Skip to content
  • Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (Impjiegi u politika soċjali), 27 u 28 ta' Novembru 2023

Riżultati ewlenin

It-Tnejn, 27 ta' Novembru 2023

Kard Ewropea tad-diżabilità u kard Ewropea għall-parkeġġ għall-persuni b'diżabilità

Il-ministri qablu dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill ("approċċ ġenerali") dwar id-direttiva li tistabbilixxi l-kard Ewropea tad-diżabilità u l-kard Ewropea għall-parkeġġ għall-persuni b'diżabilità.

Id-direttiva ser tiffaċilita l-moviment liberu tal-persuni b'diżabilità fl-Unjoni, billi tiżgura l-aċċess ugwali għal kundizzjonijiet speċjali u trattament preferenzjali għall-persuni b'diżabilità waqt soġġorni qosra, bħal dħul b'tariffi mnaqqsa jew b'xejn, aċċess prijoritarju, assistenza u spazji għall-parkeġġ riżervati.

Ser tintroduċi kard Ewropea standardizzata tad-diżabilità u kard Ewropea standardizzata għall-parkeġġ għall-persuni b'diżabilità, li t-tnejn li huma ser ikunu disponibbli f'formati aċċessibbli u bilingwi. Il-kard Ewropea tad-diżabilità ser tiġi rikonoxxuta fl-UE kollha bħala prova tad-diżabilità.

Pablo Bustinduy, Ministru għad-Drittijiet Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Aġenda 2030 ta' Spanja
Illum ilħaqna qbil fost l-istati membri tal-UE dwar il-kard Ewropea l-ġdida tad-diżabilità u l-kard Ewropea l-ġdida għall-parkeġġ għall-persuni b'diżabilità. Kundizzjonijiet speċjali u trattament preferenzjali li japplikaw għall-persuni b'diżabilità fil-pajjiż ta' residenza tagħhom ser ikunu disponibbli għal ċittadini oħra b'diżabilità tal-Unjoni li jivvjaġġaw lejn dak il-pajjiż jew li jżuruh għal perjodu qasir. L-ivvjaġġar madwar l-Unjoni Ewropea huwa esperjenza li minnha tista' tieħu ħafna ġid, u għandu jkun faċli u aċċessibbli għal kull ċittadin tal-UE, mingħajr eċċezzjoni.
Pablo Bustinduy, Ministru għad-Drittijiet Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Aġenda 2030 ta' Spanja
Pablo Bustinduy, Ministru għad-Drittijiet Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Aġenda 2030 ta' Spanja

Il-ministri approvaw ukoll konklużjonijiet dwar ir-Rapport Speċjali 20/23 mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-appoġġ għall-persuni b'diżabilità, filwaqt li fakkru fl-impenn li jtejbulhom ħajjithom fl-Unjoni Ewropea. Il-konklużjonijiet jisħqu fuq il-ħtieġa ta' data aħjar u aktar komparabbli kif ukoll il-ħtieġa li ssir ħidma lejn ir-rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta' diżabilità għal soġġorni qosra.

Semestru Ewropew 2024: Negozjar kollettiv ekoloġiku

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar is-Semestru Ewropew, li huwa l-qafas tal-UE għall-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki ekonomiċi, fiskali, tal-impjiegi u soċjali fuq bażi annwali.

Il-ministri ħadu nota tal-preżentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pakkett tal-Ħarifa tas-Semestru Ewropew 2024, inkluż l-abbozz ta' rapport konġunt dwar l-impjiegi; dan tal-aħħar ser jiġi adottat mill-EPSCO f'Marzu 2024 u għall-ewwel darba jkopri analiżi tal-pajjiż fl-ewwel stadju dwar is-suq tax-xogħol, il-ħiliet u l-iżviluppi soċjali biex jiġu identifikati riskji possibbli għal konverġenza soċjali 'l fuq.

Wara dan, kellhom diskussjoni dwar in-negozjar kollettiv ekoloġiku. Iddiskutew kif in-negozjar kollettiv ekoloġiku jista' jakkumpanja tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika, fejn fid-diskussjoni l-ministri qasmu l-esperjenzi nazzjonali u prattiki tajba. Ħafna ministri enfasizzaw l-importanza li tiġi rispettata l-awtonomija tas-sħab soċjali u li d-djalogu soċjali huwa element fundamentali fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Sabiex din it-tranżizzjoni tirnexxi, il-Kunsill ikkonkluda li n-negozji u l-ħaddiema għandhom jiġu kkonsultati u involuti b'mod attiv.

Il-Kunsill EPSCO approva wkoll il-messaġġi ewlenin mill-Kumitat tal-Impjiegi u mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni dwar l-iżgurar ta' tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika. Skont il-messaġġi ewlenin tagħhom, l-istati membri bdew isibu soluzzjonijiet biex jittrattaw l-isfidi kumplessi li jirriżultaw mit-tranżizzjoni ekoloġika, b'differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi fir-rigward tal-politiki implimentati. Aktar monitoraġġ u evalwazzjoni tal-miżuri relatati mat-tranżizzjoni ġusta ser ikunu kruċjali biex jiggwidaw deċiżjonijiet politiċi fil-futur.

Id-demokrazija fuq il-post tax-xogħol u t-trasformazzjoni tas-servizzi tal-kura

Il-ministri approvaw konklużjonijiet dwar aktar demokrazija fuq ix-xogħol u negozjar kollettiv ekoloġiku għal xogħol deċenti u tkabbir sostenibbli u inklużiv. Il-konklużjonijiet jenfasizzaw l-importanza li jiġu żviluppati forom differenti ta' demokrazija fuq il-post tax-xogħol fil-leġiżlazzjoni jew il-prattika nazzjonali, permezz tad-djalogu soċjali.

Il-konklużjonijiet jistiednu lill-istati membri u lill-Kummissjoni jippromwovu aktar l-inklużjoni ta' elementi ambjentali fin-negozjar kollettiv u b'hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' negozjar kollettiv ekoloġiku fil-livell transsettorjali, settorjali u tal-kumpaniji, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali.

Il-Kunsill approva wkoll konklużjonijiet dwar it-tranżizzjoni ta' sistemi tal-kura tul il-ħajja lejn mudelli ta' appoġġ olistiċi ċċentrati fuq il-persuna u bbażati fil-komunità, b'perspettiva tal-ġeneru. Fost affarijiet oħra, il-konklużjonijiet jistiednu lill-istati membri jipprovdu servizzi affordabbli tal-kura u tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal, kif ukoll jindirizzaw in-nuqqas ta' ħaddiema b'ħiliet fil-kura.

Azzjoni tal-UE kontra r-razziżmu

Fuq il-bażi ta' nota ta' gwida mħejjija mill-presidenza, il-ministri evalwaw il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra r-razziżmu 2020-2025. Id-dibattitu tagħhom iffoka fuq ir-razziżmu strutturali u t-tfassil illegali ta' profil razzjali. Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar kif l-aħjar jindirizzaw dawn il-problemi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali kontra r-razziżmu u fil-pjanijiet ta' azzjoni kontra r-razziżmu.

Huma saħqu fuq il-ħtieġa ta' passi attivi fil-ġlieda kontra l-problema tar-razziżmu u ntrabtu li jkomplu jfittxu soluzzjonijiet effettivi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'kull stat membru.

Fajls leġiżlattivi attwali

Taħt affarijiet oħra, il-presidenza Spanjola pprovdiet informazzjoni dwar ħames fajls leġiżlattivi attwali u l-progress li sar fihom:

  • direttiva dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza (Artikolu 19)
  • direttiva dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza (Artikolu 157)
  • regolament dwar l-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni
  • direttiva dwar il-valuri ta' limitu għaċ-ċomb u d-diisoċjanati
  • direttiva dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi

Kwistjonijiet oħra

Il-presidenza tat informazzjoni dwar konferenzi u laqgħat ta' livell għoli organizzati matul il-mandat tagħha fl-oqsma tal-impjiegi, dawk soċjali u dwar l-ugwaljanza. B'mod partikolari, ippreżentat il-ħidma mwettqa matul il-laqgħa informali tal-ministri għall-ugwaljanza li saret f'Pamplona fl-24 ta' Novembru 2023 u li ffukat fuq il-vjolenza fuq in-nisa. Flimkien mal-Kummissjoni, il-presidenza pprovdiet informazzjoni dwar is-Sena Ewropea tal-Ħiliet.

Ritratti ta' tliet persuni: raġel nieqes mid-dawl b'kelb, mara f'siġġu tar-roti u tifel bi problemi ta' mobbiltà li juża assistenza biex jimxi.
Diżabbiltà fl-UE: fatti u ċifri (Infografika)

Diżabbiltà fl-UE: fatti u ċifri (Infografika)

It-Tlieta, 28 ta' Novembru 2023

Investiment soċjali

Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar ir-rwol tal-investimenti soċjali u r-riformi relatati, kif ukoll dwar miżuri biex jiġu implimentati politiki soċjali bbażati fuq l-evidenza.

Il-Kunsill approva l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, kif ippreżentata mill-presidenti tagħhom, dwar il-valur miżjud tal-investiment soċjali u r-rwol tal-filière tal-Kunsill EPSCO fil-governanza tas-Semestru Ewropew.

L-opinjoni hija parti mill-ħidma biex il-ministri jiġu appoġġati fl-iżvilupp ta' approċċ ikkoordinat dwar l-investimenti soċjali, mingħajr preġudizzju għall-eżitu tad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar ir-rieżami tal-qafas ta' governanza ekonomika, fil-Kunsill ECOFIN.

Skont dikjarazzjoni maħruġa mit-Triju ta' Presidenzi (Spanja, il-Belġju, l-Ungerija), l-approvazzjoni ta' din l-opinjoni ma timplikax approvazzjoni tal-introduzzjoni ta' qafas ta' konverġenza soċjali fis-Semestru Ewropew.

Id-diġitalizzazzjoni fil-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali

Il-ministri tal-Kunsill EPSCO approvaw konklużjonijiet dwar id-diġitalizzazzjoni fil-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, biex jiġi ffaċilitat l-eżerċitar tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali fl-UE u jittaffa l-piż amministrattiv. Il-konklużjonijiet jiddeskrivu l-alternattivi għal aktar ħidma fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni fil-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, u jistiednu lill-istati membri u lill-Kummissjoni jiżguraw l-implimentazzjoni ta' diversi inizjattivi f'dan il-qasam.

Kwistjonijiet oħra

Il-presidenza tat informazzjoni dwar konferenzi u laqgħat ta' livell għoli organizzati matul il-mandat tagħha dwar is-suġġetti tal-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali.

Il-presidenza infurmat ukoll lill-ministri dwar ir-reviżjoni tar-regolamenti dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali (883/04 u 987/09).

Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll il-programm ta' ħidma tagħha għall-2024, ipprovdiet informazzjoni rigward il-pakkett dwar il-mobbiltà tal-ħiliet u t-talenti, u infurmat lill-ministri dwar l-iżviluppi reċenti fl-Ukrajna.

F'sessjoni mhux pubblika, il-presidenza Belġjana li jmiss ippreżentat il-programm ta' ħidma tagħha.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025