Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 27 ta' Novembru 2023 15:52

Kard tal-UE tad-diżabilità: l-ivvjaġġar fl-UE ser isir aktar faċli għall-persuni b'diżabilità

Illum il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu – approċċ ġenerali – fin-negozjati dwar id-direttiva li tistabbilixxi l-kard Ewropea tad-diżabilità u l-kard Ewropea għall-parkeġġ għall-persuni b'diżabilità.

Pablo Bustinduy, Ministru għad-Drittijiet Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Aġenda 2030 ta' Spanja
Illum ilħaqna qbil fost l-istati membri tal-UE dwar il-kard Ewropea l-ġdida tad-diżabilità u l-kard Ewropea l-ġdida għall-parkeġġ għall-persuni b'diżabilità. Kundizzjonijiet speċjali u trattament preferenzjali li japplikaw għall-persuni b'diżabilità fil-pajjiż ta' residenza tagħhom ser ikunu disponibbli għal ċittadini oħra tal-Unjoni b'diżabilità li jivvjaġġaw lejn dak il-pajjiż jew li jżuruh għal perjodu qasir. L-ivvjaġġar madwar l-Unjoni Ewropea huwa esperjenza li minnha tista' tieħu ħafna ġid, u għandu jkun faċli u aċċessibbli għal kull ċittadin tal-UE, mingħajr eċċezzjoni.
Pablo Bustinduy, Ministru għad-Drittijiet Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Aġenda 2030 ta' Spanja
Pablo Bustinduy, Ministru għad-Drittijiet Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Aġenda 2030 ta' Spanja

Kard komuni għal vjaġġ aċċessibbli madwar l-UE

L-għan ta' din id-direttiva huwa li jiġi żgurat aċċess ugwali għal kundizzjonijiet speċjali jew trattament preferenzjali, bħal dħul b'tariffi orħos jew b'xejn, aċċess prijoritarju, assistenza u parkeġġi riżervati pprovduti lil persuni b'diżabilità matul soġġorni qosra madwar l-UE. Dan jinkludi avvenimenti kulturali u ta' divertiment, faċilitajiet sportivi u ħdejn il-baħar u servizzi tat-trasport.

Barra minn hekk, skont it-test maqbul tal-Kunsill, l-istati membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw l-istess miżuri għal soġġorni itwal minn tliet xhur, inkluż għall-programmi ta' mobbiltà tal-UE.

L-awtoritajiet nazzjonali ser ikunu responsabbli biex joħorġu l-kards Ewropej fiżiċi u diġitali tad-diżabilità f'format aċċessibbli. Il-kards ser jiġu rikonoxxuti bħala prova ta' diżabilità fl-UE kollha.

Il-Kunsill ħa kont tal-prinċipju tal-multilingwiżmu: l-istati membri ser ikunu jistgħu joħorġu kards bilingwi kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-lingwi nazzjonali tagħhom. Il-Kunsill ta wkoll lill-istati membri l-għażla li jinkludu kodiċi QR fuq il-kards, bħala l-aktar għodda effettiva u b'implimentazzjoni faċli biex tiġi evitata l-frodi.

Barra minn hekk, biex jiġu żgurati implimentazzjoni uniformi u rikonoxximent reċiproku fl-Unjoni, fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tad-direttiva, il-kard Ewropea għall-parkeġġ ser tissostitwixxi l-kards għall-parkeġġ kollha li jeżistu għall-mobbiltà transfruntiera. Il-kard għall-parkeġġ ser tinħareġ f'format fiżiku, f'konformità mal-approċċ ġenerali tal-Kunsill. Il-ħruġ ta' kard Ewropea diġitali għall-parkeġġ ser jibqa' volontarju għall-istati membri.

Sensibilizzazzjoni u protezzjoni tad-data

Kemm l-istati membri kif ukoll il-Kummissjoni ser ikunu responsabbli biex jinfurmaw lill-persuni b'diżabilità dwar il-kard Ewropea tad-diżabilità u l-kard Ewropea għall-parkeġġ għall-persuni b'diżabilità, kif ukoll il-kundizzjonijiet speċjali mogħtija lilhom.

Skont it-test maqbul mill-istati membri, sit web tal-UE ser jipprovdi informazzjoni rilevanti dwar il-kard Ewropea tad-diżabilità u l-kard Ewropea għall-parkeġġ għall-persuni b'diżabilità. Dan ser ikun disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE u f'formati aċċessibbli.

L-istati membri qablu li jsaħħu l-protezzjoni tad-data. It-test tal-Kunsill jiċċara li d-data li tinsab fil-kard diġitali ser tkun kriptata u protetta kontra użu mhux awtorizzat. Barra minn hekk, ir-ritratt u l-firma tad-detentur tal-kard ser jitneħħew mill-kard fiżika.

Informazzjoni ġenerali u passi li jmiss

Id-direttiva proposta hija parti mill-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità għall-2021-2030. Din tibni fuq l-esperjenza ta' proġett pilota għal kard tal-UE tad-diżabilità, li sar fi tmien stati membri, u fuq il-kard Ewropea għall-parkeġġ li diġà teżisti għall-persuni b'diżabilità, li kienet ibbażata fuq skema volontarja preċedenti tal-UE.

Il-proposta tal-Kummissjoni ġiet adottata f'Settembru u minn dak iż-żmien saret ħidma intensiva fil-livell tekniku fil-Kunsill biex tinstab pożizzjoni għan-negozjati. In-negozjati dwar is-sura finali tad-direttiva huma mistennija jibdew mill-aktar fis ladarba l-Parlament Ewropew ikun ivvota dwar il-mandat tiegħu fil-bidu tal-2024.

Ritratti ta' tliet persuni: raġel nieqes mid-dawl b'kelb, mara f'siġġu tar-roti u tifel bi problemi ta' mobbiltà li juża assistenza biex jimxi.
Diżabbiltà fl-UE: fatti u ċifri (Infografika)

Diżabbiltà fl-UE: fatti u ċifri (Infografika)

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025