Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 16 ta' Novembru 2023 17:12

Protezzjoni kontra l-manipulazzjoni tas-suq fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa: il-Kunsill u l-Parlament jilħqu ftehim

Din l-istqarrija għall-istampa nbidlet fil-21 ta' Diċembru 2023 biex jiżdied it-test tal-ftehim proviżorju

Il-Kunsill u l-Parlament illum laħqu ftehim politiku proviżorju dwar ir-regolament biex tittejjeb il-protezzjoni tal-UE kontra l-manipulazzjoni tas-suq fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa (REMIT). Ir-regolament REMIT jappoġġa kompetizzjoni miftuħa u ġusta fis-swieq Ewropej tal-enerġija bl-ingrossa u jistabbilixxi l-bażi għal aktar trasparenza u integrità tas-suq.

Teresa Ribera Rodríguez, it-tielet aġent viċi president tal-gvern ta' Spanja u ministru għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-isfida demografika
Din hija aħbar tajba għall-konsumaturi u l-kumpaniji, speċjalment fi żminijiet ta' prezzijiet volatili tal-enerġija. Ir-Regolament REMIT ser itejjeb il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-kumpaniji kontra l-manipulazzjoni tas-suq u ser isaħħaħ il-qafas biex jindirizza u jipprevjeni l-abbuż tas-suq.
Teresa Ribera Rodríguez, it-tielet aġent viċi president tal-gvern ta' Spanja u ministru għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-isfida demografika
Teresa Ribera Rodríguez, it-tielet aġent viċi president tal-gvern ta' Spanja u ministru għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-isfida demografika

Ir-REMIT huwa parti minn riforma usa' tat-tfassil tas-suq tal-elettriku tal-UE. Il-partijiet li fadal tar-riforma, li ser jiġu miftiehma mill-Kunsill u l-Parlament fi stadju aktar tard, għandhom l-għan li jagħmlu l-prezzijiet tal-elettriku inqas dipendenti fuq prezzijiet volatili tal-fjuwils fossili, iħarsu lill-konsumaturi minn żidiet qawwija fil-prezzijiet, idaħħlu l-użu tal-enerġiji rinnovabbli aktar malajr u jtejbu l-protezzjoni tal-konsumatur.

Reġistrazzjoni tal-parteċipanti fis-suq

Iż-żewġ koleġiżlaturi qablu li l-parteċipanti fis-suq minn pajjiżi terzi jridu jaħtru rappreżentant fi stat membru li fih il-parteċipanti fis-suq ikunu attivi fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa. Ir-rappreżentant għandu jinħatar b'mandat bil-miktub u awtorizzat biex jaġixxi f'isem il-parteċipant fis-suq.

Barra minn hekk, il-parteċipanti fis-suq huma obbligati jiżguraw li r-rappreżentant tagħhom ikollu s-setgħat u l-mezzi meħtieġa biex jiżgura l-konformità effiċjenti u f'waqtha tal-parteċipanti fis-suq mad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni fit-talbiet għall-informazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER).

Is-setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-ACER u l-kompetenza li timponi sanzjonijiet

Il-Kunsill u l-Parlament qablu dwar il-kamp ta' applikazzjoni tas-setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-ACER għal spezzjonijiet fuq il-post, talbiet għal informazzjoni u awtorizzazzjonijiet jew irtirar ta' awtorizzazzjonijiet ta' Pjattaformi tal-Informazzjoni Privileġġata (IIPs) u Mekkaniżmi ta' Rapportar Irreġistrati (RRMs).

Barra minn hekk, l-ACER għandha s-setgħa timponi pagamenti perjodiċi ta' penali sabiex tiżgura l-konformità mad-deċiżjonijiet ta' spezzjoni fuq il-post u mat-talbiet għal informazzjoni.

Is-setgħa li jiġu imposti multi għal ksur tal-projbizzjonijiet jew l-obbligi sostantivi inklużi fir-regolament ser tibqa' f'idejn l-istati membri.

Delimitazzjoni ta' każijiet b'impatt transfruntier

Il-ftehim proviżorju jipprevedi li l-ACER għandha d-dritt tinvestiga każijiet b'dimensjoni transfruntiera u li tipprijoritizza l-każijiet.

L-ACER għandha d-dritt tinvestiga każijiet fejn l-imġiba taffettwa mill-inqas żewġ stati membri.

Oġġezzjoni għall-eżerċizzju tas-setgħa ta' investigazzjoni tal-ACER

Iż-żewġ istituzzjonijiet qablu li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs) ser ikomplu jkunu jistgħu joġġezzjonaw għall-eżerċitar tas-setgħat investigattivi tal-aġenzija meta l-NRAs ikunu fetħu formalment jew ikunu wettqu investigazzjoni dwar l-istess fatti. L-NRAs ser ikollhom massimu ta' tliet xhur biex joġġezzjonaw.

L-għodod tal-ACER biex twettaq investigazzjonijiet

Sabiex twettaq investigazzjonijiet, l-ACER ser tagħmel użu minn diversi għodod. Pereżempju, l-ACER ser tkun tista' twettaq spezzjonijiet fuq il-post u toħroġ talbiet għal informazzjoni kif ukoll is-setgħa li tieħu dikjarazzjonijiet.

Il-passi li jmiss

Il-ftehim proviżorju li ntlaħaq illum mal-Parlament Ewropew issa jeħtieġ li jiġi approvat u adottat formalment miż-żewġ istituzzjonijiet.

Informazzjoni ġenerali

Ir-riforma tat-tfassil tas-suq tal-elettriku tipproponi li tiġi emendata l-leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-suq tal-elettriku u li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-UE kontra l-manipulazzjoni tas-suq permezz ta' titjib fil-monitoraġġ u t-trasparenza (REMIT).

Il-Kummissjoni adottat il-proposti dwar ir-riforma tat-tfassil tas-suq tal-elettriku tal-UE fl-14 ta' Marzu 2023.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 20 ta' Jannar 2025