Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 7 ta' Marzu 2023 10:22

Programm ta' konnettività bbażata fl-ispazju: Il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni finali tiegħu

Illum il-Kunsill adotta regolament dwar il-programm ta' konnettività sigura tal-UE għall-2023-2027. Dan huwa l-aħħar pass fil-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Il-programm jistabbilixxi għanijiet għall-Unjoni Ewropea biex tiskjera kostellazzjoni satellitari tal-UE msejħa "IRIS²" (Infrastruttura għar-Reżiljenza, l-Interkonnettività u s-Sigurtà bis-Satellita). IRIS² ser tipprovdi servizzi ta' komunikazzjoni ultraveloċi (latenza baxxa) u siguri ħafna sal-2027. Is-sigurtà ta' dawn il-komunikazzjonijiet ser tkun ibbażata fuq teknoloġiji avvanzati ta' kriptaġġ, inkluż il-kriptografija kwantistika, metodu li juża l-proprjetajiet tal-mekkanika kwantistika biex jiżgura u jittrażmetti d-data b'mod li ma jistax jiġi ħħekkjat.

Il-gvernijiet ser jibbenefikaw minn din is-sistema ta' komunikazzjoni bbażata fl-ispazju għal servizzi bħall-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, is-sorveljanza, l-appoġġ għall-azzjoni esterna jew il-ġestjoni tal-kriżijiet, u b'hekk jgħinu biex jittejbu r-reżiljenza u s-sovranità tal-UE.

Żieda fis-sigurtà tal-komunikazzjoni

Il-programm jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni diġitali tal-UE u għall-istrateġija tal-gateway globali tal-UE, peress li jista' jipprovdi konnettività sigura fuq żoni ġeografiċi ta' interess strateġiku lil hinn mill-fruntieri Ewropej, bħar-reġjun tal-Artiku jew l-Afrika.

Sistema ta' komunikazzjoni bis-satellita tista' tiżgura wkoll servizzi ta' komunikazzjoni rapidi u siguri anke fejn in-networks ta' komunikazzjoni terrestri jkunu ġew interrotti, pereżempju minħabba diżastri naturali, terroriżmu jew attakki ċibernetiċi.

Sistema integrata

Is-sistema tinkludi infrastruttura ġdida li għandha tinbena permezz tal-għoti ta' kuntratti. Il-konċessjonarju/i jenħtieġ li jipprovdi/u wkoll ir-riżorsi għas-servizzi kummerċjali, u b'hekk jiġi żgurat li l-avvanzi teknoloġiċi u l-użu tagħhom mill-gvernijiet ikunu wieħed mill-muturi tal-innovazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni usa' fl-Unjoni.

Il-programm isaħħaħ il-kompetittività tas-servizzi ta' komunikazzjoni bis-satellita tal-UE permezz ta' proġett innovattiv immexxi mill-Aġenzija tal-UE għall-Programm Spazjali (EUSPA) u li jinvolvi firxa ta' sħab inkluż l-Istati Membri, l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) u kumpaniji privati.

Kuntest

Fil-15 ta' Frar 2022, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta għal regolament li jistabbilixxi l-programm tal-Unjoni għall-konnettività sigura għall-2023-2027. Wara negozjati interistituzzjonali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim politiku proviżorju fis-17 ta' Novembru 2022.

Dan il-programm huwa partikolarment importanti għall-orbiti baxxi. Bħalissa, l-orbiti baxxi huma dejjem aktar okkupati minn mega-kostellazzjonijiet minn pajjiżi terzi, filwaqt li l-operaturi tal-UE qed jiffaċċjaw l-isfidi intensivi fil-kapital ta' dawn il-proġetti.

Dan il-proġett ġdid ser jippromwovi sinerġiji mal-komponenti l-oħra tal-programm spazjali tal-Unjoni bħal Galileo (navigazzjoni bis-satellita) u Copernicus (osservazzjoni tad-dinja), u mal-kapaċitajiet ta' għarfien tas-sitwazzjoni fl-ispazju. Dan jibni fuq il-Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita tal-Unjoni Ewropea (GOVSATCOM), li hija wkoll komponent tal-programm spazjali tal-UE.

Il-programm għandu baġit ta' €2.4 biljun, li parti minnu ser jiġi minn pakketti differenti inkluż il-programm spazjali tal-UE, Orizzont Ewropa u l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali - Ewropa Globali (NDICI).

Il-passi li jmiss

Wara li llum il-Kunsill approva l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-att leġiżlattiv ġie adottat.

Wara li jiġi ffirmat mill-President tal-Parlament Ewropew u mill-President tal-Kunsill, ir-regolament ser jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u ser jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 30 ta' Jannar 2025