed naqblu unanimament dwar għaxar impenji li ser jgħinuna nissodisfaw dik ir-responsabbiltà:

  • Aħna ser niddefendu Ewropa waħda - mil-Lvant sal-Punent, mit-Tramuntana san-Nofsinhar. Tletin sena ilu, miljuni ta' nies issieltu għall-ħelsien tagħhom u għall-għaqda u ġarrfu l-Purtiera tal-Ħadid li kienet firdet l-Ewropa għal għexieren ta' snin. Ma hemmx post għall-firdiet li jmorru kontra l-interess kollettiv tagħna.
  • Aħna ser nibqgħu magħqudin, fit-tajjeb u fil-ħażin. Ser nuru solidarjetà wieħed lill-ieħor fis-siegħa tal-bżonn u dejjem ser inżommu sod flimkien. Aħna nistgħu nitkellmu b'vuċi waħda u hekk ser nagħmlu.
  • Ser infittxu dejjem soluzzjonijiet flimkien, filwaqt li nisimgħu lil xulxin fi spirtu ta' fehim u rispett.
  • Ser inkomplu nħarsu l-istil tal-ħajja tagħna, id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Id-drittijiet inaljenabbli u l-libertajiet fundamentali tal-Ewropej kollha nkisbu bi tbatija u qatt ma għandhom jittieħdu bħala fatta. Ser nippromwovu l-valuri u l-prinċipji komuni tagħna mnaqqxa fit-Trattati.
  • Aħna ser nagħtu riżultati fl-affarijiet l-aktar importanti. L-Ewropa ser tibqa' attur sinifikanti fi kwistjonijiet importanti. Ser nibqgħu nisimgħu t-tħassib u t-tamiet tal-Ewropej kollha, inqarrbu l-Unjoni lejn iċ-ċittadini tagħna, u naħdmu għal dan b'ambizzjoni u determinazzjoni.
  • Dejjem ser nirrispettaw il-prinċipju tal-ekwità, kemm jekk fis-suq tax-xogħol, fl-assistenza soċjali, fl-ekonomija jew fit-trasformazzjoni diġitali. Ser inkomplu nnaqqsu d-disparitajiet ta' bejnietna u ser ngħinu dejjem lil dawk l-aktar vulnerabbli fl-Ewropa, billi npoġġu lin-nies qabel il-politika.
  • Ser nagħtu lilna nfusna l-mezzi biex inwettqu l-ambizzjonijiet tagħna. Ser nipprovdu lill-Unjoni bil-mezzi meħtieġa biex tilħaq l-objettivi tagħha u twettaq il-politiki tagħha.
  • Ser nissalvagwardjaw il-ġejjieni għall-ġenerazzjonijiet ta' Ewropej li jmiss. Ser ninvestu fiż-żgħażagħ u nibnu Unjoni xierqa għall-ġejjieni, li tkun kapaċi tiffaċċa l-aktar sfidi serji tas-seklu 21.
  • Ser nipproteġu liċ-ċittadini tagħna u nżommuhom sikuri billi ninvestu fis-setgħat tagħna ta' persważjoni u ta' koerċizzjoni, u billi naħdmu mas-sħab internazzjonali tagħna.
  • L-Ewropa ser tkun mexxej dinji responsabbli. L-isfidi li għandna quddiemna llum jaffettwawna lkoll. Ser nibqgħu naħdmu mas-sħab tagħna fid-dinja biex nippromwovu u niżviluppaw ordni bbażat fuq ir-regoli, nieħdu l-aqwa vantaġġi mill-opportunitajiet ġodda ta' kummerċ u flimkien nindirizzaw kwistjonijiet globali bħall-preservazzjoni tal-ambjent tagħna u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Id-deċiżjonijiet li nieħdu ser isegwu l-ispirtu u l-kelma ta' dawn l-għaxar impenji. L-Unjoni tal-lum hija aktar b'saħħitha minn dik ta' lbieraħ u aħna rridu nkomplu nibnu fuq is-saħħa tagħha għall-ġejjieni. Dan huwa l-impenn tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri. Dan huwa l-ispirtu ta' Sibiu u tal-Unjoni ġdida b'27 lesti jilqgħu l-ġejjieni flimkien.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 26 ta' Marzu 2025