Diżabbiltà fl-UE: fatti u ċifri
Ħafna persuni b'diżabbiltà għadhom jiffaċċaw ostakli biex jaċċessaw il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjiegi, attivitajiet rikreattivi, u biex jipparteċipaw fil-ħajja politika. Kważi nofs il-popolazzjoni tal-UE taħseb li d-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà hija mifruxa f'pajjiżhom.
L-UE u l-istati membri tagħha qed jaħdmu biex jiżguraw li l-persuni kollha b'diżabbiltà:
- igawdu d-drittijiet tagħhom, inkluż il-moviment liberu
- jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u fl-ekonomija
- ma jesperjenzawx diskriminazzjoni
Kemm-il persuna għandha diżabbiltà fl-UE?
Fl-2024, 24% tal-popolazzjoni tal-UE minn 16-il sena 'l fuq kellha xi forma ta' diżabbiltà.
Skont l-istimi tal-Eurostat, dan jammonta għal 90 miljunpersuna jew adult minn kull erbgħa fl-UE.
Perċentwal ta' persuni b'diżabbiltà f'kull pajjiż
Il-mappa ta' hawn taħt turi l-perċentwal ta' persuni b'diżabbiltà skont il-pajjiż (id-data ġejja mill-Eurostat u tirreferi għall-2024). Tista' tmur fuq iċ-ċrieki biex tiskopri l-perċentwali għal kull stat membru tal-UE. Il-Latvja għandha l-ogħla sehem ta' persuni b'diżabbiltà (41.2%), bil-Finlandja warajha (34.9%).
Mappa tal-UE li turi l-perċentwal ta' persuni b'diżabbiltà skont il-pajjiż. Il-pajjiżi li kellhom l-ogħla sehem ta' persuni b'diżabbiltà fl-2024 kienu:
-Il-Latvja: 41.2%
-Finlandja: 34.9%
Aktar ma tikber, aktar hemm ċans li jkollok diżabbiltà
Din il-grafika turi s-sehem ta' persuni b'diżabbiltà skont il-grupp ta' età fl-2024.
Bar ċart orizzontali li turi s-sehem ta' persuni b'diżabbiltà skont il-grupp ta' età fl-2024:
- Minn 16 sa 19-il sena: 6%
- Minn 20 sa 24 sena: 7%
- Minn 25 sa 34 sena: 9%
- Minn 35 sa 44 sena: 12%
- Minn 45 sa 64 sena: 23%
- 65 sena jew iktar: 47%
Hemm aktar nisa b'diżabbiltà
Fl-2024, is-sehem ta' nisa b'diżabbiltà kien ogħla minn dak tal-irġiel fl-istati membri kollha. Fl-UE, bħala medja, 26.2% tal-popolazzjoni totali tan-nisa għandha diżabbiltà, meta mqabbla ma' 21.5% tal-popolazzjoni totali tal-irġiel.
Bar ċart doppja li turi s-sehem ta' persuni b'diżabbiltà skont il-ġeneru u skont l-istat membru fl-2024. Il-pajjiżi bl-akbar punt perċentwali differenza bejn l-irġiel u n-nisa kienu:
- Il-Latvja: 6.5 punti perċentwali
- Il-Finlandja: 6.8 punti perċentwali
- Il-Portugall: 9.3 punti perċentwali
L-isfidi li jiffaċċaw il-persuni b'diżabbiltà
1 minn kull 2 iħossuhom diskriminati
Ħafna persuni b'diżabbiltà jiġu ttrattati ħażin jew inġustament minħabba d-diżabbiltà tagħhom. Fl-2023, stħarriġ tal-Ewrobarometru żvela li 54% tal-persuni b'diżabbiltà jħossuhom diskriminati.
1 minn kull 5 huma qiegħda
17.7% tal-persuni b'diżabilità fl-età ta' bejn l-20 u s-26 sena kienu qiegħda fl-2020, meta mqabbla ma' 8.6% tal-persuni mingħajr diżabbiltà mill-istess grupp ta' età. Dan jikkontribwixxi għal nuqqas ta' awtonomija finanzjarja għall-persuni b'diżabbiltà.
1 minn 3 jinsabu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali
Fl-2024, 29% tal-persuni b'diżabbiltà kienu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali, meta mqabbla ma' 18% tal-persuni mingħajr diżabbiltà.
1 minn kull 5 jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien
Ir-rata ta' tluq mill-iskola qabel iż-żmien hija d-doppju għall-persuni b'diżabbiltà meta mqabbla mal-persuni mingħajr diżabbiltà. Ħafna żgħażagħ b'diżabbiltà jattendu skejjel speċjali u għandhom diffikultajiet biex jaċċessaw l-edukazzjoni u t-taħriġ ġenerali: 29% biss jiksbu lawrja terzjarja (edukazzjoni postsekondarja) meta mqabbla ma' 44% tal-persuni mingħajr diżabbiltà.
4 darbiet aktar probabbli li jkollhom ħtiġijiet tal-kura tas-saħħa mhux issodisfati
Kulħadd għandu d-dritt għal kura tas-saħħa preventiva u trattament mediku, iżda għall-persuni b'diżabbiltà l-kura tas-saħħa spiss tkun għalja wisq, 'il bogħod u soġġetta għal ħinijiet twal ta' stennija.
1 minn kull 5 huma vittmi ta' vjolenza
Il-persuni b'diżabbiltà, b'mod partikolari n-nisa, l-anzjani u t-tfal, huma f'riskju akbar li jġarrbu vjolenza u abbuż, kemm id-dar kif ukoll fl-istituzzjonijiet tal-kura: 17% tal-persuni b'diżabbiltà huma vittmi ta' vjolenza, meta mqabbla ma' 8% tal-persuni mingħajr diżabbiltà.
Ara wkoll
Aċċessibbiltà għal prodotti u servizzi għall-persuni b'diżabilità u l-anzjani
Kard Ewropea tad-diżabilità
Nondiskriminazzjoni
L-aħħar reviżjoni: 10 ta' Frar 2026