"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%": il-Kunsill jilħaq approċċi ġenerali relatati mat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-impatti soċjali tagħhom
Illum il-Kunsill adotta l-pożizzjonijiet ta' negozjar tiegħu (approċċi ġenerali) dwar proposti leġiżlattivi importanti fil-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%". Il-pakkett, ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea fl-14 ta' Lulju 2021, ser jippermetti lill-Unjoni Ewropea tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta' gassijiet serra netti b'mill-inqas 55% sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990 u tikseb newtralità klimatika fl-2050.
Il-kisba, immexxija mill-Presidenza Franċiża, ta' ftehim bejn l-istati membri dwar il-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" hija pass kruċjali fil-kisba tal-objettivi klimatiċi tagħna fis-setturi ewlenin tal-ekonomija. It-tranżizzjoni ekoloġika u dik enerġetika ser jeħtieġu l-kontribut tas-setturi u tal-istati membri kollha, b'mod ġust u inklużiv. Il-Kunsill issa huwa lest li jinnegozja mal-Parlament Ewropew dwar il-konklużjoni tal-pakkett, u b'hekk iqiegħed lill-Unjoni Ewropea aktar minn qatt qabel fuq quddiem fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
Agnès Pannier-Runacher, Ministru għat-tranżizzjoni tal-enerġija ta' Franza
L-istati membri adottaw pożizzjoni komuni dwar l-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet (EU ETS), il-kondiviżjoni tal-isforzi bejn l-istati membri f'setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS (ESR), l-emissjonijiet u l-assorbimenti mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF), il-ħolqien ta' fond soċjali għall-klima (SCF) u standards ġodda ta' rendiment għall-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet.
Dawn il-ftehimiet iwittu t-triq biex jibdew negozjati mal-Parlament Ewropew.
Skema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet
L-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) hija suq tal-karbonju bbażat fuq sistema ta' limitu u skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet għall-industriji intensivi fl-enerġija u s-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija.
Il-Kunsill qabel li jżomm l-ambizzjoni ġenerali ta' 61% tat-tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030 fis-setturi koperti mill-EU ETS, kif propost mill-Kummissjoni.
Il-Kunsill qabel ukoll ma' tnaqqis ta' darba tal-limitu massimu globali tal-emissjonijiet b'117-il miljun kwota ("bidla fil-bażi") u maż-żieda tar-rata ta' tnaqqis annwali aktar qawwija tal-limitu massimu b'4.2% fis-sena ("fattur lineari ta' tnaqqis").
Il-Kunsill approva l-proposta li tissaħħaħ ir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq (MSR), billi jestendi, lil hinn mill-2023, iż-żieda fir-rata annwali ta' konsum tal-kwoti (24%) u jistipula livell limitu ta' 400 miljun kwota b'mod li dawk imqiegħda fir-riżerva li jaqbżu dan il-livell ma baqgħux validi.
Il-Kunsill qabel li jagħmel it-tnedija tal-mekkaniżmu li jattiva r-rilaxx tal-kwoti MSR fis-suq, f'każ ta' żieda eċċessiva fil-prezzijiet, awtomatika u aktar reattiva.
Fir-rigward tas-setturi koperti mill-Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM), il-Kunsill approva l-proposta biex jintemmu progressivament il-kwoti bla ħlas għas-setturi kkonċernati mis-CBAM, fuq perjodu ta' 10 snin bejn l-2026 u l-2035. Madankollu, il-Kunsill aċċetta tnaqqis aktar bil-mod fil-bidu u rata aċċellerata ta' tnaqqis fi tmiem dan il-perjodu ta' 10 snin. L-appoġġ għad-dekarbonizzazzjoni ta' dawn is-setturi ser ikun possibbli permezz tal-Fond għall-Innovazzjoni. Il-Kunsill talab ukoll lill-Kummissjoni biex timmonitorja l-impatt tas-CBAM, inkluż dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fl-esportazzjoni, u biex tivvaluta jekk kinux meħtieġa miżuri addizzjonali.
Fir-rigward tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, il-Kunsill żamm iż-żieda fil-volum tiegħu permezz tal-irkantar ta' limitu massimu addizzjonali ta' 2.5%, iż-żieda fis-sehem tal-investimenti prijoritarji għal 80%, u ż-żieda ta' setturi eliġibbli ġodda, kif propost mill-Kummissjoni. Il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-lista ta' stati membri li jibbenefikaw mill-Fond għall-Modernizzazzjoni. Il-proġetti tal-gass naturali fil-prinċipju mhux ser ikunu eliġibbli għall-Fond. Madankollu, il-Kunsill introduċa miżura tranżizzjonali li tippermetti lill-benefiċjarji tal-Fond ikomplu jiffinanzjaw proġetti tal-gass naturali taħt ċerti kondizzjonijiet.
Il-Kunsill saħħaħ ukoll ċerti dispożizzjonijiet tal-Fond għall-Innovazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità li għandha l-għan li tagħmel il-parteċipazzjoni fi proġetti aktar effettiva u ġeografikament ibbilanċjata, filwaqt li tippreserva l-prinċipju ta' eċċellenza fl-allokazzjoni tal-proġetti. Il-Kunsill qabel li jagħti attenzjoni partikolari għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu taħt il-Fond għall-Innovazzjoni.
Il-Kunsill tejjeb il-governanza u t-trasparenza taż-żewġ fondi.
Tista' tingħata allokazzjoni tranżizzjonali bla ħlas addizzjonali taħt ċerti kondizzjonijiet lis-settur tat-tisħin distrettwali f'ċerti stati membri soġġetta għal ċerti kondizzjonijiet, sabiex titħeġġeġ id-dekarbonizzazzjoni ta' dak is-settur.
Il-Kunsill qabel li jinkludi l-emissjonijiet mit-trasport marittimu fl-ambitu tal-EU ETS. L-approċċ ġenerali jaċċetta l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni gradwali ta' obbligi għall-kumpaniji tat-tbaħħir biex iċedu l-kwoti. Peress li l-istati membri li jiddependu ħafna mit-trasport marittimu naturalment ser ikunu l-aktar affettwati, il-Kunsill qabel li jqassam mill-ġdid 3.5% tal-limitu massimu tal-kwoti rkantati lil dawk l-istati membri. Barra minn hekk, l-approċċ ġenerali jqis l-ispeċifiċitajiet ġeografiċi u jipproponi miżuri tranżitorji għall-gżejjer żgħar, in-navigazzjoni fix-xitwa u l-vjaġġi relatati mal-obbligi tas-servizz pubbliku, u jsaħħaħ il-miżuri biex jiġi miġġieled ir-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fis-settur marittimu.
L-approċċ ġenerali jinkludi l-emissjonijiet mhux tas-CO2 fir-regolament MRV mill-2024 u jintroduċi klawżola ta' rieżami għall-inklużjoni sussegwenti tagħhom fl-EU ETS.
Il-Kunsill qabel li joħloq sistema ġdida u separata għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq. Is-sistema l-ġdida ser tapplika għad-distributuri li jfornu fjuwils għall-konsum fis-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq. Madankollu, il-bidu tal-obbligi tal-irkantar u ċ-ċediment ser jiddewwem b'sena meta mqabbel mal-proposta tal-Kummissjoni (l-irkantar tal-kwoti mill-2027 'il quddiem u ċ-ċediment mill-2028 'il quddiem). It-trajettorja tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-fattur lineari ta' tnaqqis stabbilit għal 5.15 mill-2024 u 5.43 mill-2028 jibqgħu kif proposti mill-Kummissjoni. Il-Kunsill żamm il-proposta li jirkanta 30% addizzjonali tal-volum tal-irkant għall-ewwel sena tat-tnedija tas-sistema, sabiex din taħdem bla xkiel ("frontloading").
Il-Kunsill introduċa inklużjoni fakultattiva għall-fjuwils fossili kollha. Huwa introduċa rekwiżiti simplifikati ta' monitoraġġ, rappurtar u verifika għall-fornituri ż-żgħar ta' fjuwils.
Il-Kunsill żied possibbiltà temporanja għall-istati membri biex jeżentaw lill-fornituri miċ-ċessjoni tal-kwoti sa Diċembru 2030, jekk huma soġġetti għal taxxa fuq il-karbonju fil-livell nazzjonali, li l-livell tagħha huwa ekwivalenti jew ogħla mill-prezz tal-irkant għal kwoti fl-ETS għas-settur tal-bini u t-trasport.
Il-Kunsill qabel li jelimina gradwalment il-kwoti tal-emissjonijiet bla ħlas għas-settur tal-avjazzjoni sal-2027 u jallinja l-proposta mal-Iskema globali ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA). L-EU ETS ser tapplika għal titjiriet intra-Ewropej (inkluż ir-Renju Unit u l-Iżvizzera), filwaqt li CORSIA ser tapplika għall-operaturi tal-UE għal titjiriet barra mill-Ewropa lejn u minn pajjiżi terzi li jipparteċipaw fil-CORSIA. Il-Kunsill qabel li jwarrab 20 miljun mill-kwoti bla ħlas li tneħħew gradwalment biex jikkumpensaw għall-ispejjeż addizzjonali assoċjati mal-użu ta' fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli (SAFs). Barra minn hekk, il-ftehim tal-Kunsill jieħu kont taċ-ċirkostanzi ġeografiċi speċifiċi u, f'dak il-kuntest, jipproponi derogi tranżitorji limitati.
Fond soċjali għall-klima
Il-Kunsill qabel li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima biex jappoġġa unitajiet domestiċi, mikrointrapriżi u utenti tat-trasport vulnerabbli b'mod li jkun ta' sostenn għall-ħolqien ta' sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq.
Kull stat membru jippreżenta lill-Kummissjoni "pjan soċjali għall-klima", li jkun fih sett ta' miżuri u investimenti biex jiġi indirizzat l-impatt tal-ipprezzar tal-karbonju fuq iċ-ċittadini vulnerabbli. Il-Fond ser jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-istati membri biex jiffinanzjaw il-miżuri u l-investimenti identifikati fil-pjanijiet tagħhom, biex iżidu l-effiċjenza fl-enerġija tal-bini, ir-rinnovazzjoni tal-bini, id-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u tal-arja kundizzjonata fil-bini u l-użu ta' mobbiltà u trasport b'emissjonijiet żero u b'emissjonijiet baxxi, inkluż miżuri li jipprovdu appoġġ dirett għall-introjtu b'mod temporanju u limitat.
Il-Kunsill qabel li l-fond ikun parti mill-baġit tal-UE u alimentat minn dħul assenjat estern sa ammont massimu ta' 59 biljun euro. Din l-arkitettura baġitarja tippermetti lill-fond jibbenefika minn sensiela ta' garanziji marbuta mal-baġit Ewropew, mingħajr ma jerġa' jinfetaħ il-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE.
Il-fond ser jiġi stabbilit matul il-perjodu 2027-2032, biex jikkoinċidi mad-dħul fis-seħħ tal-ETS għas-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq, b'eliġibbiltà retroattiva tan-nefqa mill-1 ta' Jannar 2026.
Il-Kunsill iddeċieda li japplika limitu massimu ta' 35% tal-ispejjeż totali stmati tal-pjanijiet soċjali għall-klima għall-possibbiltà li l-istati membri joffru appoġġ temporanju dirett għall-introjtu.
Il-Kunsill qabel li l-fond ikun ta' benefiċċju għall-istati membri kollha u żamm il-metodu ta' allokazzjoni propost mill-Kummissjoni. Il-Kunsill iddeċieda li ma jżommx il-kontribuzzjoni nazzjonali (kofinanzjament) prevista fil-proposta tal-Kummissjoni. Fir-rigward tal-metodu ta' ġestjoni tal-Fond, il-Kunsill għażel ġestjoni diretta tal-prestazzjonijiet kkombinata ma' elementi ta' ġestjoni kondiviża. Għalhekk iddeċieda li joffri lill-istati membri l-possibbiltà li jirċievu assistenza teknika għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Pjan.
Regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi
Il-Kunsill qabel dwar mira ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fil-livell tal-UE ta' 40% meta mqabbla mal-2005, għas-setturi mhux koperti mill-ETS, jiġifieri t-trasport marittimu domestiku, l-agrikoltura, l-iskart u l-industriji ż-żgħar. Is-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq ser ikunu koperti kemm taħt l-ETS il-ġdida dedikata kif ukoll taħt ir-regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi. Dawn is-setturi flimkien bħalissa jiġġeneraw madwar 60% tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE.
Il-Kunsill qabel li jżomm il-miri nazzjonali miżjuda assenjati lil kull stat membru, kif propost mill-Kummissjoni. Huwa żied referenza għall-fatt li l-kisba tal-objettivi tar-regolament tirrikjedi konverġenza tal-isforzi tal-istati membri kollha tul iż-żmien, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi. Il-Kunsill qabel li t-trajettorji lineari tal-emissjonijiet għal kull stat membru jiġu aġġustati fl-2025 biss f'każ li dan iwassal għal limiti annwali ogħla għall-istat membru kkonċernat, għal raġunijiet ta' prevedibbiltà u sabiex jittieħed kont tal-impatt ta' avvenimenti mhux previsti bħall-pandemija tal-COVID-19 fuq l-emissjonijiet.
B'mod partikolari, l-approċċ ġenerali jżid l-ammont ta' kwoti tal-emissjonijiet annwali li jistgħu jiġu ttrasferiti bejn l-istati membri għal 10% fir-rigward tas-snin 2021 sa 2025, u 20% fir-rigward tas-snin 2026 sa 2030. It-test jagħmel ukoll dawn l-iskambji aktar trasparenti, b'mod partikolari permezz ta' obbligi ta' rappurtar imsaħħa. Dan jiffaċilita l-użu tal-flessibbiltà tal-ETS li jippermettu lil disa' stati membri jużaw ammont limitat ta' kwoti tal-ETS biex jikkumpensaw għall-emissjonijiet fis-setturi tal-kondiviżjoni tal-isforzi mill-2021 sal-2030. Dan jagħmel ukoll l-arranġamenti fir-rigward tal-użu tar-riżerva addizzjonali proposta mill-Kummissjoni aktar flessibbli. Barra minn hekk, iżomm il-proposta biex il-flessibbiltà marbuta mal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) tinqasam f'żewġ perjodi.
L-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija
Is-settur tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) ikopri l-użu tal-ħamrija, is-siġar, il-pjanti, il-bijomassa u l-injam. L-emissjonijiet u l-assorbimenti ġġenerati mis-settur tal-LULUCF jitqiesu fil-mira ġenerali tal-UE għall-2030.
Il-Kunsill ikkonferma objettiv ġenerali ta' 310 Mt ekwivalenti ta' CO2 ta' assorbimenti netti fis-settur tal-LULUCF fl-2030 fil-livell tal-UE. Dan jirrappreżenta żieda fl-assorbimenti ta' madwar 15% meta mqabbel mal-lum. Ir-regoli attwali li skonthom l-emissjonijiet ma jaqbżux l-assorbimenti (ir-"regola ta' ebda debitu") ser jibqgħu japplikaw sal-2025. Għall-perjodu mill-2026 sal-2030, kull stat membru ser ikollu mira nazzjonali vinkolanti għall-2030. Barra minn hekk, il-Kunsill stabbilixxa impenn għal kull stat membru biex jikseb is-somma tal-emissjonijiet u l-assorbimenti netti ta' gassijiet serra għall-perjodu kollu mill-2026 sal-2030 ("il-baġit 2026-2030"). Il-baġit ser ikun ibbażat fuq trajettorja ta' valuri annwali indikattivi. Il-Kunsill iddeċieda li jżomm id-distribuzzjoni tal-miri bejn l-istati membri, kif propost mill-Kummissjoni.
Il-Kunsill qabel li jsaħħaħ il-flessibbiltajiet biex jappoġġa lill-istati membri li għandhom diffikultajiet biex jilħqu l-miri tagħhom minħabba fatturi lil hinn mill-kontroll tagħhom li jaffettwaw is-settur tal-LULUCF, dment li l-Unjoni kollha kemm hi tilħaq il-mira tagħha għall-2030.
B'mod partikolari, il-Kunsill introduċa flessibbiltà addizzjonali marbuta mal-effetti tat-tibdil fil-klima u tal-ħamrija organika, abbażi ta' kriterji u indikaturi oġġettivi u li jistgħu jitkejlu. Sabiex ikollhom aċċess għal din il-flessibbiltà, l-istati membri kkonċernati ser ikollhom jipprovdu evidenza lill-Kummissjoni bl-użu ta' metodoloġija definita sew. Barra minn hekk, il-Kunsill iddeċieda li jżomm l-għażla li l-emissjonijiet mid-disturbi naturali jiġu esklużi mill-kontijiet tal-LULUCF matul il-perjodu 2026-2030, soġġett għall-fatt li ma jintużax il-kumpens għad-disturbi naturali taħt il-flessibbiltajiet.
Il-Kunsill ikkonferma t-tneħħija tal-għażla tal-krediti bankarji tal-LULUCF bejn iż-żewġ perjodi ta' konformità (2021-2025 u 2026-2030).
Il-Kunsill qabel li l-Kummissjoni tippreżenta rapport fi żmien sitt xhur mill-ewwel rendikont globali skont il-Ftehim ta' Pariġi (li għandu jitwettaq fl-2023), dwar l-inklużjoni ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra mhux tas-CO2 mill-agrikoltura fl-ambitu tar-regolament u dwar l-istipular ta' miri għal wara l-2030 għas-settur tal-użu tal-art.
Standards ta' prestazzjoni għall-emissjonijiet ta' CO2 għall-karozzi u l-vannijiet
Il-Kunsill qabel li jgħolli l-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 għal karozzi ġodda u vetturi ġodda sal-2030 għal 55% minflok għall-karozzi u għal 50% għall-vannijiet. Il-Kunsill qabel ukoll li jintroduċi mira ta' tnaqqis ta' 100% tal-emissjonijiet tas-CO2 sal-2035 għal karozzi u vannijiet ġodda.
Permezz tar-reviżjoni relatata tal-varar ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (AFIR), is-sewwieqa ser ikunu jistgħu jirriċarġjaw il-vetturi tagħhom fl-istati membri kollha.
Fl-2026, il-Kummissjoni ser tivvaluta l-progress li sar lejn il-kisba tal-miri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' 100% u l-ħtieġa li jiġu rieżaminati dawn il-miri filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi, inkluż fir-rigward tat-teknoloġiji ibridi plug-in u l-importanza ta' tranżizzjoni vijabbli u soċjalment ekwa lejn emissjonijiet żero.
Il-Kunsill qabel li jtemm il-mekkaniżmu ta' inċentiv regolatorju għal vetturi b'emissjonijiet żero jew baxxi (ZLEV) mill-2030.
Il‑passi li jmiss
Issa li l-Kunsill laħaq qbil dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposti, jistgħu jibdew in-negozjati mal-Parlament Ewropew sabiex jintlaħaq qbil dwar it-test legali finali.