Skip to content
  • Kunsill Ewropew
  • Stqarrija għall-istampa
  • 8 ta' Mejju 2021 11:45

Id-dikjarazzjoni ta' Porto

1. Nissottolinjaw l-importanza tal-għaqda u s-solidarjetà Ewropej fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19. Dawn il-valuri ddefinixxew ir-rispons taċ-ċittadini Ewropej għal din il-kriżi u jinsabu wkoll fil-qalba tal-proġett komuni tagħna u tal-mudell soċjali distintiv. Aktar minn qatt qabel, l-Ewropa trid tkun il-kontinent tal-koeżjoni soċjali u l-prosperità. Aħna naffermaw mill-ġdid l-impenn tagħna li naħdmu lejn Ewropa soċjali.

2. Minn mindu faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, azzjoni rapida, kritika u komprensiva fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali pproteġiet miljuni ta' ħajjiet, impjiegi u negozji.

3. L-istess spirtu ta' unità u solidarjetà ispira l-ftehim storiku tagħna f'Lulju 2020 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali u l-isforz ta' rkupru speċifiku taħt Next Generation EU. Hekk kif inħaffu t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, dan l-investiment Ewropew massiv u r-riformi assoċjati ser ipoġġu lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha fis-sod fit-triq ta' riforma lejn irkupru ġust, sostenibbli u reżiljenti. Irkupru kollettiv, inklużiv, f'waqtu u koeżiv ser isaħħaħ il-kompetittività, ir-reżiljenza, id-dimensjoni soċjali u r-rwol tal-Ewropa fix-xena globali.

4. Aħna nilqgħu l-konferenza ta' livell għoli organizzata mill-Presidenza Portugiża fil-kuntest tas-Summit Soċjali ta' Porto u nieħdu nota tal-eżitu tagħha. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa element fundamentali tal-irkupru. L-implimentazzjoni tiegħu ser issaħħaħ l-ispinta tal-Unjoni lejn tranżizzjoni diġitali, ekoloġika u ġusta u tikkontribwixxi għall-kisba ta' konverġenza soċjali u ekonomika 'l fuq u l-indirizzar tal-isfidi demografiċi. Id-dimensjoni soċjali, id-djalogu soċjali u l-involviment attiv tas-sħab soċjali minn dejjem kienu fil-qalba ta' ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna. L-impenn tagħna għall-għaqda u s-solidarjetà jfisser ukoll li niżguraw opportunitajiet indaqs għal kulħadd u li ħadd ma jitħalla jibqa' lura.

5. Kif stabbilit mill-Aġenda Strateġika 2019-2024 tal-UE, aħna determinati li nkomplu napprofondixxu l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, bil-konsiderazzjoni dovuta għall-kompetenzi rispettivi u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Il-Pjan ta' Azzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni fl-4 ta' Marzu 2021 jipprovdi gwida utli għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż fl-oqsma tal-impjiegi, il-ħiliet, is-saħħa u l-protezzjoni soċjali.

6. Aħna nilqgħu l-miri ewlenin tal-UE l-ġodda dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u t-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali riveduta proposti fil-Pjan ta' Azzjoni li ser jgħinu fil-monitoraġġ tal-progress lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Soċjali, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali differenti, u bħala parti mill-qafas ta' koordinazzjoni tal-politika fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

7. Hekk kif l-Ewropa tirkupra gradwalment mill-pandemija tal-COVID-19, il-prijorità ser tkun li nimxu mill-protezzjoni għall-ħolqien tal-impjiegi u għat-titjib tal-kwalità tal-impjiegi, fejn l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (inkluż l-intrapriżi soċjali) għandhom rwol ewlieni. L-implimentazzjoni tal-prinċipji fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ser tkun essenzjali biex jiġi żgurat il-ħolqien ta' aktar impjiegi u impjiegi aħjar għal kulħadd fi ħdan il-qafas ta' rkupru inklużiv. F'dan ir-rigward, il-ħidma leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva rilevanti għandha titmexxa 'l quddiem fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri.

8. Ser inpoġġu l-edukazzjoni u l-ħiliet fiċ-ċentru tal-azzjoni politika tagħna. It-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali ser iġibu magħhom opportunitajiet enormi għaċ-ċittadini Ewropej iżda wkoll ħafna sfidi, li ser jirrikjedu aktar investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, it-tagħlim tul il-ħajja, fit-taħriġ ta' aġġornament u fit-taħriġ mill-ġdid, sabiex jiġu stimulati t-tranżizzjoni professjonali lejn setturi fejn hemm domanda dejjem tikber għax-xogħol. Fl-istess ħin, il-bidliet marbuta mad-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, it-telexogħol u l-ekonomija tal-pjattaformi ser jeħtieġu attenzjoni partikolari bil-ħsieb li jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema, is-sistemi tas-sigurtà soċjali u s-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

9. Aħna impenjati li nnaqqsu l-inugwaljanzi, niddefendu pagi ġusti, niġġieldu l-esklużjoni soċjali u nindirizzaw il-faqar, nilħqu l-objettiv li niġġieldu l-faqar fost it-tfal u nindirizzaw ir-riskji tal-esklużjoni għal gruppi soċjali partikolarment vulnerabbli bħall-persuni qiegħda fit-tul, l-anzjani, il-persuni b'diżabbiltà jew il-persuni mingħajr dar.

10. Ser inżidu l-isforzi biex niġġieldu d-diskriminazzjoni u naħdmu b'mod attiv biex nagħlqu d-differenzi bejn il-ġeneri fl-impjiegi, fil-pagi u fil-pensjonijiet, u biex nippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ekwità għal kull individwu fis-soċjetà tagħna, f'konformità mal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipju 2 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

11. Ser nagħtu prijorità lill-azzjoni biex nappoġġaw liż-żgħażagħ, li ġew affettwati b'mod negattiv ħafna mill-kriżi tal-COVID-19, li fixklet profondament il-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol kif ukoll il-pjanijiet tagħhom għall-edukazzjoni u t-taħriġ. Iż-żgħażagħ jirrappreżentaw sors indispensabbli ta' dinamiżmu, talent u kreattività għall-Ewropa. Irridu niżguraw li dawn isiru l-ixprun tal-irkupru ekoloġiku u diġitali inklużiv biex jgħinu fil-bini tal-Ewropa tal-futur, inkluż billi jintuża l-potenzjal sħiħ ta' Erasmus+ biex titrawwem il-mobbilità madwar l-Ewropa għall-istudenti u l-apprendisti kollha.

12. Aħna nenfasizzaw l-importanza li jiġi segwit mill-qrib, inkluż fl-ogħla livell, il-progress miksub lejn l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-miri ewlenin tal-UE għall-2030.

13. Aħna nilqgħu, bħala suċċess ieħor tad-djalogu soċjali Ewropew, il-proposta konġunta mis-Sħab Soċjali Ewropej għal sett alternattiv ta' indikaturi biex jitkejjel il-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali, li jissupplimenta l-PDG bħala kejl tal-benessri soċjali għal tkabbir inklużiv u sostenibbli.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 24 ta' Jannar 2025