"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport (Edukazzjoni), 7 ta' Marzu 2023
Riżultati ewlenin
Ħiliet u kompetenzi għat-tranżizzjoni ekoloġika
Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-ħiliet u l-kompetenzi għat-tranżizzjoni ekoloġika. Dawn jiġu fl-isfond tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta' Frar 2023 fejn il-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-UE appellaw għal azzjonijiet aktar kuraġġużi u aktar ambizzjużi biex jiġu żviluppati aktar il-ħiliet li huma meħtieġa għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ, it-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet.
In-nuqqas ta' ħaddiema f'setturi meqjusa bħala kruċjali għat-tranżizzjoni ekoloġika rdoppja bejn l-2015 u l-2021 (kif deskritt fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar pjan industrijali tal-patt ekoloġiku għal żmien l-emissjonijiet żero netti). Fl-istess ħin, qed tiżdied id-domanda għall-ħiliet tekniċi għat-tranżizzjoni ekoloġika.
Fil-konklużjonijiet, il-Kunsill stieden lill-istati membri biex – fost affarijiet oħra – jinvolvu l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, l-impjegaturi, is-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fl-identifikazzjoni konġunta tal-ħtiġijiet tat-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika inkluż il-kooperazzjoni pubblika-privata.
Mingħajr dubju, forza tax-xogħol imħarrġa hija prekondizzjoni għal kompetittività mtejba u hija wkoll dik li ser tgħinna niftħu l-bieb għal futur aktar ekoloġiku. Huwa għalhekk li rridu ninvestu issa fit-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet tal-popolazzjoni żagħżugħa u adulta.
Lotta Edholm, ministru għall-iskejjel tal-Iżvezja
Il-ministri ddiskutew il-kwistjoni tan-nuqqas ta' għalliema u b'mod partikolari l-valur miżjud ta' kooperazzjoni Ewropea msaħħa u azzjonijiet fil-livell tal-UE biex jiġu attirati, imtejba u miżmuma l-għalliema u l-ħarrieġa.
L-istati membri madwar l-UE qed jiffaċċjaw nuqqasijiet ta' għalliema li jirrappreżentaw riskju serju għall-kwalità u l-ekwità tal-edukazzjoni. Dawn in-nuqqasijiet huma, fost affarijiet oħra, dovuti għat-tixjiħ tal-forza tax-xogħol tal-għalliema – kważi 40% tal-forza tax-xogħol tal-għalliema għandhom aktar minn 50 sena – u l-perċezzjonijiet dwar l-attraenza baxxa tal-professjoni.
Ħafna delegazzjonijiet enfasizzaw li – fid-dawl tal-pertinenza tal-kwistjoni għall-istati membri kollha – id-dibattitu kien f'waqtu ħafna. Għalliema kwalifikati u mħarrġa sew huma fil-qalba ta' sistema edukattiva li tiffunzjona tajjeb u huma kruċjali biex tinkiseb iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (EEA). Il-Kunsill ser jerġa' lura għas-suġġett fil-laqgħa tiegħu f'Mejju fil-kuntest tal-konklużjonijiet ippjanati tiegħu dwar l-EEA.
Taħt affarijiet oħra, il-Kummissjoni Ewropea tat informazzjoni dwar l-inizjattiva tagħha biex tiċċelebra l-Jum tal-Awturi Ewropej. L-ewwel edizzjoni tal-Jum tal-Awturi Ewropej ser issir fis-27 ta' Marzu 2023.
Bħala punti mingħajr diskussjoni, il-Kunsill adotta diversi atti leġiżlattivi oħra.
Il-Kunsill adotta regolament biex jestendi l-iskadenza għaċ-ċertifikazzjoni tal-apparati mediċi. Din il-miżura ser tipprevjeni li jsiru indisponibbli apparati mediċi li ma jistgħux jiġu ċċertifikati sad-data ta' skadenza inizjali.
Il-Kunsill adotta wkoll Ftehim ta' Sħubija Volontarja (VPA) bejn l-UE u l-Guyana biex tittejjeb il-governanza tal-foresti u jiġi żgurat li l-prodotti tal-injam esportati lejn l-UE jkunu ġew prodotti legalment. Il-ftehim huwa parti mill-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT), adottat fl-2003 biex jiġu indirizzati d-deforestazzjoni u l-kummerċ tal-injam illegali.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.